Talb ta’ Kuljum

Is-Sinjal tas-Salib
Fl-Isem tal-Missier , u tal-Iben, u tal-Ispirtu s-Santu. Ammen.

Il-Missierna
Missierna li inti fis-smewwiet, jitqaddes ismek, tiġi saltnatek,ikun li trid int, kif fis-sema hekkda fl-art. Ħobżna ta’ kuljum agħtina llum, aħfrilna dnubietna bħalma naħfru lil min hu ħati għalina, u la ddaħħalniex fit-tiġrib, iżda eħlisna mid-deni. Ammen.

Is-Sliema
Sliema għalik, Marija, bil-grazzja mimlija, Il-Mulej miegħek, imbierka int fost in-nisa, u imbierek il-frott tal-ġuf tiegħek, Gesu. Qaddisa Marija, omm Alla, itlob għalina midinbin issa, u fis-siegħa tal-mewt tagħna. Ammen.

Il-Glorja
Glorja lill-Missier, u lill-Iben u lill-Ispirtu Santu. Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Il-Kredu ta’ l-Appostli
Jiena nemmen f’Alla l-Missier li jista’ kollox, li ħalaq is-sema u l-art;
u f’Gesu Kristu, Ibnu wieħed Sidna;
li kien konċeput mill-Ispirtu s-Santu, twieled minn Marija Verġni;
bata taħt il-ħaqq ta’ Ponzju Pilatu, sallbuh, miet u difnuh;
niżel il-Limbu, mat-tielet jum qam minn bejn l-imwiet;
tela’ fis-smewwiet, qiegħed in-naħa tal-lemin t’Alla l-Missier, li jista’ kollox;
minn hemm għandu jiġi biex jagħmel ħaqq mill- ħajjin u mill-mejtin;
Nemmen fl-Ispirtu s-Santu;
Il-Knisja Mqaddsa Kattolika ix-Xirka tal-Qaddisin;
il-maħfra tad-dnubiet;
il-qawwa ta’ l-imwiet;
il-ħajja ta’ dejjem. Ammen​

Talba ta’ Filgħodu
Radd tas-Salib, Missierna, Sliema, Glorja…
Mulejja, nadurak u nagħrfek b’Sid tiegħi u b’Sid il-ħlejjaq kollha.
Mulejja, niżżik ħajr li ħlaqtni, għamiltni nisrani u żammejtni ħaj s’sissa.
Mulejja, agħtini l-grazzji li neħtieg:
Fuq kollox, żommni bogħod mid-dnub, u dejjem fil-grazzja tiegħek.
Marija Santissima, kun int l-Omm tiegħi;
Anġlu li tħarisni, Qaddisin proteturi tiegħi: itolbu ‘l Alla għalija.
Il-barka t’Alla tinżel fuqna, iż-żommna bogħod mid-dnub, u twassalna għall-ħajja ta’ dejjem;
U l-erwieħ tal-insara mejtin, għall-ħniena t’Alla, jistrieħu fis-sliem. Ammen.

Offerta ta’ Kuljum
Ħelu Missier ta’ l-Imbierek Ġesu Kristu, Sinjur u Imgħallem tiegħi, lilek noffri
flimkien mal-pjagi divini tiegħu, kulma nagħmel u kulma nbati l-lum, sabiex nagħrfek
b’Alla wieħed u b’Ħallieq tiegħi: biex nirringrazzjak għall-imħabba tiegħek lejna:
sabiex lilek, Sinjur ġust u qaddis, jien nipplaka lejja, imsejken midneb, u biex mit-teżori
tiegħek niġbed għalija u għall-proxxmu tiegħi d-doni tal-ħajja eterna.

Talba ta’ Filgħaxija
Radd tas-Salib.. Missierna.. Sliema..Glorja…

Mulejja, nadurak u nħobbok b’qalbi kollha,
Mulejja, niżżik ħajr li żammejtni ħaj matul dan il-jum.
Mulej, aħfirli dnubieti u ilqa’ l-għemil tajjeb li għamilt f’dan il-jum,
Mulejja, ħarisni ma’ tul dan il-lejl u żommni fil-grazzja tiegħek.
Marija, li dħalt fid-dinja mingħajr tebgħa, aqlagħli l-grazzja li noħroġ minnha mingħajr ħtija.
Ġesu, Ġużeppi, Marija, nagħtikom qalbi, ruħi u kull ma fija;
Ġesu, Ġużeppi, Marija, ieqfu miegħi fl-aħħar agunija;
Ġesu, Ġużeppi, Marija, toħroġ ruħi fil-paċi magħkom  fl-agunija,
Il-barka t’Alla tinżel fuqna, iż-żommna bogħod mid-dnub, u twassalna għall-ħajja ta’ dejjem;
U l-erwieħ tal-insara mejtin, għall-ħniena t’Alla, jistrieħu fis-sliema. Ammen.

Talba qabel ix-xogħol:
Agħtina, Mulej, id-dawl tiegħek, qabel nibdew il-ħidmiet tagħna llum, u għinna aħna u
nagħmluhom biex kull ma nagħmlu jkun jibda minnek u fik jintemm, bi Kristu Sidna. Ammen.

It-Talba tal-Ħaddiem:
Sidi Ġesu jiena noffrilek ix-xogħol tiegħi, flimkien mat-tbatija u l-ferħ li dan iġib miegħu.
Agħmel li  jiena bħalek, inħares lejn ix-xogħol bħala ko-operazzjoni fl-iżvilupp tal-ħolqien,
u bl-ebda mod bħala kastig. Għinni biex nagħmel il-parti tiegħi flimkien ma’ sħabi,
sabiex bejnietna jsaltnu l-ftehim u l-paċi mibnijin fuq il-ġustizzja.
Agħmel li jien u sħabi ngawdu dawk il-kundizzjonijiet kollha ta’ xogħol li tassew jixirqu
lid-dinjita’ tagħna l-ħaddiema.
Eħles lili u lil sħabi mill-perikoli kollha li bihom tista’ tkun imsawra l-ħidma tagħna.
Żomm idejk fuqi biex fi kliemi u għemili, inkun ta’ għajnuna għal sħabi.
B’hekk nittama li tassew inkun xhieda ta’mħabbtek.
Fik nemmen, fik nittama u fik inħobb.
Mulej, ibqa’ dejjem miegħi. Ammen.

Talba ta’ Radd il-Ħajr
Niżżuk ħajr, Mulej, li tista kollox, għall-ġid kollu li għoġbok tagħtina, int li tgħix u
ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Talba lill-Anġlu Kustodju
Anġlu t’Alla li fit-tjubija tiegħu, Alla tani biex tħarisni, dawwalli moħħi, ħarisni,
żommni u mexxini f’dan il-jum. Ammen.

Talba għall-Erwieħ tal-Purgatorju
Agħtihom , O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem. Id-dawl ta’ dejjem jiddi lilhom;
jistrieħu fis-sliem. Ammen.

Talba ta’ qabel l-Ikel
Berikna, Mulej, u bierek dan l-ikel li aħna sejrin nieklu u li għoġbok tagħtina;
Bi Kristu Sidna. Ammen.

Talba ta’ wara l-Ikel
Niżżukħajr, Mulej, li tista’ kollox, mill-ġid kollu li għoġbok tagħtina, int li tgħix u
ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Barka fid-dar
Żur, nitolbok, Mulej, din id-dar, u biegħed minnha kull tnassis ta’ l-għadu;
igħammru fiha l-anġli qaddisa tiegħek; biex tħarsuna u jżommuna fis-sliem;
u xerred dejjem il-barka tiegħek fuqna. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Offerta ta’ Kuljum:
Alla Missier,
noffrilek dan il-jum,
bit-talb, il-ħsibijiet, il-kliem,
il-ħidma, il-ferħ u t-tbatija kollha tiegħi
f’għaqda sħiħa ma’ Ġesù Ibnek,
li jkompli joffri lilu nnifsu fl-Ewkaristija
għall-ħelsien tad-dinja.
Agħmel li l-Ispirtu s-Santu, li mexxa lil
Ġesù ta’ qalb ħelwa u umli,
imexxi lili wkoll u jkun ta’ qawwa għalija
biex inkun xhud tal-imħabba tiegħek.
Ma’ Marija, Omm il-Mulej u Omm il-Knisja,
nitolbok b’mod speċjali skond il-fehmiet
tal-Papa għal dan ix-xahar….

Il-fehmiet tal-Papa jittellgħu kull xahar mis-sit tal-Appostolat tat-Talb: www.attmalta.org

Ruħ ta’ Kristu
Ruħ ta’ Kristu qaddisni
Ġisem ta’ Kristu, salvani.
Demm ta’ Kristu, isqini.
Ilma tal-kustat ta’ Kristu, aħsilni.
Passjoni ta’ Kristu, sabbarni.
O Ġesù ħanin, ismagħni.
Fil-pjagi tiegħek, aħbini.
Tħallini qatt ninfired minnek.
Mill-għadu ħażin ħarisni.
Fis-siegħa ta’ mewti sejjaħli.
Ġewwa ħdanek ilqagħni,
biex ma’ l-anġli u l-qaddisin tiegħek
inħaħħrek għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

Talba tal-Kardinal John Henry Newman
Għażiż Ġesù, għini biex inxerred il-fwieħa tiegħek kull fejn immur.
Fawwar il-qalb tiegħi bl-ispirtu u l-ħajja tiegħek.
Idħol ġewwa fija u ħu kontroll tiegħi innifsi kollni kemm jien,
b’mod li l-ħajja tiegħi tkun tirrifletti lilek biss.

Iddi minn ġo fija, kun ġo fija innifsi b’mod
li kull persuna li niġi f’kuntatt magħha
tħoss il-preżenza tiegħek ġo fija.
Ħalli jħarsu u jaraw mhux aktar lili, imma lilek biss!

Ibqa miegħi, ħalli nsir niddi bħalma tiddi Inti,
ħalli b’hekk insir dawl għall-oħrajn.
Id-dawl, O Ġesù, ikun ġej kollu minnek, xejn ma jkun tiegħi;
tkun Inti li tiddi fuq l-oħrajn permezz tiegħi.

Għalhekk, ħallini nfaħħrek bil-mod kif Inti tħobb l-aktar:
billi niddi fuq dawk ta’ madwari.
Ħallini nxandrek bla ma nitkellem,
mhux bil-kliem, imma bl-eżemplu tiegħi,
bil-forza qawwija ta’ dak li jiena nwettaq,
bix-xiehda ċara ta’ l-imħabba li f’qalbi tfawwar għalik.  Amen

Talba lil Ġesu Msallab
O Ġesu maħbub tiegħi, mixħut għarkubbtejja quddiemek, nitolbok, bl-akbar ħrara
li tnissel f’qalbi twemmin, tama u mħabba l-aktar qawwija kif ukoll indiema kbira
ta’ dnubieti u fehma sħiħa  li ma nerġax noffendik; filwaqt li jiena, bl-imħabba u
bil-ħniena kollha, sejjer naħseb fuq il-ħames pjagi tiegħek b’dak il-kliem quddiem
għajnejja li qal fuqek il-profeta David ; “Nifduli idejja u riġlejja;
għaddewli għadam tiegħi kollu”.

L-Att Tal-Fidi
Jiena nemmen b’fidi ferma illi hemm Alla wieħed, li jippremja t-tajbin u jikkastiga l-ħżiena.
Jiena nemmen lid an Alla huwa wieħed fi tlett persuni ugwali, u realment distinti,
li huma l-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Nemmen li l-Iben t’Alla sar bniedem
u ħa l-ġisem fil-ġuf purissimu ta’Marija Verġni bil- virtu’ ta’ l-Ispirtu s- Santu.
Bħala bniedem miet fuq is-salib għal dnubietna u fit-tielet jum qam minn bejn l-imwiet.
Nemmen il-veritajiet l-oħra kollha, li temmen u tgħallem Ommna l-Knisja
Mqaddsa Kattolika : u dana kollu nemmnu għaliex Alla, verita’ infallibli,
irrevelah lil-istess Knisja Mqaddsa.

L-Att tat-Tama
Mulejja, għaliex inti tista’ kollox, kollok ħniena u qatt ma tonqos mill-wegħdiet  tiegħek,
jiena nitma li tagħtini l-maħfra ta’ dnubieti u l-ġenna, li inti, għall-merti ta’ Ġesu’ Kristu,
wegħidt lil min jagħmel opri tajba, hekk kif jiena nipproponi li nagħmel bil-għajnuna
mqaddsa tiegħek, li minnek nitma għaliex inti tjieba infinita.

L-Att ta’ l-Imħabba
Mulejja, għaliex inti tjieba bla tarf u bla fini, jiena nħobbok fuq kollox u nħobb
il-proxxmu tiegħi bħali nnifsi, imħabba fik.

L-Att tal-Indiema
Mulejja, Alla tiegħi, jisgħobbija b’qalbi kollha minn dnubieti ta’ ħajti kollha. Jisgħobbija,
Mulejja, għall-ġenna li tlift u għall-infern li rbaħt;  imma fuq kollox jisgħobbija
għax regħextek u offendejtek, li int kollok tjieba u ħniena.  Inħobbok, Mulejja,
inħobbok fuq kollox; mil-lum  ‘il quddiem, bil-għajnuna mqaddsa tiegħek,
ma nidnibx qatt u qatt iżjed u la mmur fejn dari nidneb, iżda naħrab ukoll
dak kollu li dari  waqqagħni fid-dnub.

L-Att tal-Indiema (il-Qasira)
Mulejja, Alla tiegħi, Inti tħobbni ħafna. Jiddispjaċini talli għidtlek le bi dnubieti.
Mil-lum  ‘il quddiem, bil-għajnuna tiegħek, ma nerġax nidneb iżjed; u rrid inħobbok fuq kollox.

L-Att tal-Proponiment
Mulejja, nagħtik kelma ferma illi nqaddes ruħi bis-sagramenti tiegħek f’ħajti u f’mewti.
Iva , Mulejja, Alla tiegħi, qdusija ta’ bla fini.

L-Attijiet il-Qosra:
Mulejja, nemmen fik, kollok verita’.
Mulejja, nitma fik, kollok ħniena.
Mulejja, inħobbok fuq kollox, kollok imħabba.
Mulejja, nindem għax offendejtek, kollok tjieba.
Mulejja, inqaddes ruħi bis-sagramenti tiegħek, kollok qdusija.

Tqarbina tax-Xewqa
Ġesu, jiena nemmen, li Int tinsab tabilħaqq fis-sagrament ta’ l-Ewkaristija.
Inħobbok fuq kollox u rrid nitqarben.  Minħabba li bħalissa, ma nistax nilqgħek ġewwa fija,
taħt ix-xbieha tal-ħobż, għallinqas ejja fija bix-xewqa.
Tħallini qatt nitbiegħed minnek.  Irrid inħobbok.
Ammen.

Talba ta’ Mħabba:
Mulej, agħmilni strument tal-paċi tiegħek,
Fejn hemm il -mibegħda, ħallini nħeġġeg l-imħabba,
Fejn hemm il-ħtija, ħallini nferrex il-maħfra,
Fejn hemm id-dubju, ħallini ndaħħal il-fidi.
Fejn hemm il-qtigħ il-qalb, ħallini nqawwi t-tama.
Fejn hemm id-dlam, ħallini nkebbes id-dawl.
Fejn hemm in-niket, ħallini nferrex il-ferħ.
La tħallix li iżjed infittex li nkun imfarraġ milli nfarraġ jien.
La tħallix li iżjed jifhimni ħaddieħor milli nifhem lil ħaddieħor jien.
La tħallix li iżjed inkun maħbub, milli nħobb jien.
Għaliex meta nagħtu, aħna naqilgħu;
Għaliex meta naħfru, aħna niġu maħfura;
Għaliex meta mmutu, nerġgħu nitwieldu għall-ħajja ta’ dejjem.

Talba għal waqt il-Barka Sagramentali
Maħbub Ġesu, nadurak f’dan l-Imqaddes Sagrament u nitolbok tagħtini l-barka tiegħek.
Berikni, o Ġesu, u saħħaħni fit-tajjeb sa’ l-aħħar nifs ta’ ħajti; berikni issa,
fiż-żmien u fl-eternita’.  Bierek o Ġesu, lill-Papa, lill-Isqfijiet, u lis-Saċerdoti.
Bierek ukoll lil niesi, il-qrabati, lil ħbiebi, lill-għedewwa tiegħi u l-proxxmu tiegħi kollu;
u lill-Erwieħ tal-Purgatorju eħlishom mill-pwieni tagħhom. Ammen.

Ikun Imbierek Alla
Ikun imbierek Alla.
Imbierek l-isem Imqaddes tiegħu.
Imbierek Ġesu Kristu vera Alla u veru bniedem.
Imbierek l-Isem ta’ Ġesu’.
Imbierek l-Qalb Imqaddsa tiegħu.
Imbierek id-demm għażiż tiegħu.
Imbierek Ġesu fis-Santissimu Sagrament ta’ l-artal.
Imbierek l-Ispirtu s-Santu Paraklitu.
Imbierka l-kbira omm Alla Marija Santissima.
Imbierka l-Imqaddsa u Immakulata Kunċizzjoni tagħha.
Imbierek it-tlugħ glorjuż tagħha fis-sema.
Imbierek l-isem ta’ Marija Verġni u Omm.
Imbierek San Ġużepp għarus kastissimu tagħha.
Imbierek Alla fl-Anġli u l-qaddisin kollha tiegħu.

L-Anġelus
L-Anġlu t’Alla ħabbar lil Marija; U hija saret omm mill-Ispirtu Santu
Sliema…Qaddisa…

Hawn hi l-qaddejja tal-Mulej:
Ikun minni skond kelmtek.
Sliema…Qaddisa…

U l-Iben t’Alla sar bniedem;
U għammar fostna.
Sliema…Qaddisa…

Itlob għalina, qaddisa omm Alla. Biex ikun jistħoqqilna dak li wegħidna Kristu.

Nitolbu:
Xerred Mulej, fi qlubna l-grazzja tiegħek biex aħna, li bit-tħabbira ta’ l-anġlu
għarafna li Kristu Ibnek sar bniedem, bil-passjoni u s-salib tiegħu naslu
għas-sebħ tal-qawmien. Bi Kristu Sidna.  Ammen.

Ir-Reġina Coeli
Sultana tas-sema , ifraħ: hallelujah.
Għaliex dak li stħoqqlok  tkun ommu, hallelujah.

Qam minn bejn l-imwiet, kif kien qal ; hallelujah.
Itlob ‘l Alla għalina; hallelujah

Ifraħ u thenna, Verġni Marija; hallelujah.

Nitolbu
O Alla li bil-qawma mill-imwiet ta’ Ibnek Ġesu Kristu, Sidna, għoġbok tferraħ id-dinja;
agħtina, nitolbuk, li b’Ommu l-Verġni Marija, niksbu l-ferħ tal-ħajja ta’ dejjem.
Bi Kristu Sidna.  Ammen.