Knisja Omm

Il-Knisja hi Omm (II): tgħallimna l-opri tal-ħniena (Il-Papa FranġiskuAngelusIl-Ħadd 7 ta’ Settembru 2014)

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba.

Tul il-mixja tagħna ta’ katekeżi fuq il-Knisja, waqafna biex naraw kif il-Knisja hi omm.  L-aħħar darba tkellimt fuq kif il-Knisja tgħinna nikbru u, bid-dawl u l-qawwa tal-Kelma ta’ Alla, turina t-triq tas-salvazzjoni, u tħarisna mill-ħażin.  Il-lum nixtieq nitkellem fuq aspett partikulari ta’ din l-azzjoni edukattiva ta’ ommna l-Knisja, jiġifieri fuq kif hi tgħallimna l-opri tal-ħniena.

Edukatur tajjeb jimmira lejn l-essenzjal.  Ma jintilifx fid-dettalji, imma jaħseb kif ħa jittrasmetti dak li tabilħaqq jiswa biex l-iben jew l-istudent isib is-sens u l-ferħ tal-ħajja.  Din hi l-verità.  U l-essenzjal, skond il-Vanġelu, hu l-ħniena.  L-essenzjal tal-Vanġelu hu l-ħniena.  Alla bagħtilna lil Ibnu, Alla sar bniedem biex jifdina, jiġifieri biex jagħtina l-ħniena tiegħu.  Dan jgħidu ċar Ġesù, meta jiġbor it-tagħlim tiegħu għad-dixxipli: “Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom” (Lq 6:36).  Jista’ jeżisti Nisrani li ma jurix ħniena?  Le.  In-Nisrani neċessarjament għandu jkun ħanin, għax din hi l-qalba tal-Vanġelu.  U, fidila lejn dan it-tagħlim, il-Knisja ma tagħmilx ħlief ittenni l-istess ħaġa lil uliedha: “Ħennu”, kif iħenn il-Missier, u kif kien iħenn Ġesù.  Ħniena.

U għalhekk il-Knisja ġġib ruħha bħal Ġesù.  Ma toqgħodx tagħmel lezzjonijiet teoriċi fuq l-imħabba, fuq il-ħniena.  Ma xxerridx fid-dinja filosofija, triq ta’ għerf…  Bla dubju, il-Kristjaneżmu hu dan ukoll, imma b’konsegwenza ta’ xi ħaġa oħra, b’rifless.  Il-Knisja omm, bħal Ġesù, tgħallem bl-eżempju, u l-kliem iservi biex idawwal it-tifsira tal-ġesti tagħha.

Il-Knisja omm tgħallimna nagħtu jiekol u jixrob lil min hu bil-ġuħ u bil-għatx, inlibbsu lil min hu għeri.  U kif tagħmlu?  Tagħmlu bl-eżempju ta’ tant qaddisin li dan għamluh b’mod tassew eżemplari; imma tagħmlu wkoll bl-eżempju ta’ tant missirijiet u ommijiet, li jgħallmu lil uliedhom li dak li jibqa’ żejjed għalina qiegħed hemm għal min hu nieqes mill-meħtieġ.  Dan importanti nkunu nafuh.  Fil-familji Nsara l-iżjed sempliċi dejjem kienet sagra r-regola ta’ l-ospitalità: qatt ma jonqos il-platt jew is-sodda għal min hu fil-bżonn.  Darba waħda, kien hemm omm li rrakkontatli – fid-djoċesi ta’ qabel – li dan riedet tgħallmu lil uliedha u kienet tgħidilhom biex jgħinu u jagħtu jiekol lil min hu bil-ġuħ; kellha tlieta.  U darba waħda waqt ħin l-ikla ta’ nofs in-nhar – il-missier kien barra fuq xogħol, kienet hi flimkien ma’ wliedha, ċkejknin, ta’ 7, 5, u 4 snin bejn wieħed u ieħor – semgħu l-bieb iħabbat: kien hemm raġel jittallab għal xi ħaġa ta’ l-ikel.  U l-omm qaltlu: “Stenna waħda”.  Daħlet u qalet lil uliedha: “Hemm wieħed hemm barra qed jitlob xi ħaġa ta’ l-ikel.  X’ħa nagħmlu?”.  “Nagħtuh, mamà, nagħtuh x’jiekol!”.  Kull wieħed kellu fil-platt tiegħu biċċa laħam bil-patata mixwija.  “Tajjeb ferm”, qaltilhom ommhom, “naqbdu nofs li għandu kull wieħed minnkom, u nagħtuh nofs il-laħam ta’ kull wieħed minnkom”.  “Hekk le, mamà, hekk m’hux sew!”.  “Hekk hu, int minn tiegħek trid tagħti”.  U hekk din l-omm għallmet lil uliedha jagħtu mill-ikel tagħhom.  dan hu eżempju sabiħ li għenni ħafna.  “Imma m’għad fadalli xejn żejjed…”.  “Agħti minn tiegħek!”.  Hekk tgħallimna ommna l-Knisja.  U intom, tant ommijiet li tinsabu hawn, tafu x’għandkom tagħmlu biex tgħallmu lil uliedkom jaqsmu ħwejjiġhom ma’ min hu fil-bżonn.

Il-Knisja omm tgħallimna nkunu qrib ta’ min hu marid.  Kemm qaddisin qdew lil Ġesù b’dan il-mod!  U kemm irġiel u nisa sempliċi, ta’ kuljum, iqiegħdu fil-prattika din l-opra ta’ ħniena f’xi sala ta’ l-isptar, jew ta’ dar tax-xjuħ, u f’darhom stess, billi jassistu lil xi persuna marida.

Il-Knisja omm tgħallimna nkunu qrib ta’ min hu fil-ħabs.  “Imma Dun, le, dan perikuluż, għax dawn nies ħżiena”.  Imma kull wieħed u waħda minn kapaċi…  Isimgħuha tajjeb din: kull wieħed u waħda minna kapaċi jagħmel l-istess ħaġa li għamel dak ir-raġel jew dik il-mara li hemm il-ħabs.  Ilkoll kemm aħna nafu nidinbu u nagħmlu l-istess ħaġa, niżbaljaw fil-ħajja.  Dak m’hux eħżen minnek u minni!  Il-ħniena tegħleb kull ħajt, kull barriera, u twasslek biex tfittex dejjem il-wiċċ tal-bniedem, tal-persuna.  U hi l-ħniena li tibdel il-qalb u l-ħajja, li tista’ tagħti l-ħajja mill-ġdid lil persuna u tgħinha tinserixxi ruħha b’mod ġdid fis-soċjetà.

Il-Knisja omm tgħallimna nkunu qrib ta’ min hu mwarrab u qed imut waħdu.  Dan hu li għamlet il-Beata Teresa fit-toroq ta’ Calcutta; u dan hu dak li għamlu u jagħmlu tant Insara li ma jibżgħux inwelu jdejhom lil min wasal biex iħalli din id-dinja.  U anki hawn, il-ħniena timla bil-paċi lil min wasal biex jitlaq u lil min għadu hawn, u tgħinna nħossu li Alla hu ikbar mill-mewt, u li jekk nibqgħu fiH, anki dan l-aħħar distakk hu biss tislima ta’ “nerġgħu niltaqgħu”…  Fehmitu tajjeb dan il-Beata Teresa!  Kienu jgħidulha: “Madre, dan ħela ta’ ħin!”.  Kienet issib nies moribondi fit-toroq, persuni li ġisimhom ikun ġa beda jittiekel mill-ġrieden tat-triq, u hi kienet teħodhom id-dar biex imutu nodfa, trankwilli, maħbuba, fis-sliem.  Hi kienet issellmilhom u tgħidilhom “nerġgħu niltaqgħu”, lil dawn kollha…  U tant irġiel u nisa għamlu l-istess bħalha.  U huma issa jistennewhom, hemm [juri s-sema], fil-bieb, biex jiftħulhom il-bieb tal-Ġenna.  Jgħinu lin-nies tmut sew, fil-paċi.

Għeżież ħuti, hekk hija omm il-Knisja, billi tgħallem lil uliedha l-opri tal-ħniena.  Hi din it-triq tgħallmitha minn għand Ġesù, tgħallmet li dan hu l-essenzjali li jiswa għas-salvazzjoni.  M’hux biżżejjed inħobbu lil min iħobbna.  Ġesù jgħid li dan anki l-pagani jagħmluh.  M’hux biżżejjed nagħmlu l-ġid lil min jagħmlilna l-ġid.  Biex nibdlu d-dinja jeħtieġ nagħmlu l-ġid lil min ma jistax ipattilna lura, kif għamel il-Missier magħna, meta tana lil Ġesù.  Kemm ħallasna aħna għall-fidwa tagħna?  Xejn, kollox b’xejn ġie!  Nagħmlu l-ġid mingħajr ma nistennew xi ħaġa oħra lura.  Hekk għamel il-Missier magħna u aħna rridu nagħmlu l-istess.  Agħmel il-ġid u imxi!

Kemm hi ħaġa sabiħa ngħixu fil-Knisja, fi ħdan ommna l-Knisja li tgħallimna dawn il-ħwejjeġ li għallimna Ġesù.  Nirringrazzjaw lill-Mulej, li tana l-grazzja li għandna lill-Knisja b’ommna, hi li tgħallimna t-triq tal-ħniena, li hi t-triq tal-ħajja.  Irroddu ħajr lill-Mulej.

Miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard