Kult lejn San Sebastjan

San Sebastjan hu meqjum bħala wieħed mit-tliet patruni tal-belt ta’ Ruma. Fl-ewwel sekli tal-kristjaneżmu, imma b’mod l-aktar intens fil-medju evu sas-seklu sittax dan il-kult kien jinsab qawwi ħafna fid-dinja tal-punent bil-festa tkun ċelebrata nhar l-20 ta’ Jannar.  San Sebastjan għandu kult ukoll fid-dinja tal-ilvant bil-festa tkun ċelebrata nhar it-18 ta’ Jannar.

Qima Bikrija F’Ruma il-qofol tal-qima kienet fl-Via Appia fiċ-ċimiterju in catacumbas. L-ewwel referenza għal din il-qima marbuta ma’ Via Appia insibuha fid-Depositum Martyrum miktub fis-sena 354. Konferma oħra insibuha f’għadd kbir ta’ dokumenti oħra li inkitbu wara dik id-data.  Fil-Liber Pontificalis insibu kif għadd ta’ papiet tal-Medjuevu b’mod jew ieħor ħadu ħsieb il-qabar tas-suldat Ruman il-martri San Sebastjan.  Xhieda oħra ta’ din il-qima marbuta ma’ Via Appia tinsab f’għadd ta’ rakkonti ta’ pellegrini medjovali li lkoll jsemmu dan il-qabar ta’ San Sebastjan fiċ-ċimiterju ta’ Via Appia.

Madankollu dan iċ-ċimiterju sas-seklu tlieta kien magħruf l-aktar għat-tifkiriet apostoliċi. Hekk il-knisja li nbniet fuqu fis-seklu erbgħa tissemma’ bħala ecclesia apostolorum,  u hekk baqgħet magħrufa sas-seklu disgħa.  Minn dak is-seklu dil-knisja bdiet tissejjaħ bħala l-Bażilika ta’ San Sebastjan, u hekk għada magħrufa sal-lum. Minħabba r-rabta ta’ din il-knisja mal-qima lejn l-appostli u l-fatt li tinsab fil-Via Appia, waħda mit-toroq ewlenin mibnija mill-Imperu Ruman, diversi pellegrini kienu jieqfu hemm għal-qima.  Nistgħu ngħidu li t-tkabbair tal-kult lejn San Sebastjan hu relatat ħafna mal-fatt li din il-knisja kienet fregwentata tista’ tgħid minn kull pellegrin lejn Ruma.

Il-qima lejn San Sebastjan b’hekk hi marbuta ħafna mal-qima lejn l-Appostli Pietru u Pawlu.  Meta imbagħad fis-seklu sebgħa għadd ta’ mirakli ġew attribwiti għall-interċessjoni ta’ San Sebastjan, din il-qima mhux biss xterdet aktar ma’ Ruma u l-inħawi imma wkoll għall-pajjiżi minn fejn kienu jiġu l-pellegrini.  Kien hawn li nibtet ix-xewqa li jinsabu relikwiji tal-qaddis.

L-għadam kienu fl-ewwel sekli imqegħda f’daħla fil-ħajt tal-katakombi. Fis-seklu erbgħa, mal-bini tal-basilika apostolika, l-għadam tqegħdu f’qabar fi kripta, li ngħaqdet b’taraġ mal-basilika sabiex id-devoti jkunu jistgħu jinżlu b’ċerta faċilita. Fil-bidu tas-seklu ħamsa saret sistemazzjoni oħra tal-qabar, waqt li l-għadam ma tmessx. Nistgħu ngħidu li dan kien l-aħħar alterazzjoni kbar li saru u l-kripta għada hekk sal-lum. Mhux l-istess nistgħu ngħidu għall-basilika li matul is-snin sarulha diversi tibdiliet u xogħol ta’ restawr.

Sas-seklu disgħa l-Knisja Rumana ma tantx kienet tagħti permessi li jittieħdu relikwija mill-katakombi u għalhekk l-għadam ta’ San Sebastjna ftit li xejn ma’ ċċaqlaq minn kif indifen. Kien il-Papa Ewġenju II (824-827) li beda jagħti l-ewwel permessi. Meta l-isqof ta’ Soissons fi Franza talab relikwija ta’ San Sebastjan dan il-Papa laqa’ t-talba u ngħata xi għadam biex iqegħdhom fil-knisja ta’ San Medardo fi Soissons. Diversi storiċI modreni iżda jesprimew dubbji kemm dan fil-fatt ġara. Oħrajn saħansitra jallegaw li r-Rumani qarqu bil-FraniIżi u għaddewlhom għadam li ma kellu x’jaqsam xejn ma’ San Sebastjan. 

Madankollu diversi kittieba li għexu kważi f’dak iż-żmien jgħidu li l-isqof Ilduino ta’ Soissons akkwista għadam ta’ San Sebastjan. Kien x’kien, hu żgur iżda li fi Soissons ma marx il-ġisem kollu iżda biss xi għadam. Tant hu hekk li l-Papa Gregorgju IV (827-844) ittrasferixxa l-għadam ta’ San Sebastjan fl-oratorju ta’ San Gregorju fil-Vatikan, waqt li r-ras qegħda f’relikwarju apposta. Dan ir-relikwarju l-Papa Leone IV (857-855) ittrasferixxieh fil-Knisja Rumana ta’ Quattro Coronati fejn għadu meqjum sal-ġurnata tal-lum.

Il-bqija ta’ l-għadam baqgħu fil-bażilka tal-Vatikan sal-1218, is-sena li fiha l-Papa Onorju III ta’ l-permess lill-patrijiet ċisterċensi li jqegħduhom mill-ġdid fil-bażilka ta’ San Sebastjan li huma kienu jieħdu ħsieb. Għadd ta’ bliet oħra jgħidu li għandhom relikwija tal-qaddis, iżda hemm diversi dubbji dwar kemm dawn huma awtentiċi.

Samti Quattro Coronati
San Sebastiano al Palatino

Qima fil-Medju Evu

Il-qima lejn San Sebastjan fil-medju evu kien qawwi. F’Ruma biss kien hemm disa’ knejjes iddedikati lilu. L-aktar waħda magħrufa tinsab fuq l-għolja tal-Palatino, fejn jingħad li sar il-martirju ta’ San Sebastjan. Fi Soissons ukoll il-qima kienet mifruxa mal-belt u l-inħawi, l-aktar minħabba l-fama ta’ tawmaturga li kienet qed tikber madwar San Sebastjan. Infatti r-rakkonti ta’ mirakli bl-interċessjoni ta’ San Sebastjan huma numerużi. Fl-1564 l-Ugonotti pprofonaw ir-relikwiji ta’ San Sebastjan fi Soissons u ġew imbagħad salvati minn mara, li imbagħad tagħthom lill-knisja fl-1578.

Ma’ San Fabjan Papa Il-kult ta’ San Sebastjan hu marbut ukoll ma’ dak tal-Papa San Fabjanu (AD 236-250), tant li l-festa ta’ dawn iż-żewġ qaddisin, fil-knisja Latina, issir flimkien nhar l-20 ta’ Jannar. L-istess Depositio Martyrum tas-seklu erbgħa jirreferi għal “Fabiani in Callisti et Sebastiani in Catacumbas”. Dan il-kliem jinftiehem li l-festa ta’ dawn iż-żewġ qaddisin martri kienet diġa issir fl-istess jum. Il-festa ta’ San Fabjanu kienet issir fiċ-ċimiterju ta’ San Kallistu waqt li dik ta’ San Sebastjan fiċ-ċimiterju in catacumbas. Meta imbagħad San Sebastjan akkwista fama ta’ tawmaturgu kbir allura l-qima lejh u fil-liturġija pprevala l-kult lejn San Sebastjan, li kien jissejjaħ ukoll difensor ecclessia.

San Sebastjan u San Fabjan

Protettur Il-qima lejn San Sebastjan hi iżda aktar marbuta mal-marda tal-pesta. Sas-seklu sittax l-insara kienu jitolbuh biex jiskansaw dan il-flaġell. Flimkien miegħu kienu jitolbu ukoll lil Sant’Antnin, San Kristoforu u Santu Rokku. Kif u għala bdiet din il-qima ta’ invokazzjoni kontra l-pesta hemm diversi opinjonijiet. L-aktar konsistenti kienet torbot il-martirju tal-vleġeġ ma’ tixbiħat bibliċi jew klassiċi. Infatti din l-ispjegazzjoni tqabbel il-vleġeġ mal-korla tal-Mulej (Salm 7, 13) jew mal-korla ta’ Apollo (Illiadi I, 10-68). Peress li San Sebastjan ħareġ ħaj minn dan il-martirju nibtet il-konvinzjoni li dan il-qaddis jista’ jipproteġi lill bniedem mill-korla tal-Mulej, kif kienu spiss iħarsu lejn l-epidemiji ta’ mard.

Din l-interpretazzjoni iżda hi wisq elaborata: għax allura kif tispjega l-invokazzjoni lejn Sant’Antnin jew lejn Santu r-Rokku, li ma ħadu ebda martirju? Forsi l-ispjegazzjoni hi aktar sempliċi minn hekk.

San Sebastjan ta’ Raphael

Fis-sajf tas-sena 680 Ruma inħakmet minn epidemija qawwija ta’ pesta. Sar talb ta’ interċessjoni lil San Sebastjan u l-epidemija waqqfet tista’ tgħid minnufih. Malajr saret rabta bejn San Sebastjan u l-ħelsien mill-pesta. L-istess ġara fil-belt ta’ Pavia. Dawn iż-żewġ fatti malajr ħolqu r-rabta ta’ San Sebastjan mal-fejqan mill-pesta. Billi fil-medju evu dawn l-epidemija kienu komuni, din il-qima, flimkien mat-talb ta’ interċessjoni, malajr tqawwiet u infirxet.

San Sebastjan hu magħżul protettur ukoll ta’ diversi bliet u għaqdiet jew snajja. L-aktar magħrufa fosthom hu li San Sebastjan hu meqjum bħala protettur ta’ l-arċieri. Il-merkanti tal-ħadid u tat-tepezzerija ukoll iqisuh bħala protettur tagħhom. Il-knisja tqegħdu ukoll bħala wieħed mill-protetturi taż-żgħażagħ. F’Malta nafuh ukoll bħala protettur tal-Brigata Salesjana.

San Sebastjan ta’ Sodoma

Firxa bl-artiFil-firxa tal-kult lejn San Sebastjan l-arti kellha sehem mill-aktar importanti. Id-devoti kienu jikkommisjonaw xi pittura jew bħala ringrazzjament wara l-ħelsien mill-pesta jew bħala sinjal ta’ devozzjoni. Għaqdiet ta’ negozjanti jew inkella xi mexxejja kienu spiss jisponsorjaw l-ispejjeż tal-pittura li aktarx kienet titqiegħed f’xi knisja. Terġa’ il-pitturi kienu jieħdu l-okkażżjoni sabiex jipprattikaw l-arti tan-nudo fil-figura lejn San Sebastjan.

Tista’ tgħid li kull pittur magħruf speċjalment dawk tar-rinaxximent, bħal Mantegna, Michelangelo, Perugino, Raffaello, Rembrandt, Preti, Tintoretto, Tiziano, Sodoma, El Greco, Bernini u bosta oħrajn pittru lil San Sebastjan, aktarx waqt l-ewwel martirju tiegħu bil-vleġeġ. Aktarx lil San Sebastjan kienu jpittruh waħdu marbut ma’ siġra, jew ma’ xi kolonna. Oħrajn żiedu xi perusnaġġI oħra bħall-arċiera jew suldati. F’xi pitturi lil San Sebastjan insibuh flimkien ma’ qaddisin oħra jew mal-Madonna. Xeni oħra minn ħajtu mhumiex daqshekk rari bl-aktar xena popolari hi ma’ Sant’ Irene li qed taqlalu l-vleġeġ u ddewwieh.

Fl-arti ta’ l-isklutura San Sebastjan hu popolari ukoll għad li mhux daqs il-pittura. Madankollu naraw statwi tiegħu sew fl-Italja f’niċec fil-knejjes kif ukoll fi Spanja, li huma żewġ pajjiżi fejn il-kult lejn San Sebastjan hu mifrux ħafna.

Tagħrif miġbur mis-Sur Vince Peresso