Djakonija

Ġesù li jaqdi

San Mark jgħidilna li Ġesù Kristu ġie fid-dinja “mhux biex ikun moqdi imma biex jaqdi.” (10,45). Ġesù stess jgħidilna “kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Matt 25,40). Għalhekk il-fejqan u l-għajnuna huma parti integrali mit-tħabbir tal-Bxara t-Tajba, tal-evanġelizzazzjoni (Mt 11, 1-6; Lq 9, 1-2,6).

X’inhi d-djakonija?

Id-Djakonija hija evanġelizzazzjoni mmirata li tilħaq lil kulħadd u mhux biss lin-nies qrib tagħna. Id-djakonija hija qadi b’imħabba lil ħutna fil-bżonn. In-nisrani huwa msejjaħ sabiex isir jixbaħ aktar lil Kristu billi f’kull ħin jara lill-istess Kristu f’kull persuna fil-bżonn. Għalhekk, il-parroċċa bħala kommunita ta’ nsara għandħa d-djakonija bħala parti ċentrali tal-ħidma tagħha. Dan il-qadi lejn ħutna fil-bżonn jilħaq lill-bniedem sħiħ u jirrispetta d-dinjita tiegħu. Ħafna minn dan il-qadi huwa indirizzat lejn dawk li ma tantx jistgħu jagħtu lura. Dan il-qadi għandu dejjem jingħata b’imħabba nisranija u b’dedikazzjoni kbira. Il-parroċċa għandha tkun konvinta li trid tagħti servizz lill-persuni fil-bżonn u mhux issib il-persuni għas-servizz tagħha.

Id-djakonija tirrispetta d-dinjità u d-drittijiet tal-bniedem u għandha mħabba preferenzjali għall-fqar. Id-djakonija hija bbażata fuq it-tliet prinċipji tas-solidarjetà, il-ġid komuni u s-sussidjarjetà. Ilkoll kemm aħna niddependu minn xulxin għall-bżonnijiet tagħna. Il-ġid komuni tas-soċjetà huwa l-ġabra flimkien ta’ dawk il-kundizzjonijiet tal-ħajja soċjali li bihom il-bnedmin jistgħu jilħqu l-perfezzjoni tagħhom b’mod aktar sħiħ u ħafif (Kon Vat II, Dignitatis Humanae – 7 ta’ Diċ 1965, 6). Il-prinċipju tas-sussidjarjetà jfisser li “r-responsabbiltajiet u d-deċiżjonijiet għandhom jiġu eżerċitati kemm jista’ jkun fil-livell ta’ inizjattiva individwali, fil-kommunitajiet u istituzzjonijiet lokali.” (Djakonija u Ġustizzja, Sinodu Malta, 2003).

Il-Kummisjoni Djakonija

Il-Kummissjoni Djakonija fil-parroċċa għandha l-għan li:

  1. Tqanqal il-kuxjenza fost il-membri tal-kommunità nisranija dwar ir-responsabbiltà tagħhom li jgħinu lil dawk fosthom li jkollhom xi diffikulta;
  2. Tiġbor fiha, ssaħħaħ u tikkoordina l-gruppi parrokkjali nvoluti fil-volontarjat soċjali;
  3. Twaqqaf servizzi volontarji ġodda skont il-ħtieġa b’risq il-bniedem fil-bżonn fuq livell parokkjali bi ftehim mal-arċipriet;
  4. Tieħu azzjoni favur il-ġustizzja u l-bidla soċjali flimkien ma’ kummissjonijiet parrokkjali oħra.

Fost għaqdiet li jagħmlu l-djakonija fil-paroċċa San Sebastjan insibu:

  • Legion of Mary: żjajjar lill-anzjani
  • Ministri straordinarji tat-tqarbin
  • Mother and Baby Club
  • Xiri u tqassim ta’ ikel għall-familji fil-bżonn
  • Support Group tal-anzjani

Servizzi fil-Parroċċa

Mother and Baby Club

Sa minn Marzu 2006, il-Mother and Baby Club beda jiltaqa’ kull nhar ta’ Tlieta bejn id-9.30am u 11.30am gewwa c-Ċentru pastorali San Sebastjan, fil-ġranet meta jkun hemm l-iskola. F’post imdaqqas miksi b’tapiti u mimli b’ġugarelli adatti, dawn it-tfal ikollhom l-opportunita jitgħallmu permezz tal-logħob magħzul apposta u permezz tal-kant u wkoll tan-nursery rhymes li nagħmlu flimkien. L-ommijiet jew dawk l-adulti li jieħdu ħsiebhom ikollhom l-opportunita jitkellmu bejniethom, jagħmlu ħbieb ġodda fil-waqt li jkunu ta’ sapport għal xulxin.

L-eta tat-tfal trid tkun ta’ bejn sena u 3 snin. Il-mumenti ta’ ċelebrazzjoni ma jonqsux! Kull darba nagħmlu coffee break u fl-aħħar tax-xahar niċċelebraw il-birthdays tat-tfal li jagħlqu zmienhom f’dak xahar. Fi zminijiet speċjali bħall-Milied u l-Għid nagħmlu festin zgħir ukoll. Għal kull okkazjoni speċjali nagħtuhom tifkira zgħira.

Support grupp tal-Anzjani

Is-sapport grupp tal-anzjani fil-parroċċa ta’ San Sebastjan jiltaqa’ kull nhar ta’ Erbgħa fid-9.30am fil-Kripta tal-Knisja Parrokkjali. Fil-laqgħa kollna kelliema diversi fuq suġġetti varji bħal temi mill-Katekizmu tal-Knisja Kattolika. Fi zmien ir-Randan ikollna prezentazzjonijiet fuq il-passjoni ta’ Sidna Ġesu Kristu. Wara l-festa ta’ San Sebastjan f’ Lulju ma nibqgħux niltaqgħu b’mod formali izda minflok immorru l-baħar fejn l-anzjani jieħdu ħafna pjaċir. Xi ħaġa ma tonqosx ukoll. L-għan ta’ dan il-grupp huwa li darba fil-ġimgħa jinġabru flimkien u jgħidu kelmtejn, jibqgħu attivi u jitgħallmu kif jieħdu ħsieb tagħhom infushom.

Tqassim ta’ provisti mill-EU

Servizz ieħor li toffri il-parroċċa hija huwa t-tqassim ta’ xi provisti provduti mill-Unjoni Ewropa minn zmien għal zmien lill-persuni li għadhom xi bzonnijet partikolari. Dawn huma persuni li huma qed jibbenefikaw mid-dipartiment tas-Sigurta Soċjali minħabba li huma xebbiet Omm, persuni qiegħda, jew qed jirċievu pensjoni ta’ persuni bi bzonnijiet speċjali li tista’ tkun waħda fizika jew mentali jew nuqqas ta’ vista. Jekk inti mill-parroċċa ta’ San Sebastjan u taqa’ f’xi kategorija minn dawn t’hawn fuq, mur l-uffiċju tas-Sigurta Soċjali li jinsab fi triq il-Vitorja u ara jekk intiex intitolat/a għal din l-għajnuna. Dawn il-provisti jitqassmu nhar ta’ Tlieta BISS bejn l-10.30am u l-11.30am mill-Uffiċċju Parrokkjali.