EVANGELII GAUDIUM

meħuda minn http://www.laikos.org/EG.htm

EŻORTAZZJONI APPOSTOLIKA

EVANGELII GAUDIUM

[IL-FERĦ TAL-VANĠELU]

TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

LILL-ISQFIJIET, IL-PRESBITERI U D-DJAKNI,

LILL-PERSUNI TA’ ĦAJJA KKONSAGRATA U LILL-FIDILI LAJĊI

DWAR IT-TĦABBIR TAL-VANĠELU LID-DINJA TAL-LUM

WERREJ

Il-Ferħ tal-Vanġelu [1]

I. Ferħ imġedded biex ngħadduh lill-oħrajn [2-8]

II. Il-ferħ ħelu u kollu faraġ tal-evanġelizzazzjoni [9-13]

Il-ġdid etern [11-13]

III. L-evanġelizzazzjoni ġdida għat-trasmissjoni tal-fidi [14-18]

Proposta u limiti ta’ din l-Eżortazzjoni [16-18]

L-EWWEL KAPITLU

IT-TRASFORMAZZJONI MISSJUNARJA TAL-KNISJA

I. Knisja li “toħroġ” [20-24]

Nieħdu l-inizjattiva, ninvolvu ruħna, insieħbu, nagħmlu l-frott u niffesteġġjaw [24]

II. Pastorali f’konverżjoni [25-33]

Tiġdid ekkleżjali li jagħfas fuqna [27-33]

III. Mill-qalba tal-Vanġelu [34-39]

IV. Il-missjoni li titlaħħam fil-limitazzjonijiet umani [40-45]

V. Omm b’qalb miftuħa [46-49]

IT-TIENI KAPITLU

FIL-KRIŻI TAL-IMPENN KOMUNITARJU

I. Xi sfidi tad-dinja tal-lum [52-75]

Le għal ekonomija tal-esklużjoni [53-54]

Le għall-idolatrija l-ġdida tal-flus [55-56]

Le għall-flus li jikkmandaw flok jaqdu [57-58]

Le għan-nuqqas ta’ ugwaljanza li jġib il-vjolenza [59-60]

Xi sfidi kulturali [61-67]

Sfidi għall-inkulturazzjoni tal-fidi [68-70]

Sfidi tal-kulturi urbani [71-75]

II. Tentazzjonijiet tal-operaturi pastorali [76-109]

Iva għall-isfida ta’ spiritwalità missjunarja [78-80]

Le għall-għażż egoista [81-83]

Le għall-pessimiżmu sterili [84-86]

Iva għar-relazzjonijiet ġodda mnissla minn Ġesù Kristu [87-92]

Le għall-mondanità spiritwali [93-97]

Le għall-gwerer ta’ bejnietna [98-101]

Sfidi ekkleżjali oħra [102-109]

IT-TIELET KAPITLU

IT-TĦABBIR TAL-VANĠELU

I. Il-Poplu kollu ta’ Alla jxandar il-Vanġelu [111-134]

Poplu għal kulħadd [112-114]

Poplu b’ħafna wċuħ [115-118]

Ilkoll aħna dixxipli missjunarji [119-121]

Il-qawwa evanġelizzatriċi tal-pjetà popolari [122-126]

Minn persuna għall-oħra [127-129]

Kariżmi għas-servizz tal-komunjoni evanġelizzatriċi [130-131]

Kultura, ħsieb u edukazzjoni [132-134]

II. L-omelija [135-144]

Il-qafas liturġiku [137-138]

Il-konverżazzjoni ta’ omm [139-141]

Kliem li jħeġġeġ il-qalb [142-144]

III. It-tħejjija għall-predikazzjoni [145-159]

Il-qima tal-verità [146-148]

Il-personalizzazzjoni tal-Kelma [149-151]

Il-qari spiritwali [152-153]

Nisimgħu lill-poplu [154-155]

Għodda pedagoġika [156-159]

IV. Evanġelizzazzjoni għall-approfondiment tal-kerygma [160-175]

Katekeżi kerigmatika u mistagoġika [163-168]

L-akkumpanjament personali fil-proċessi li bihom nikbru [169-173]

Madwar il-Kelma ta’ Alla [174-175]

IR-RABA’ KAPITLU

ID-DIMENSJONI SOĊJALI TAL-EVANĠELIZZAZZJONI

I. L-effetti komunitarji u soċjali tal-kerygma [177-185]

Stqarrija tal-fidi u impenn soċjali [178-179]

Is-Saltna li ssejħilna [180-181]

It-tagħlim tal-Knisja dwar il-kwistjonijiet soċjali [182-185]

II. L-inklużjoni soċjali tal-foqra [186-216]

Magħqudin ma’ Alla, nisimgħu karba [187-192]

Fedeltà lejn il-Vanġelu biex ma niġrux għalxejn [193-196]

Il-post ipprivileġġjat tal-foqra fi ħdan il-Poplu ta’ Alla [197-201]

Ekonomija u tqassim tad-dħul [202-208]

Nieħdu ħsieb lil min hu dgħajjef [209-216]

III. Il-ġid komuni u l-paċi soċjali [217-237]

Iż-żmien hu aqwa mill-ispazju [222-225]

L-għaqda tirbaħ fuq il-kunflitt [226-230]

Ir-realtà hi ogħla mill-idea [231-233]

Il-kollox hu aqwa mill-parti [234-237]

IV. Id-djalogu soċjali bħala kontribut għall-paċi [238-258]

Id-djalogu bejn il-fidi, ir-raġuni u x-xjenzi [242-243]

Id-djalogu ekumeniku [244-246]

Ir-relazzjonijiet mal-Lhud [247-249]

Id-djalogu interreliġjuż [250-254]

Id-djalogu soċjali f’kuntest ta’ libertà reliġjuża [255-258]

IL-ĦAMES KAPITLU

EVANĠELIZZATURI BL-ISPIRTU

I. Motivazzjonijiet għal tqanqil missjunarju mġedded [262-283]

Il-laqgħa personali mal-imħabba ta’ Ġesù li ssalvana [264-267]

Il-gost spiritwali li nkunu poplu [268-274]

L-azzjoni misterjuża tal-Irxoxt u tal-Ispirtu tiegħu [275-280]

Il-qawwa missjunarja tal-interċessjoni [281-283]

II. Marija, Omm l-evanġelizzazzjoni [284-288]

Id-don ta’ Ġesù lill-poplu tiegħu [285-286]

Il-Kewkba tal-evanġelizzazzjoni ġdida [287-288]


1. Il-ferħ tal-Vanġelu jimla l-qalb u l-ħajja kollha ta’ dawk li jiltaqgħu ma’ Ġesù.  Dawk li jħallu lilU jsalvahom, jinħelsu mid-dnub, min-niket, mill-vojt ġewwieni, mill-iżolament.  Ma’ Ġesù Kristu dejjem jitwieled u jerġa’ jitwieled mill-ġdid il-ferħ.  Nixtieq li din l-Eżortazzjoni tkun stedina lill-fidili Nsara biex imiddu pass ġdid ta’ evanġelizzazzjoni mmarkat minn dan il-ferħ, u turi toroq għall-mixja tal-Knisja fis-snin li ġejjin.

I. Ferħ imġedded biex ngħadduh lill-oħrajn

2. Ir-riskju kbir tad-dinja tal-lum, bl-offerta abbundanti u qarrieqa tagħha ta’ konsum, hu li ġġarrab diqa individwalista li tnixxi mill-qalb komda u xħiħa, mit-tiftixa marradija għal pjaċiri superfiċjali, mill-kuxjenza iżolata.  Meta l-ħajja interjuri tingħalaq fl-interessi tagħha, ma jifdalx wisa’ għall-oħrajn, ma jkunx hemm fejn jidħlu l-foqra, il-leħen ta’ Alla ma tisimgħux iżjed, ma tgawdix aktar mill-ferħ ħelu ta’ mħabbtu, qalbha ma tibqax tħabbat bil-ħeġġa biex tagħmel il-ġid.  Dan ir-riskju, ċert u dejjiemi, qiegħed hemm anki għal min jemmen.  Ħafna jaqgħu fih u jinbidlu f’persuni mimlija rabja ġo fihom, imdejqa, bla ħajja.  Din mhijiex l-għażla ta’ ħajja xierqa u sħiħa, din mhix xewqet Alla għalina, din mhix il-ħajja fl-Ispirtu li tnixxi mill-qalb ta’ Kristu Rxoxt.

3. Nistieden lil kull Nisrani, huma liema huma l-post u l-qagħda li jinsab fihom, biex iġedded illum stess il-laqgħa personali tiegħu ma’ Ġesù Kristu jew, tal-inqas, biex jieħu deċiżjoni li jħalli lilU jiltaqa’ miegħu, li jfittxu bla heda kuljum.  M’hemm ebda raġuni għaliex wieħed għandu jaħseb li din l-istedina mhix għalih, għax “ħadd mhu eskluż mill-ferħ li jġib il-Mulej”.[1]  Min lest li jirriskja, il-Mulej ma jiddiżappuntahx, u meta xi ħadd jagħmel pass imqar ċkejken lejn Ġesù, jiskopri li Hu diġà kien qed jistennih b’dirgħajh miftuħa.  Dan hu l-mument biex lil Ġesù Kristu ngħidulu: “Mulej, tqarraqt, b’elf mod ħrabt minn imħabbtek, imma hawn jien mill-ġdid biex inġedded il-patt tiegħi miegħek.  Għandi bżonnok.  Ifdini mill-ġdid, Mulej, ilqagħni mill-ġdid fid-dirgħajn ħelliesa tiegħek”.  Kemm jagħmlilna ġid nerġgħu lura għandU meta nkunu ntlifna!  Għal darb’oħra ninsisti: Alla ma jegħja qatt jaħfer; aħna li negħjew nitolbuh iħenn għalina.  Dak li stedinna biex naħfru “sa sebgħa u sebgħin darba” (Mt 18:22) jagħtina hu l-eżempju: Hu jaħfer għal sebgħa u sebgħin darba.  Jerġa’ lura biex jerfagħna fuq spallejh darba wara l-oħra.  Ħadd ma jista’ jneħħilna d-dinjità li tlibbisna din l-imħabba bla tmiem u li ma tiddgħajjifx.  Hu jippermettilna li ngħollu rasna ’l fuq u nibdew mill-ġdid, bi ħlewwa li ma tqarraq qatt bina u li dejjem tista’ tagħtina mill-ġdid il-ferħ.  Ejjew ma naħarbux mill-qawmien ta’ Ġesù, u, jiġri x’jiġri, ma nagħtu qatt ruħna b’mirbuħa.  M’hemm xejn aqwa mill-ħajja tiegħu li tixprunana biex nimxu ’l quddiem!

4. Fil-kotba tat-Testment il-Qadim diġà kienu pproponew il-ferħ tas-salvazzjoni, li kellha toktor bil-kbir fiż-żminijiet messjaniċi.  Il-profeta Isaija idur fuq il-Messija mistenni u kollu hieni jsellimlu: “Int kattart il-ġens, kabbart l-hena” (9:2).  U jħeġġeġ lil dawk li jgħixu f’Sijon biex jilqgħuh bl-għana: “Aqbeż u għanni bil-ferħ!” (12:6).  Lil min diġà lemħu fix-xefaq, il-profeta jistiednu biex iħabbru lill-oħrajn: “Itla’ fuq il-muntanja għolja, int li ġġib il-bxara t-tajba lil Sijon; għolli leħnek bil-qawwa kollha, int li tagħti l-aħbar it-tajba lil Ġerusalemm” (40:9).  Il-ħolqien kollu jieħu sehem f’dan il-ferħ tas-salvazzjoni: “Għannu, o smewwiet, aqbeż bil-ferħ, o art, infexxu fl-għana, o muntanji!  Għax farraġ il-Mulej lill-poplu tiegħu; u ħenn għall-imsejknin tiegħu!” (49:13).

Meta Żakkarija ra riesaq jum il-Mulej, hu stieden lill-poplu biex joħroġ jilqa’ bil-ferħ lis-Sultan li ġej umli u riekeb fuq ħmar: “Ifraħ kemm tiflaħ, bint Sijon; għajjat bil-ferħ, bint Ġerusalemm!  Ara, is-sultan tiegħek ġej għandek; ġust u rebbieħ” (Żak 9:9).  Imma forsi l-aktar stedina li tqanqal hi dik tal-profeta Sofonija, li jurina lil Alla nnifsu bħala l-qalb kollha dawl ta’ festa u ta’ ferħ li jrid iwassal lill-poplu tiegħu din l-għajta ta’ fidwa.  Din is-silta timlieni bil-ħajja meta naqraha: “Il-Mulej, Alla tiegħek, qiegħed f’nofsok, gwerrier li jsalva; minħabba fik jithenna b’hena kbir, fi mħabbtu jġeddek, jinfexx minħabba fik f’għajat ta’ ferħ” (Sof 3:17).

Hu l-ferħ li nsibuh qalb il-ħwejjeġ żgħar tal-ħajja ta’ kuljum, bħala tweġiba għas-sejħa kollha mħabba ta’ Alla Missierna: “Ibni, ġib ruħek tajjeb miegħek innifsek, skont kemm għandek mnejn…  Tiċċaħħadx minn ġurnata tajba” (Sir 14:11,14).  Xi ħlewwa ta’ Missier hemm moħbija wara dan il-kliem!

5. Il-Vanġelu, li fih jiddi glorjuż is-Salib ta’ Kristu, jistedinna bil-qawwa kollha għall-ferħ.  Biżżejjed insemmu xi eżempji: “Ifraħ” hi t-tislima tal-anġlu lil Marija (Lq 1:28).  Iż-żjara ta’ Marija lil Eliżabetta twassal lil Ġwanni biex jaqbeż bil-ferħ f’ġuf ommu (ara Lq 1:41).  Fl-għanja tagħha Marija tipproklama: “L-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla, is-Salvatur tiegħi” (Lq 1:47).  Meta Ġesù jibda l-ministeru tiegħu, Ġwanni jinfexx f’għajta ta’ ferħ: “Dan hu l-ferħ li bih qalbi mtliet” (Ġw 3:29).  Ġesù nnifsu “tqanqal bil-ferħ mill-Ispirtu s-Santu” (Lq 10:21).  Il-messaġġ tiegħu hu għajn ta’ ferħ: “Għedtilkom dan biex il-ferħ tiegħi jkun fikom, u biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ” (Ġw 15:11).  Il-ferħ Nisrani tagħna jnixxi bħal ilma li jgelgel mill-għajn tal-qalb imfawra tiegħu.  Hu jwiegħed lid-dixxipli tiegħu: “Għad iġġarrbu n-niket, imma n-niket tagħkom għad jitbiddel f’hena” (Ġw 16:20).  U jisħaq: “Għad nerġa’ narakom u qalbkom tifraħ, u l-ferħ tagħkom ħadd ma jeħodhulkom” (Ġw 16:22).  Iktar tard, meta rawh imqajjem mill-mewt, huma “ferħu” (Ġw 20:2).  Il-ktieb tal-Atti tal-Appostli jirrakkonta kif fl-ewwel komunità kienu “jissieħbu fl-ikel bi qlub ferħana” (2:46).  Minn kull fejn kienu jgħaddu d-dixxipli “kien hemm ferħ kbir” (8:8), u huma, qalb il-persekuzzjonijiet, “imtlew bil-ferħ” (13:52).  Wieħed ewnuku, wara li tgħammed, “baqa’ sejjer fi triqtu kollu ferħan” (8:39), u l-għassies tal-ħabs “feraħ man-nies kollha ta’ daru talli kien emmen f’Alla” (16:34).  Għaliex ma nidħlux aħna wkoll f’din ix-xmara ta’ ferħ?

6. Hemm Insara li qishom jgħixu Randan mingħajr Għid.  Nifhem li l-ferħ mhux kulħadd jgħixu bl-istess mod fl-istadji u ċ-ċirkustanzi kollha tal-ħajja, kultant iebsin mhux ftit.  Dan jadatta ruħu u jinbidel, imma dejjem jibqa’ tal-inqas bħala xaqq ta’ dawl li ġej miċ-ċertezza personali li, lil hemm minn kollox, aħna maħbuba bi mħabba bla qies.  Nifhimhom dawk il-persuni li iktar ixaqilbu lejn id-dwejjaq minħabba fid-diffikultajiet kbar li jkollhom iġarrbu, imma naqra naqra hemm bżonn inħallu jitqanqal fina l-ferħ tal-fidi, bħal tama moħbija imma sħiħa, anki qalb l-eħrex diqa: “Ruħi nqatgħet mis-sliem, il-ġid insejtu…  Dan jien nhewden f’qalbi, biex b’hekk nittama.  Il-ħniena tal-Mulej bla tmiem; tjubitu ma tonqos qatt.  Jiġġeddu kull filgħodu, kbira l-fedeltà tiegħek…  Tajjeb min jistenna fis-skiet, is-salvazzjoni tal-Mulej” (Lam 3:17,21-23,26).

7. Spiss it-tentazzjoni tfiġġ taħt l-għamla ta’ skużi u tgemgim, bħallikieku kienu meħtieġa għadd kbir ta’ kundizzjonijiet biex il-ferħ isir possibbli.  Dan iseħħ għax “is-soċjetà teknoloġika kienet kapaċi tkattar l-okkażjonijiet ta’ pjaċir, imma diffiċilment jirnexxielha tikseb il-ferħ”.[2]  Nista’ ngħid li l-ferħ l-iktar sabiħ u spontanju li ltqajt miegħu f’ħajti kien dak ta’ persuni tassew foqra li ftit li xejn għandhom fuqiex iserrħu.  Niftakar ukoll fil-ferħ ġenwin ta’ dawk li, anki fost impenji professjonali kbar, kellhom il-ħila jżommu ħajja fihom qalb li temmen, ġeneruża u sempliċi.  B’bosta modi, dawn l-għamliet ta’ ferħ jixorbu mill-għajn tal-imħabba dejjem ikbar ta’ Alla li dehret f’Ġesù Kristu.  Ma negħja qatt intenni kliem Benedittu XVI li jeħodna fil-qalba tal-Vanġelu: “Bħala bidu għall-eżistenza Nisranija m’hemmx xi deċiżjoni etika jew xi idea għolja, iżda hemm il-laqgħa ma’ ġrajja, ma’ Persuna, li tagħti lill-ħajja orizzont ġdid u direzzjoni deċiżiva”.[3]

8. Huwa biss grazzi għal din il-laqgħa – jew laqgħa mill-ġdid – ma’ din l-imħabba ta’ Alla, li tinbidel fi ħbiberija hienja, li aħna nistgħu ninħelsu mill-kuxjenza iżolata tagħna u mill-awtoreferenzjalità.  Naslu għall-milja tagħna ta’ bnedmin meta nkunu iżjed minn bnedmin, meta nħallu lil Alla joħroġna barra minna nfusna biex naslu għal dak li tassew aħna fil-verità.  Din hi l-għajn tal-azzjoni evanġelizzatriċi.  Għax, jekk wieħed jilqa’ din l-imħabba li tista’ tagħtih mill-ġdid is-sens ta’ ħajtu, kif jista’ jrażżan fih ix-xewqa li jgħaddiha lill-oħrajn?

II. Il-ferħ ħelu u kollu faraġ tal-evanġelizzazzjoni

9. Il-ġid minnu nnifsu dejjem għandu t-tendenza li jixtered.  Kull esperjenza awtentika ta’ verità u ta’ ġmiel waħidha tfittex li titwessa’, u kull persuna li tgħaddi minn ħelsien profond tikseb sensibbiltà ogħla quddiem il-ħtiġijiet tal-oħrajn.  Meta naqsmuh mal-oħrajn, dak li hu tajjeb irabbi l-għeruq u jiżviluppa.  Għalhekk, min jixtieq jgħix b’dinjità u b’mod sħiħ, m’għandux għażla oħra ħlief li jagħraf lill-persuna l-oħra u jfittex il-ġid tagħha.  Mela m’għandniex għax nistagħġbu b’dawn l-espressjonijiet ta’ San Pawl: “L-imħabba ta’ Kristu ssuqna” (2 Kor 5:14); “Ħażin għalija jekk ma nxandarx l-Evanġelju” (1 Kor 9:16).

10. Il-proposta hi li ngħixu fuq livell ogħla, imma mhux b’inqas intensità: “Il-ħajja nsaħħuha meta nagħtuha lill-oħrajn, u ndgħajfuha meta ninqatgħu għalina nfusna u nitgħażżnu fil-kumdità.  Fil-fatt, dawk li l-iżjed jisfruttaw il-possibbiltajiet li tagħtihom il-ħajja huma dawk li jħallu x-xatt żgur u jingħataw b’ruħhom u ġisimhom għall-missjoni li jwasslu l-ħajja lill-oħrajn”.[4]  Meta l-Knisja ssejjaħ għall-impenn tal-evanġelizzazzjoni, ma tkun tagħmel xejn ħlief turi lill-Insara d-dinamiżmu veru tar-realizzazzjoni personali tagħhom: “Hawn niskopru liġi oħra profonda tar-realtà: il-ħajja tikber u timmatura skont kemm nagħtuha għall-ħajja tal-oħrajn.  Fl-aħħar mill-aħħar, din hi l-missjoni”.[5]  Mela, min jevanġelizza m’għandux ikollu l-ħin kollu wiċċ ta’ funeral.  Ejjew niksbu mill-ġdid u nikbru fil-ħeġġa għal “dak il-hena ħelu, li jagħti l-qawwa tal-evanġelizzatur, anki meta jkollna niżirgħu fid-dmugħ […]  Jalla dan ikun il-ferħ kbir ta’ ħajjitna kkonsagrata.  U jalla d-dinja ta’ żminijietna, li qiegħda tfittex, kultant bi qsim il-qalb, kultant bit-tama, jirnexxielha tirċievi l-Aħbar it-Tajba mhux mingħand evanġelizzaturi bla ħeġġa, qalbhom maqtugħa, bla sabar u anzjużi, iżda mingħand ministri tal-Vanġelu ta’ ħajja mkebbsa bil-ħeġġa, li rċevew il-ferħ ta’ Kristu”.[6]

Il-ġdid etern

11. Tħabbira mġedda toffri lil min jemmen, anki lill-berdin u lil dawk li ma jipprattikawx il-fidi, ferħ ġdid fil-fidi u evanġelizzazzjoni li tħalli l-frott.  Fir-realtà, il-qalba u l-essenza tagħha hi dejjem l-istess: Alla li wera l-imħabba bla qies tiegħu fi Kristu li miet u rxoxta.  Hu dejjem iġedded lill-fidili tiegħu, u anki jekk huma anzjani, jerġgħu jiksbu s-saħħa, “itellgħu l-ġwienaħ bħall-ajkli, jiġru bla ma jegħjew, jimxu bla ma jintelqu” (Is 40:31).  Kristu hu “l-Evanġelju ta’ dejjem” (Apok 14:6), u hu “dak li kien, fl-imgħoddi, issa u għal dejjem” (Lhud 13:8), imma l-għana u l-ġmiel tiegħu huma bla tmiem.  Hu dejjem żagħżugħ u għajn kostanti tal-ġdid.  Il-Knisja ma tieqaf qatt tistagħġeb b’“kemm huma kbar l-għana, l-għerf u l-għaqal ta’ Alla” (Rum 11:33).  Qalilna San Ġwann tas-Salib: “Dan il-fond ta’ għerf u xjenza ta’ Alla hu hekk kbir u immens li minkejja li r-ruħ taf bih, dejjem tista’ tinżel iktar ’l isfel fih”.[7]  Jew anki, kif stqarr Sant’Irinew: “[Kristu], fil-miġja tiegħu, ġab miegħu kulma hu ġdid”.[8]  Bil-ġdid tiegħu, hu jista’ dejjem iġeddilna ħajjitna u l-komunità tagħna, u anki jekk ikollha tterraq qalb żminijiet mudlama u dgħufijiet ekkleżjali, il-proposta Nisranija ma tixjieħ qatt.  Ġesù Kristu għandu wkoll il-ħila jfarrak l-iskemi medjokri li fihom nippretendu li għandna nagħlquh u l-ħin kollu jissorprendina bil-kreattività divina tiegħu.  Kull darba li nfittxu li nerġgħu lura għall-għajn biex insibu mill-ġdid il-freskezza oriġinali tal-Vanġelu, jitfaċċaw toroq u metodi kreattivi ġodda, xejriet oħra ta’ espressjoni, sinjali iżjed elokwenti, kliem mimli b’tifsira mġedda għad-dinja tal-lum.  Fir-realtà, kull azzjoni awtentika ta’ evanġelizzazzjoni hi dejjem “ġdida”.

12. Għalkemm din il-missjoni titlob minna impenn ġeneruż, ikun żball jekk narawha bħala xi biċċa xogħol ta’ eroiżmu personali, għax din l-opra hi qabelxejn tiegħu, lil hemm minn kemm għandna l-ħila niskopru u nifhmu aħna.  Ġesù hu “l-ewwel u l-akbar evanġelizzatur”.[9]  F’kull xorta ta’ evanġelizzazzjoni l-primat hu dejjem ta’ Alla, li ried isejħilna biex naħdmu id f’id miegħU u qanqalna bil-qawwa tal-Ispirtu tiegħu.  Il-veru ġdid hu dak li Alla nnifsu b’mod misterjuż irid joħloq, dak li Hu jdawwalna bih, dak li Hu jqanqal fina, dak li Hu jorjenta u jsieħeb b’elf mod.  Tul il-ħajja kollha tal-Knisja dejjem irid jidher li l-inizjattiva hi ta’ Alla, li “ħabbna Hu” l-ewwel (1 Ġw 4:10), u li hu “Alla li kabbar” (1 Kor 3:7).  B’din il-konvinzjoni nistgħu nżommu l-ferħ ħaj f’missjoni li titlob daqstant minna u tisfidana għax timpenja lil ħajjitna b’mod sħiħ.  Titlobna kollox, imma fl-istess waqt toffrilna kollox.

13. Lanqas għandna nifhmu l-element ġdid ta’ din il-missjoni bħallikieku hu xi ħaġa li trid tqaċċat mill-għeruq, qisha trid tnessi l-istorja ħajja li tħaddanna fiha u tmexxina ’l quddiem.  Il-memorja hi dimensjoni tal-fidi tagħna li nistgħu nsejħulha “dewteronomika”, f’xebh mal-memorja ta’ Israel.  Ġesù jħallilna l-Ewkaristija bħala tifkira ħajja ta’ kuljum tal-Knisja, li ddaħħalna dejjem iżjed fl-Għid tiegħu (ara Lq 22:19).  Il-ferħ tal-evanġelizzazzjoni jilma dejjem fuq l-isfond ta’ memorja grata: din hi grazzja li għandna nitolbuha.  L-Appostli qatt ma nsew dak il-waqt li fih Ġesù mess lil qalbhom: “Kien ħabta tal-għaxar siegħa” (Ġw 1:39).  Flimkien ma’ Ġesù, il-memorja ġġibilna quddiemna “sħaba hekk kbira ta’ xhieda” (Lhud 12:1).  Fosthom, nistgħu nagħrfu xi wħud li influwenzawna b’mod speċjali biex seta’ xxettel fina dan il-ferħ tal-fidi: “Ftakru f’dawk li jmexxukom, dawk li wasslulkom il-kelma ta’ Alla” (Lhud 13:7).  Spiss kienu persuni sempliċi u qrib tagħna dawk li daħħluna fil-ħajja tal-fidi: “Niftakar fil-fidi vera tiegħek, fidi li l-ewwel kienet ta’ nanntek Lojd u mbagħad ta’ ommok Ewniki” (2 Tim 1:5).  Min jemmen hu fundamentalment “wieħed li jagħmel memorja”.

III. L-evanġelizzazzjoni ġdida għat-trasmissjoni tal-fidi

14. Miġbura fis-smigħ tal-Ispirtu, li jgħinna biex bħala komunità nagħrfu s-sinjali taż-żminijiet, mis-7 sat-28 ta’ Ottubru 2012 iltaqgħet it-XIII-il Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet bit-tema L-evanġelizzazzjoni ġdida għat-trasmissjoni tal-fidi Nisranija.  Din fakkritna li l-evanġelizzazzjoni ġdida ssejjaħ lil kulħadd u bażikament trid titwettaq fi tliet oqsma.[10]  L-ewwel nett, insemmu l-qasam tal-pastorali ordinarja, “mixgħula bin-nar tal-Ispirtu, biex tqabbad il-qlub tal-fidili li jiffrekwentaw regolarment il-komunità u li jinġabru fil-jum tal-Mulej biex jitrejqu bil-Kelma tiegħu u bil-Ħobż tal-ħajja ta’ dejjem”.[11]  F’dan il-qasam jidħlu wkoll il-fidili li jħaddnu fidi Kattolika qawwija u sinċiera, u jesprimuha b’għadd ta’ modi, għalkemm ma jiħdux sehem fil-kult ta’ spiss.  Din il-pastorali tgħin lil dawk li jemmnu biex ikomplu jikbru, b’mod li jwieġbu dejjem aħjar u bil-ħajja kollha tagħhom għall-imħabba ta’ Alla.

Fit-tieni post, niftakru fil-qasam tal-“persuni li rċivew il-Magħmudija li, imma, ma jgħixux skont dak li titlob minnhom”,[12] ma jħossuhomx jagħmlu parti mill-Knisja u ma għadhomx iħossu l-faraġ tal-fidi.  Il-Knisja, bħala omm dejjem attenta, tħabrek biex huma jgħaddu minn konverżjoni li terġa’ timlihom bil-ferħ tal-fidi u bix-xewqa li jieħdu bis-serjetà l-Vanġelu.

Fl-aħħar nett, nosservaw li l-evanġelizzazzjoni hi essenzjalment marbuta max-xandir tal-Vanġelu lil dawk li ma jafux lil Ġesù Kristu jew li dejjem ċaħduh.  Ħafna minnhom ifittxu lil Alla bil-moħbi, imqanqla min-nostalġija għal wiċċu, anki f’pajjiżi ta’ tradizzjoni Kristjana antika.  Kulħadd għandu d-dritt jirċievi l-Vanġelu.  L-Insara huma fid-dmir li jxandruh mingħajr ma jħallu lil ħadd barra, mhux qishom xi ħadd li qed jimponi obbligu ġdid, imma bħal min irid jaqsam ma’ ħaddieħor bil-ferħ, jurih xefaq sabiħ, joffrilu ikla mixtieqa.  Il-Knisja mhux bil-proselitiżmu tikber, imma “bl-attrazzjoni”.[13]

15. Ġwanni Pawlu II stedinna nagħrfu li “qatt m’għandha tonqos il-ħeġġa għat-tħabbir” lil dawk li huma mbiegħdin minn Kristu, għax “fl-aħħar mill-aħħar dan hu l-ewwel dmir tal-Knisja”.[14]  Il-ħidma missjunarja “hi llum ukoll l-aqwa sfida li għandha l-Knisja”[15] u “il-ħidma missjunarja trid tiġi l-ewwel”.[16]  X’jiġri jekk nieħdu tassew bis-serjetà dawn il-kelmiet?  Nagħrfu li l-azzjoni missjunarja hi l-mudell ta’ kull ħidma tal-Knisja.  F’din il-linja, l-Isqfijiet tal-Amerika Latina stqarrew li “ma nistgħux nibqgħu iżjed bi kwietna, fi stennija passiva, ġol-knejjes tagħna”[17] u li jeħtieġ ngħaddu “minn pastorali ta’ sempliċi konservazzjoni għal pastorali deċiżivament missjunarja”.[18]  Din il-ħidma tkompli tkun l-għajn tal-ikbar ferħ li għandha l-Knisja: “Ikun hemm aktar ferħ għal midneb wieħed li jindem milli għal disgħa u disgħin bniedem tajjeb li ma kellux bżonn ta’ ndiema” (Lq 15:7).

Proposta u limiti ta’ din l-Eżortazzjoni

16. Ilqajt bil-ferħ l-istedina tal-Padri Sinodali biex nikteb din l-Eżortazzjoni.[19]  Jien u nagħmel dan, qed niġbor flimkien ix-xogħol mitqlu deheb li għamel is-Sinodu.  Ikkonsultajt ukoll bosta persuni, u nixtieq ukoll nesprimi t-tħassib li jolqot lili f’dan il-mument konkret tal-ħidma ta’ evanġelizzazzjoni tal-Knisja.  Huma bla għadd it-temi marbuta mal-evanġelizzazzjoni fid-dinja tal-lum li nista’ niżviluppa hawn.  Imma bqajt lura milli nittratta b’mod dettaljat dawn id-diversi argumenti li għandhom ikunu l-oġġett ta’ studju u ta’ approfondiment mirqum.  Lanqas nemmen li wieħed għandu jistenna mill-Maġisteru Papali l-aħħar kelma dwar il-kwistjonijiet kollha li jolqtu l-Knisja u d-dinja.  Mhux f’loku li l-Papa jieħu post l-Isqfijiet lokali fid-dixxerniment tal-problematiċi kollha li jinqalgħu fit-territorji tagħhom.  F’dan is-sens, inħoss il-bżonn li nimxu lejn “deċentralizzazzjoni” sana.

17. Hawnhekk għażilt li nipproponi xi linji-gwida li jistgħu jagħmlu l-qalb lill-Knisja kollha u jorjentawha lejn pass ġdid fl-evanġelizzazzjoni, mimlija ħeġġa u dinamiżmu.  F’dan il-kwadru, u fil-qafas tat-tagħlim li tagħtina l-Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium, iddeċidejt li, fost temi oħra, nieqaf fit-tul fuq il-punti li ġejjin:

a) Ir-riforma tal-Knisja fil-ħidma missjunarja tagħha.

b) It-tentazzjonijiet tal-operaturi pastorali.

ċ) Il-Knisja bħala l-Poplu sħiħ ta’ Alla li jevanġelizza.

d) L-omelija u t-tħejjija għaliha.

e) L-inklużjoni soċjali tal-foqra.

f) Il-paċi u d-djalogu soċjali.

ġ) Il-motivazzjonijiet spiritwali għall-impenn missjunarju.

18. Ittrattajt dawn it-temi b’ċertu dettall li forsi jista’ jidher żejjed.  Imma dan m’għamiltux bl-għan li noffri xi trattat, imma biss biex nuri l-importanza prattika ta’ dawn l-argumenti fil-ħidma tal-Knisja llum.  Fil-fatt, kollha kemm huma jgħinu biex nistgħu nfasslu stil partikulari ta’ evanġelizzazzjoni li nistieden lil kulħadd jagħmel tiegħu f’kull ħidma li titwettaq.  U hekk, b’dan il-mod, nistgħu nilqgħu, fix-xogħol tagħna ta’ kuljum, dak li titlob minna l-Kelma ta’ Alla: “Ifirħu dejjem fil-Mulej; nerġa’ ngħidilkom, ifirħu!” (Fil 4:4).
 

L-EWWEL KAPITLU

IT-TRASFORMAZZJONI MISSJUNARJA TAL-KNISJA

19. L-evanġelizzazzjoni tobdi l-mandat missjunarju ta’ Ġesù: “Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien” (Mt 28:19-20).  F’dawn il-ftit versi naraw il-mument li fih l-Irxoxt jistieden lil dawk li huma tiegħu biex joħorġu jxandru l-Vanġelu f’kull żmien u f’kull post, biex hekk il-fidi fiH tista’ tixtered f’kull rokna tad-dinja.

I. Knisja li “toħroġ”

20. Fil-Kelma ta’ Alla kontinwament naraw dan id-dinamiżmu ta’ “ħruġ” li Alla jixtieq iqajjem f’min jemmen.  Abraham laqa’ s-sejħa biex jitlaq lejn art ġdida (ara Ġen 12:1-3).  Mosè sema’ s-sejħa ta’ Alla: “Ejja, mela, ħa nibagħtek” (Eż 3:10) u ħareġ lill-poplu lejn l-art imwiegħda (ara Eż 3:17).  Lil Ġeremija ordnalu: “Inti tmur kull fejn nibagħtek” (Ġer 1:7).  Illum, f’din il-“morru” ta’ Ġesù, nilmħu preżenti x-xenarji u l-isfidi dejjem ġodda tal-missjoni tal-Knisja li tevanġelizza, u lkoll aħna msejħa għal dan il-“ħruġ” missjunarju ġdid.  Kull Nisrani u kull komunità trid tiddixxerni dwar liema hi l-mixja li l-Mulej qed jitlob, imma kollha aħna msejħin biex nilqgħu din is-sejħa: noħorġu mill-kumditajiet tagħna u jkollna l-kuraġġ li nilħqu l-periferiji kollha li għandhom bżonn id-dawl tal-Vanġelu.

21. Il-ferħ tal-Vanġelu li jimla l-ħajja tal-komunità tad-dixxipli hu ferħ missjunarju.  Iħossuh it-tnejn u sebgħin dixxiplu, li jaslu lura mill-missjoni mimlija bil-ferħ (ara Lq 10:17).  Iħossu Ġesù, li jaqbeż bil-ferħ fl-Ispirtu s-Santu u jfaħħar lill-Missier li juri lilu nnifsu lill-foqra u l-iżjed ċkejknin (ara Lq 10:21).  Iħossuh, kollhom għoġba, l-ewwel nies li kkonvertew meta semgħu l-predikazzjoni tal-Appostli “kull wieħed bl-ilsien tiegħu” (Atti 2:6) nhar Għid il-Ħamsin.  Dan il-ferħ hu sinjal li l-Vanġelu ġie mħabbar u qed jagħmel il-frott.  Imma dejjem għandu d-dinamika tal-eżodu u tad-don, li wieħed joħroġ minnu nnifsu, li jimxi u jiżra’ dejjem mill-ġdid, fi mkejjen dejjem ġodda.  Il-Mulej jgħid: “Ejjew immorru band’oħra, fl-irħula tal-qrib, ħalli nipprietka hemmhekk ukoll, għax għalhekk ħriġt” (Mk 1:38).  Meta ż-żerriegħa tkun inżergħet f’post, ma kienx joqgħod jitlajja iżjed hemmhekk biex ifisser aħjar jew biex jagħmel sinjali oħra, għax l-Ispirtu jmexxih lejn irħula oħra.

22. Il-Kelma għandha fiha potenzjalità li ma nistgħux nobsruha.  Il-Vanġelu jitkellem dwar żerriegħa li, meta tkun inżergħet, tikber waħidha anki jekk il-bidwi jieħdu n-ngħas (ara Mk 4:26-29).  Il-Knisja għandha taċċetta li l-Kelma għandha din il-libertà li qajla tista’ tintrabat, li hi effikaċi bil-mod tagħha, u b’għamliet tassew differenti minn xulxin, hekk li spiss taħarbilna minn taħt idejna u tfarrak l-iskemi mentali tagħna.

23. L-intimità tal-Knisja ma’ Ġesù hi intimità itineranti, u l-komunjoni “min-natura tagħha stess tnissel xirka missjunarja”.[20]  Fidila lejn il-mudell tal-Imgħallem, hu essenzjali li llum il-Knisja toħroġ biex tħabbar il-Vanġelu lil kulħadd, kullimkien, f’kull okkażjoni, bla tnikkir, bla qatt tiċħadha u bla biża’.  Il-ferħ tal-Vanġelu hu għall-poplu kollu, ma jista’ jħalli ’l ħadd barra.  Hekk iħabbru l-anġlu lir-rgħajja ta’ Betlehem: “Tibżgħux, għax araw, qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir, ferħ li se jkun għall-poplu kollu” (Lq 2:10).  L-Apokalissi jitkellem dwar “l-Evanġelju ta’ dejjem ħalli jxandru lil min jgħammar fuq l-art, lil kull ġens, tribù, lsien u poplu” (Apok 14:6).

Nieħdu l-inizjattiva, ninvolvu ruħna, insieħbu, nagħmlu l-frott u niffesteġġjaw

24. Il-Knisja li “toħroġ” hi l-komunità ta’ dixxipli missjunarji li jieħdu inizjattiva, li jinvolvu ruħhom, li jsieħbu lil oħrajn, li jagħmlu l-frott u jiffesteġġjaw.  “Primerear – nieħdu l-inizjattiva”: nitlobkom tiskużawni għal dan in-neoloġiżmu.  Il-komunità li tevanġelizza tagħraf li l-Mulej hu dak li ħa l-inizjattiva, hu mexa qabilha fl-imħabba (ara 1 Ġw 4:10), u għalhekk hi taf tmidd l-ewwel pass, taf tieħu l-inizjattiva bla ma tibża’, toħroġ tiltaqa’ mal-oħrajn, tfittex lil min hu mbiegħed u tasal sa salib it-toroq biex tistieden lill-imwarrbin.  Tgħix bix-xewqa bla temma li toffri ħniena, u dan ġej mill-fatt li hi stess daqet mill-ħniena infinita tal-Missier u l-qawwa tiegħu bla tarf.  Ejjew nindenjaw nieħu ftit iżjed inizjattiva!  B’konsegwenza ta’ dan, il-Knisja taf “tinvolvi” ruħha.  Ġesù ħasel riġlejn id-dixxipli tiegħu.  Il-Mulej jinvolvi ruħu hu u jinvolvi lil dawk li huma tiegħu, jinżel għarkupptejh quddiem l-oħrajn biex jaħsilhom.  Imma dritt wara hu jgħid lid-dixxipli tiegħu: “Jekk dawn il-ħwejjeġ tafuhom, henjin intom jekk tagħmluhom” (Ġw 13:17).  Il-komunità li tevanġelizza, b’għemejjel u ġesti, tidħol fil-ħajja ta’ kuljum tal-oħrajn, tqassar id-distanzi, titbaxxa sal-punt tal-umiljazzjoni jekk hemm bżonn, u tħaddan il-ħajja umana, tmiss il-ġisem ta’ Kristu li jbati fil-poplu tiegħu.  L-evanġelizzaturi għalhekk għandhom ir-“riħa tan-nagħaġ” u dawn jisimgħu leħinhom.  Għalhekk, il-komunità li tevanġelizza toffri ruħha biex “issieħeb”.  Issieħeb lill-umanità fil-passi kollha li tmidd, huma kemm huma iebsa u twal.  Taf xi jfisser tistenna fit-tul u kapaċi tistabar fit-tiġrib appostoliku.  L-evanġelizzazzjoni tħaddem ħafna sabar, u ma tagħlaqx għajnejha għal-limitazzjonijiet.  Fidila lejn id-don tal-Mulej, taf anki kif “tagħmel il-frott”.  Il-komunità li tevanġelizza hi dejjem attenta għall-frott, għax il-Mulej iridha għammiela.  Tieħu ħsieb tal-qamħ u ma titlifx il-paċi ta’ qalbha minħabba fis-sikrana.  Dak li jiżra’, meta jara s-sikrana tixref qalb il-qamħ, la jgerger u lanqas jallarma ruħu.  Isib mod kif il-Kelma jlaħħamha f’sitwazzjoni konkreta biex hi tagħti l-frott ta’ ħajja ġdida, anki jekk minn barra jidher imperfett jew mhux sħiħ.  Id-dixxiplu jaf joffri ħajtu kollha u jirriskjaha sal-martirju bħala xhieda ta’ Ġesù Kristu, imma l-ħolma tiegħu mhix li jimtela bl-għedewwa, imma iżjed li l-Kelma tiġi milqugħa u turi l-qawwa ħelliesa tagħha li għandha l-ħila ġġedded kollox.  Fl-aħħar nett, il-komunità li tevanġelizza bil-ferħ taf kif “tiffesteġġja” dejjem.  Tiċċelebra u tagħmel festa għal kull rebħa ċkejkna, kull pass ’il quddiem fl-evanġelizzazzjoni.  L-evanġelizzazzjoni ferrieħa turi ġmielha fil-Liturġija fil-kuntest tal-bżonn li kuljum tara li xxerred u tkabbar il-ġid.  Il-Knisja tevanġelizza u tirċievi l-evanġelizzazzjoni mill-ġmiel tal-Liturġija, għax anki din hi ċelebrazzjoni tal-ħidma tal-evanġelizzazzjoni u għajn ta’ enerġija mġedda biex hi tingħata.

II. Pastorali f’konverżjoni

25. Naf li llum id-dokumenti ma jqanqlux l-istess interess bħal fl-imgħoddi, u malajr jintesew.  Minkejja dan, ninsisti li dak li nixtieq nesprimi hawn għandu tifsira programmatika u konsegwenzi importanti.  Nittama li l-komunitajiet kollha jħabirku biex iħaddmu l-mezzi neċessarji ħalli jimxu ’l quddiem fil-mixja ta’ konverżjoni pastorali u missjunarja, li ma tistax tħalli l-affarijiet kif sabithom.  Hawn m’aħniex bżonn ta’ “sempliċi amministrazzjoni”.[21]  Fir-reġjuni kollha tad-dinja rridu nwaqqfu preżenza fi “stat permanenti ta’ missjoni”.[22]

26. Pawlu VI stedinna biex inwessgħu is-sejħa għat-tiġdid, u esprima dan b’qawwa li ma kinitx indirizzata biss lejn l-individwi, imma lejn il-Knisja kollha.  Niftakru f’dan it-test memorabbli li ma tilifx il-qawwa interpellanti tiegħu: “Il-Knisja għandha tikkunsidra sewwa lilha nfisha; timmedita l-misteru tagħha […]  Issa, minn din il-kuxjenza ċara u ħaddiema li għandha tagħha nfisha, il-Knisja tinġibed biex tqabbel ix-xbieha perfetta, kif Kristu ried li tkun il-Knisja, Għarusa tiegħu qaddisa u bla tebgħa (Efes 5:27), ma’ dik ix-xbieha li hija turi llum quddiem għajnejna […]  Minn hawn jiġi li l-Knisja tħoss il-bżonn qawwi li tfittex hi stess it-tiġdid tagħha, jiġifieri l-korrezzjoni ta’ dawk l-iżbalji li jkunu għamlu l-membri tagħha u li l-kuxjenza tagħha, qisha mera ta’ Kristu, il-mudell tagħha, iġġibhom quddiem għajnejha u tikkundannahom”.[23]  Il-Konċilju Vatikan II ippreżenta l-konverżjoni ekkleżjali bħala l-ftuħ għal riforma permanenti tagħna nfusna b’fedeltà lejn Ġesù Kristu: “Kull tiġdid tal-Knisja jikkonsisti essenzjalment f’impenn akbar ta’ fedeltà għas-sejħa tagħha […]  Matul il-pellegrinaġġ tagħha f’din l-art, Kristu jsejjaħ lill-Knisja għal dan it-tiġdid kontinwu tagħha nfisha, tiġdid li l-Knisja, għax hija istituzzjoni umana, dejjem teħtieġ”.[24]  Hemm strutturi ekkleżjali li jistgħu jaslu biex jikkundizzjonaw id-dinamiżmu tal-evanġelizzazzjoni; bl-istess mod, l-istrutturi tajbin jiswew meta huma mħarrka, imwieżna u ġġudikati minn xi ħaġa ħajja.  Mingħajr ħajja ġdida u spirtu evanġeliku awtentiku, mingħajr il-“fedeltà tal-Knisja lejn l-istess vokazzjoni tagħha”, kull struttura ġdida fi żmien qasir tispiċċa titħassar minn ġewwa.

Tiġdid ekkleżjali li jagħfas fuqna

27. Noħlom li nagħmlu għażla missjunarja li kapaċi tibdel kull ħaġa, biex hekk id-drawwiet, l-istili, il-ħinijiet, il-lingwaġġ u kull struttura ekkleżjali jsiru kanal tajjeb għall-evanġelizzazzjoni tad-dinja tal-lum, iktar milli għall-awtopreservazzjoni.  Ir-riforma tal-istrutturi, li titlob konverżjoni pastorali, nistgħu nifhmuha biss f’dan id-dawl: nagħmlu mod li dawn kollha jsiru iżjed missjunarji, li l-pastorali ordinarja fil-livelli kollha tagħha tkun iktar wiesgħa u miftuħa, li tqiegħed lill-aġenti pastorali f’atteġġjament kontinwu ta’ “ħruġ” u hekk tiffavorixxi t-tweġiba pożittiva ta’ dawk  kollha lil lilhom Ġesù joffri l-ħbiberija tiegħu.  Kif qal Ġwanni Pawlu II lill-Isqfijiet tal-Oċeanja, “kull tiġdid fil-Knisja għandu jkollu bħala l-għan tiegħu l-missjoni, biex ma jisfax priża ta’ atteġġjament fejn il-Knisja tħares biss lejha nfisha”.[25]

28. Il-parroċċa mhix xi struttura b’jiemha magħduda; propju minħabba fil-flessibbiltà tagħha, tista’ tieħu suriet differenti ħafna minn xulxin li jitolbu l-ħlewwa u l-kreattività missjunarja tar-ragħaj u tal-komunità.  Anki jekk ċertament mhix l-unika istituzzjoni evanġelizzatriċi, jekk ikollha l-ħila tirriforma ruħha u tadatta ruħha l-ħin kollu, tissokta tkun “il-Knisja li  tgħammar f’nofs id-djar ta’ wliedha”.[26]  Dan jitlob minnha li realment tkun f’kuntatt mal-familji u mal-ħajja tal-poplu u ma ssirx struttura li tintilef f’ħafna diskors imma mbagħad hi maqtugħa min-nies, jew grupp ta’ magħżulin li moħħhom biss fihom infushom.  Il-parroċċa hi l-preżenza tal-Knisja f’territorju, l-imkien fejn tinstema’ l-Kelma, fejn tikber il-ħajja Nisranija, fejn isiru d-djalogu, it-tħabbira, l-imħabba ġeneruża, l-adorazzjoni u ċ-ċelebrazzjoni.[27]  Permezz tal-attivitajiet kollha tagħha, il-parroċċa tagħmel il-qalb u tifforma lill-membri tagħha biex isiru aġenti tal-evanġelizzazzjoni.[28]  Hi komunità ta’ komunitajiet, santwarju fejn dawk li huma bil-għatx jersqu jixorbu biex jissoktaw jimxu, u ċentru ta’ mandat missjunarju kontinwu.  Imma rridu nirrikonoxxu li s-sejħa għar-reviżjoni u għat-tiġdid tal-parroċċi għadha ma tatx biżżejjed frott biex dawn ikunu eqreb lejn in-nies, u jkunu mkejjen ta’ komunjoni ħajja u ta’ parteċipazzjoni, u jorjentaw ruħhom għalkollox lejn il-missjoni.

29. L-istituzzjonijiet ekkleżjali l-oħra, il-komunitajiet ta’ bażi u l-komunitajiet żgħar, movimenti u għamliet oħra ta’ għaqdiet, huma għana għall-Knisja li l-Ispirtu jqanqal biex jevanġelizzaw l-ambjenti u l-oqsma kollha.  Ħafna drabi jkebbsu żelu ġdid għall-evanġelizzazzjoni u ħila għal djalogu mad-dinja li jġedded il-Knisja.  Imma jiswa ta’ ġid kbir jekk ma jitilfux il-kuntatt ma’ din ir-realtà hekk għanja tal-parroċċa tal-post, u li jintegraw ruħhom bil-ferħ kollu fil-pastorali organika tal-Knisja partikulari.[29]  Din l-integrazzjoni tevita li jibqgħu biss b’parti mill-Vanġelu u mill-Knisja, jew li jinbidlu f’nomadi bla għeruq.

30. Kull Knisja partikulari, parti mill-Knisja Kattolika taħt it-tmexxija tal-Isqof tagħha, hi wkoll imsejħa għall-konverżjoni missjunarja.  Hi s-suġġett tal-evanġelizzazzjoni,[30] għax hi l-manifestazzjoni konkreta ta’ Knisja waħda f’post partikulari fid-dinja, u fiha “tinsab preżenti u attiva l-Knisja ta’ Kristu, waħda, qaddisa, Kattolika u Appostolika”.[31]  Hi l-Knisja inkarnata fi spazju determinat, mogħnija bil-mezzi kollha tas-salvazzjoni li taha Kristu, imma b’wiċċ lokali.  Il-ferħ tagħha li twassal lil Ġesù Kristu jidher fl-attenzjoni tagħha biex tħabbru fi mkejjen oħra li huma fi ħtieġa akbar, imma wkoll fi ħruġ kontinwu lejn il-periferiji tat-territorju tagħha jew lejn l-ambjenti ġodda soċjo-kulturali.[32]  Tħabrek biex tkun dejjem hemm fejn l-aktar li huma nieqsa d-dawl u l-ħajja tal-Irxoxt.[33]  Biex din il-ħeġġa missjunarja tkun dejjem iżjed intensa, ġeneruża u tagħti l-frott, inħeġġeġ ukoll lil kull Knisja partikulari biex b’determinazzjoni taqbad mixja ta’ dixxerniment, tisfija u riforma.

31. L-Isqof għandu dejjem iħabrek għall-komunjoni missjunarja fil-Knisja djoċesana tiegħu billi jimxi fuq l-ideal tal-ewwel komunitajiet Insara, fejn dawk li jemmnu kienu qalb waħda u ruħ waħda (ara Atti 4:32).  Għalhekk, kultant ikun hemm bżonn li jimxi quddiem biex juri t-triq u jwieżen it-tama tal-poplu, waqt li drabi oħra sempliċement jimxi qalb kulħadd billi b’mod sempliċi u mimli ħniena joqgħod qrib tagħhom, u f’xi ċirkustanzi għandu jimxi wara l-poplu, biex jgħin lil dawk li waqgħu lura u – fuq kollox – biex il-merħla stess ixxomm dak li jxomm hu ħalli tkun tista’ tfittex u ssib toroq ġodda.  Fil-missjoni tiegħu favur komunjoni ħajja, miftuħa u missjunarja, għandu jħeġġeġ u jfittex it-tkabbir ta’ organiżmi ta’ parteċipazzjoni proposti mill-Kodiċi tad-Dritt Kanoniku[34] u ta’ xejriet oħra ta’ djalogu pastorali, bix-xewqa li jisma’ lil kulħadd u mhux biss lil xi wħud, li dejjem lesti li jikkumplimentawh.  Imma l-għan ewlieni ta’ dawn il-proċessi ta’ parteċipazzjoni m’għandux ikun l-organizzazzjoni ekkleżjali, imma l-ħolma missjunarja li jilħaq lil kulħadd.

32. La ġejt imsejjaħ ngħix dak li nitlob minn oħrajn, irrid naħseb ukoll f’konverżjoni tal-papat.  Hu fid-dmir tiegħi, bħala Isqof ta’ Ruma, li nibqa’ miftuħ għas-suġġerimenti li jidħlu dwar it-tħaddim tal-ministeru tiegħi b’mod li jagħmluh iktar fidil lejn it-tifsira li ried jagħtih Ġesù Kristu u lejn il-ħtiġijiet tal-evanġelizzazzjoni llum il-ġurnata.  Il-Papa Ġwanni Pawlu II talab li jiġi megħjun isib “forma ta’ tħaddim tal-primat li, waqt li bl-ebda mod ma jiċħad dak li hu essenzjali fil-missjoni tiegħu, jinfetaħ għal sitwazzjoni ġdida”.[35]  F’dan is-sens qajla mxejna ’l quddiem.  Anki l-papat u l-istrutturi ċentrali tal-Knisja universali għandhom bżonn jisimgħu din is-sejħa għal konverżjoni pastorali.  Il-Konċilju Vatikan II afferma li, f’xebh mal-Knejjes qodma patrijarkali, il-Konferenzi Episkopali jistgħu “jagħtu l-kontribut tagħhom b’modi differenti iżda li jagħtu frott, biex l-ispirtu kolleġġjali jwassal għal applikazzjonijiet konkreti”.[36]  Imma din ix-xewqa għadha ma seħħitx għalkollox, għax għadu ma ġiex elaborat biżżejjed statut ġudizzjarju tal-Konferenzi Episkopali li jikkontemplahom bħala suġġetti ta’ funzjonijiet konkreti, inkluża awtorità duttrinali awtentika.[37]  Iċ-ċentralizzazzjoni żejda, flok tgħin, tikkumplika l-ħajja tal-Knisja u d-dinamika missjunarja tagħha.

33. Il-pastorali f’dawl missjunarju titlob minna li nħallu l-kriterju pastorali komdu ta’ “għax dejjem hekk sar”.  Nistieden lil kulħadd biex ikun kuraġġjuż u kreattiv f’din il-ħidma tagħna li nfasslu mill-ġdid l-għanijiet, l-istrutturi, l-istil u l-metodi ta’ evanġelizzazzjoni fil-komunitajiet tagħna.  Jekk nippruvaw nindividwaw l-għanijiet tagħna mingħajr l-ewwel ma nfittxu b’mod xieraq fuq livell komunitarju l-mezzi biex nistgħu nilħquhom, inkunu qed nikkundannaw lilna nfusna għal sempliċi fantasija.  Inħeġġeġ lil kulħadd biex japplika b’ġenerożità u kuraġġ l-orjentamenti ta’ dan id-dokument, mingħajr xkiel jew biża’.  L-importanti hu li ma nimxux waħidna, li nserrħu dejjem fuq ħutna u speċjalment fuq id-dawl li jagħtuna l-Isqfijiet, f’dixxerniment pastorali għaref u realistiku.

III. Mill-qalba tal-Vanġelu

34. Jekk irridu tassew nagħmlu kollox f’dawl missjunarju, dan jgħodd ukoll għall-mod kif inwasslu l-messaġġ.  Fid-dinja tal-lum, bil-ħeffa tal-mezzi tal-komunikazzjoni u l-għażla tal-kontenut li tagħmel il-medja, il-messaġġ li nħabbru qed iħabbat wiċċu iżjed minn qatt qabel mar-riskju li jidher mgħawweġ u mnaqqas għal xi aspetti sekondarji tiegħu.  Jiġri għalhekk li xi kwistjonijiet li jagħmlu parti mit-tagħlim morali tal-Knisja jibqgħu barra mill-kuntest li jagħtihom sens.  L-ikbar problema tkun meta l-messaġġ li nħabbru aħna allura jidher identifikat ma’ xi aspetti sekondarji li, għalkemm rilevanti, waħidhom ma jikxfux il-qalba tal-messaġġ ta’ Ġesù Kristu.  Għalhekk, hemm bżonn inkunu realistiċi u ma nistennewx li dawk li qed jirċievu l-messaġġ tagħna jafu x’inhu l-kuntest sħiħ ta’ dak li qed ngħidu u li jistgħu jorbtu d-diskors tagħna mal-qalba essenzjali tal-Vanġelu li tagħtih is-sens u l-ġmiel li tiegħu li jiġbdek.

35. Pastorali bi stil missjunarju mhix ossessjonata li tipprova timponi b’insistenza t-trasmissjoni ta’ għadd ta’ duttrini mifruda minn xulxin.  Meta jkollna mira pastorali u stil missjunarju, li tassew jaslu għand kulħadd bla eċċezzjoni jew esklużjoni, it-tħabbira tikkonċentra fuq dak li hu essenzjali, fuq dak li hu l-isbaħ, l-ikbar, l-iktar attraenti u fl-istess ħin l-iktar meħtieġ.  Il-proposta ssir b’mod sempliċi, bla ma titlef xejn mill-profondità u l-verità tagħha, u hekk issir iżjed konvinċenti u qawwija.

36. Il-veritajiet kollha rivelati joħorġu mill-istess għajn divina u nemmnuhom bl-istess fidi, imma xi wħud minnhom huma iżjed importanti biex bihom nistgħu nesprimu b’mod aktar dirett il-qalba tal-Vanġelu.  F’din il-qalba fundamentali jilma l-ġmiel tal-imħabba feddejja ta’ Alla li dehret f’Ġesù Kristu li miet u rxoxta.  F’dan is-sens, il-Konċilju Vatikan II stqarr li “fid-duttrina Kattolika hemm ordni jew ‘ġerarkija’ ta’ veritajiet għaliex diversa hija l-konnessjoni tagħhom mas-sisien tal-fidi Kattolika”.[38]  Dan jgħodd kemm għad-dommi tal-fidi u kemm għall-ġabra tat-tagħlim tal-Knisja, fost l-oħrajn it-tagħlim morali tagħha.

37. San Tumas ta’ Aquino għallem li anki fil-messaġġ morali tal-Knisja hemm ġerarkija, fil-virtujiet u fl-għemejjel li joħorġu minnu.[39]  Hawn dak li jgħodd hu fuq kollox “il-fidi li taħdem permezz tal-imħabba” (Gal 5:6).  L-għemejjel ta’ mħabba mal-proxxmu huma wirja esterna l-iżjed perfetta tal-grazzja ġewwenija tal-Ispirtu: “L-element ewlieni tal-liġi l-ġdida hu l-grazzja tal-Ispirtu s-Santu, li tidher fil-fidi li timxi bl-imħabba”.[40]  Għalhekk jafferma li, f’dak li għandu x’jaqsam mal-għemejjel ta’ barra, il-ħniena hi l-akbar fost il-virtujiet kollha: “Il-ħniena fiha nfisha hi l-ikbar fost il-virtujiet, u fil-fatt hi tingħata lill-oħrajn u – dak li jgħodd l-aktar – tgħolli lill-oħrajn mill-miżerji tagħhom.  Issa dan hu b’mod speċjali dmir ta’ min hu superjur, għalhekk ngħidu li hi kwalità ta’ Alla li juri ħniena, u hu b’mod speċjali f’dan li hu juri l-qawwa tiegħu li tista’ kollox”.[41]

38. Hu importanti li naraw x’inhuma l-konsegwenzi pastorali tat-tagħlim tal-Konċilju, li jiġbor fih konvinzjoni qadima li għandha l-Knisja.  Qabelxejn irid jingħad li fix-xandir tal-Vanġelu hu meħtieġ sens tajjeb ta’ qies.  Dan narawh fil-frekwenza li biha jissemmew ċerti temi u fuq xiex wieħed jagħfas l-iżjed fil-predikazzjoni.  Ngħidu aħna, jekk matul is-sena liturġika kappillan jitkellem għaxar darbiet fuq it-temperanza u darbtejn jew tlieta biss fuq il-karità jew fuq il-ġustizzja, hawn għandna nuqqas ta’ bilanċ, fejn dawk li jispiċċaw fid-dell huma sewwasew il-virtujiet li l-aktar għandhom ikunu preżenti fil-predikazzjoni u fil-katekeżi.  L-istess jiġri meta wieħed jitkellem iżjed dwar il-liġi milli dwar il-grazzja, iżjed dwar il-Knisja milli dwar Ġesù Kristu, iżjed dwar il-Papa milli dwar il-Kelma ta’ Alla.

39. L-istess kif minħabba l-għaqda bejn il-virtujiet ma nistgħux neskludu ebda waħda minnhom mill-ideal Nisrani, l-ebda verità ma tista’ tiġi miċħuda.  M’għandniex innaqqsu mis-sħuħija tal-messaġġ tal-Vanġelu.  Iżjed minn hekk, kull verità tinftiehem aħjar jekk inqegħduha f’relazzjoni mat-totalità armonjuża tal-messaġġ Nisrani, u f’dan il-kuntest il-veritajiet kollha għandhom l-importanza tagħhom u jdawlu lil xulxin.  Meta l-predikazzjoni hi fidila għall-Vanġelu, tidher b’mod ċar iċ-ċentralità ta’ xi veritajiet u joħroġ ċar li l-predikazzjoni morali Nisranija mhix xi etika Stojka, hi iżjed minn axxeżi, mhix sempliċi filosofija prattika u lanqas lista ta’ dnubiet u żbalji.  Il-Vanġelu qabelxejn jistieden għal tweġiba lil Alla li jħobbna u jsalvana, biex nagħrfuh fl-oħrajn u noħorġu minna nfusna ħa nfittxu l-ġid ta’ kulħadd.  Din l-istedina m’għandha qatt u f’ebda ċirkustanza tiġi mxekkla!  Il-virtujiet kollha qegħdin għas-servizz ta’ din it-tweġiba ta’ mħabba.  Jekk din l-istedina ma tilmax b’qawwa u b’mod li jiġbed, il-binja morali tal-Knisja tkun tirriskja li tispiċċa kastell tal-karti, u dan hu l-akbar periklu li għandna.  Għax imbagħad ma jkunx eżattament il-Vanġelu li nkunu nħabbru, imma xi aċċenti duttrinali jew morali li joħorġu minn għażliet ideoloġiċi speċifiċi.  Il-messaġġ ikun fir-riskju li jitlef il-freskezza tiegħu u li ma jibqagħlux iżjed “il-fwieħa tal-Vanġelu”.

IV. Il-missjoni li titlaħħam fil-limitazzjonijiet umani

40. Il-Knisja, li hi dixxiplu missjunarju, jeħtieġ tikber fl-interpretazzjoni tagħha tal-Kelma rivelata u fil-mod kif tifhem il-verità.  Xogħol l-eseġeti u t-teologi jgħin biex jimmatura ruħu “il-ġudizzju tal-Knisja”.[42]  Dan jagħmluh anki x-xjenzi l-oħra bil-mod tagħhom.  Ngħidu aħna, meta tkellem dwar ix-xjenzi soċjali, Ġwanni Pawlu II qal li l-Knisja tħares lejn il-kontribut tagħhom “biex tfittex indikazzjonijiet konkreti li jgħinuha twettaq il-missjoni tal-Maġisteru tagħha”.[43]  Barra minn hekk, fi ħdan il-Knisja stess hemm għadd ta’ kwistjonijiet li dwarhom hi tistħarreġ u tirrifletti b’libertà kbira.  Jekk inħallu l-Ispirtu jsensel flimkien fir-rispett u fl-imħabba d-diversi linji ta’ ħsieb filosofiku, teoloġiku u pastorali, dawn jistgħu jgħinu lill-Knisja tikber, biex jiġi espliċitat aħjar it-teżor wisq għani tal-Kelma.  Għal dawk li joħolmu b’duttrina monolitika mħarsa minn kulħadd bla ebda sfumaturi, dan jista’ jidher sparparjal imperfett.  Imma l-verità hi li din il-varjetà tgħin biex jidhru u jiżviluppaw aħjar id-diversi aspetti tal-għana bla qies tal-Vanġelu.[44]

41. Fl-istess ħin, il-bidliet kulturali kbar u mgħaġġlin jitolbu minna li nkunu attenti l-ħin kollu biex nippruvaw nesprimu l-veritajiet li kienu minn dejjem f’lingwaġġ li jippermetti l-għarfien ta’ dak li hu permanentament ġdid fihom.  Għax, fid-depożitu tad-duttrina Nisranija, “is-sutanza hi ħaġa […], u l-mod kif tiġi fformulata l-espressjoni tagħha hi ħaġa oħra”.[45]  Xi kultant, meta l-fidili jisimgħu lingwaġġ kompletament ortodoss, dak li jasal għandhom, minħabba fil-lingwaġġ li huma jużaw u jifhmu, hu xi ħaġa li ma taqbilx mal-veru Vanġelu ta’ Ġesù Kristu.  Bl-intenzjoni qaddisa kollha li nwasslulhom il-verità dwar Alla u dwar il-bniedem, f’xi okkażjonijiet inkunu qed ngħaddulhom alla falz jew ideal uman li mhux tassew Nisrani.  B’dan il-mod, inkunu fidili lejn formulazzjoni partikulari imma ma nkunux qed ngħaddu s-sustanza.  Dan hu l-agħar riskju.  Inżommu f’moħħna li “l-espressjoni tal-verità jista’ jkollha diversi suriet, u t-tiġdid tas-suriet ta’ espressjoni hu meħtieġ biex nistgħu ngħaddu lill-bniedem tal-lum il-messaġġ tal-Vanġelu fit-tifsira tiegħu li ma tinbidilx”.[46]

42. Dan jgħodd ħafna għax-xandir tal-Vanġelu, jekk tabilħaqq hu għal qalbna li l-ġmiel tiegħu jinftiehem iżjed u jiġi milqugħ minn kulħadd.  Hu x’inhu, it-tagħlim tal-Knisja qatt mhu ħa jirnexxielna nġibuh jinftiehem faċilment u apprezzat minn kulħadd bla problema ta’ xejn.  Il-fidi dejjem iġġorr magħha aspett tas-salib, xi dell li ma jneħħi xejn mill-qawwa tal-aċċettazzjoni tagħha.  Hemm ħwejjeġ li nistgħu nifhmuhom u napprezzawhom biss jekk nitilqu minn din l-aċċettazzjoni li hi oħt l-imħabba, lil hemm miċ-ċarezza li biha nistgħu nifhmu r-raġunar u l-argumenti.  Għalhekk hu importanti niftakru li kull tagħlim ta’ duttrina għandna nħarsu lejh b’atteġġjament ta’ evanġelizzazzjoni li, jekk ngħixuh billi nfittxu li nkunu dejjem qrib tal-oħrajn, bl-imħabba u x-xhieda, iqanqal il-qalb biex temmen.

43. Fid-dixxerniment kontinwu tagħha, il-Knisja tista’ tasal ukoll biex tagħraf li hemm xi drawwiet tagħha li mhumiex direttament marbuta mal-qalba tal-Vanġelu, li xi wħud minnhom niżżlu għeruqhom sew mal-mixja tal-istorja, u li issa llum m’għandhomx interpretati bl-istess mod u l-messaġġ tagħhom normalment m’għadux jinftiehem b’mod tajjeb.  Jistgħu jkunu sbieħ, imma issa m’għadhomx jagħtu l-istess servizz lit-trasmissjoni tal-Vanġelu.  M’għandniex nibżgħu nirreveduhom.  Bl-istess mod, hemm normi jew preċetti tal-Knisja li setgħu kienu effikaċi ħafna fi żminijiet oħra, imma li llum m’għadx fadlilhom l-istess qawwa edukattiva bħala kanali tal-ħajja.  San Tumas ta’ Aquino kien jagħfas li l-preċetti li Kristu u l-Appostli taw lill-poplu ta’ Alla “huma tassew ftit”.[47]  Ikkwota lil Santu Wistin meta qal li l-preċetti miżjuda mill-Knisja maż-żmien għandna ninsistu fuqhom b’moderazzjoni “biex ma ntaqqlux il-ħajja tal-fidili” u nibdlu r-reliġjon tagħna f’jasar, meta “il-ħniena ta’ Alla riedet li tkun ħielsa”.[48]  Din it-twissija, li saret bosta sekli ilu, hi tassew attwali.  Għandha nqisuha bħala kriterju meta naħsbu dwar riforma tal-Knisja u tal-predikazzjoni tagħha li tgħinha tassew tilħaq lil kulħadd.

44. Min-naħa l-oħra, kemm ir-Rgħajja u kemm il-fidili kollha li jsieħbu lil ħuthom fil-fidi jew f’mixja ta’ ftuħ lejn Alla, ma jistgħux jinsew dak li jgħallem b’mod hekk ċar il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika: “Il-ħtija u r-responsabbiltà ta’ xi għemil jistgħu jonqsu jew jispiċċaw għalkollox minħabba l-injoranza, in-nuqqas ta’ attenzjoni, il-vjolenza, il-biża’, id-drawwiet, ir-rabtiet ta’ mħabba bla rażan, u fatturi oħra psikiċi jew soċjali”.[49]

Għalhekk, bla nnaqqsu xejn mill-valur tal-ideal tal-Vanġelu, jeħtieġ nakkumpanjaw bil-ħniena u s-sabar il-passi ta’ maturità tal-persuni li huma jibnu jum wara l-ieħor.[50]  Lis-saċerdoti nfakkarhom li l-konfessjonarju m’għandux ikun kamra tat-tortura imma l-imkien tal-ħniena tal-Mulej li jridna nagħmlu l-akbar ġid possibbli.  Pass ċkejken, qalb il-limitazzjonijiet kbar umani, jista’ jkun mogħġub iżjed quddiem Alla minn ħajja – li minn barra tidher tajba – ta’ min jgħaddi ħajtu bla qatt iħabbat wiċċu ma’ diffikultajiet importanti.  Għand kulħadd għandu jasal il-faraġ u t-tħeġġiġ tal-imħabba feddejja ta’ Alla, li jaħdem b’mod misterjuż f’kull persuna, lil hemm mid-difetti u l-waqgħat tagħha.

45. Hekk naraw li l-impenn għall-evanġelizzazzjoni jinsab xi mkien bejn il-limiti tal-lingwaġġ u taċ-ċirkustanzi.  Ifittex dejjem li jwassal aħjar il-verità tal-Vanġelu f’kuntest partikulari, bla ma jgħid le għall-verità, il-ġid u d-dawl li jista’ jikseb meta l-perfezzjoni mhix possibbli.  Qalb missjunarja taf b’dawn il-limiti u ssir “dgħajjef mad-dgħajfin […] kollox ma’ kulħadd” (1 Kor 9:22).  Qatt ma tingħalaq fiha nfisha, qatt ma tfittex is-sigurtajiet tagħha nfisha, qatt ma tagħżel l-ebusija tad-difiża tagħha nfisha.  Taf li hi stess jeħtieġ tikber fl-għarfien tal-Vanġelu u fid-dixxerniment tal-mogħdijiet tal-Ispirtu, u allura qatt ma tgħid le għall-ġid li jista’ jsir, anzi lesta li tidħol għar-riskju li titħammeġ bit-tajn tat-triq.

V. Omm b’qalb miftuħa

46. Il-Knisja li “toħroġ” hi Knisja bil-bibien tagħha miftuħa.  Toħroġ għal għand l-oħrajn biex tilħaq il-periferiji umani ma jfissirx tiġri lejn id-dinja bla ebda direzzjoni jew sens ta’ xejn.  Spiss ikun aħjar jekk timxi iktar bil-mod, twarrab l-ansjetà, biex tista’ tħares f’għajnejn il-bniedem u tisimgħu, jew tħalli warajha dak li jidher urġenti biex tista’ ssieħeb lil min baqa’ fil-ġenb tat-triq.  Spiss hi bħal missier l-iben il-ħali, li jżomm il-bibien tiegħu miftuħa biex meta jiġi lura, ikun jista’ jidħol bla xkiel ta’ xejn.

47. Il-Knisja hi msejħa tkun id-dar miftuħa tal-Missier.  Wieħed mis-sinjali konkreti ta’ dan il-ftuħ hu li jkollna kullimkien knejjes bil-bibien tagħhom miftuħa.  Hekk, jekk xi ħadd irid jimxi skont ma jqanqlu l-Ispirtu u jersaq ifittex lil Alla, ma jkollux iħabbat wiċċu mal-kesħa ta’ bieb magħluq.  Imma hemm bibien oħra li lanqas m’għandhom jitħallew magħluqa.  Kulħadd jista’ b’xi mod jieħu sehem fil-ħajja tal-Knisja, kulħadd jista’ jagħmel parti mill-komunità, u lanqas il-bibien tas-Sagramenti m’għandhom jiġu magħluqa għal raġuni tkun li tkun.  Dan jgħodd fuq kollox meta nitkellmu dwar dak is-sagrament li hu “il-bieb”, il-Magħmudija.  L-Ewkaristija, anki jekk hi l-milja tal-ħajja sagramentali, mhix xi premju għall-perfetti biss, imma hi duwa b’saħħitha u ikel għad-dgħajfin.[51]  Din il-konvinzjoni għandha wkoll konsegwenzi pastorali li aħna msejħin inqisu bi prudenza u kuraġġ.  Sikwit inġibu ruħna qisna konna aħna li qed nikkontrollaw il-grazzja u mhux bħala dawk li jiffaċilitawha.  Imma l-Knisja mhix dwana, hi d-dar tal-Missier fejn hemm post għal kulħadd, kull wieħed bil-ħajja iebsa tiegħu.

48. Jekk il-Knisja kollha tagħmel tagħha dan id-dinamiżmu missjunarju, jeħtieġ tasal għand kulħadd, bla ebda eċċezzjoni.  Imma min għandhom ikunu l-ipprivileġġjati tagħha?  Meta wieħed jaqra l-Vanġelu, jiltaqa’ ma’ orjentament ċar ħafna: mhux lill-ħbieb u l-ġirien għonja, daqskemm fuq kollox lill-foqra u l-morda, dawk li spiss huma mxejna u minsija, dawk li “ma għandhomx minn fejn iroddulek pjaċir bi pjaċir” (Lq 14:14).  M’għandux jifdal dubju u lanqas ikun hemm spjegazzjonijiet li jdagħjfu dan il-messaġġ hekk ċar.  Illum u dejjem, “il-foqra huma d-destinatarji privileġġjati tal-Vanġelu”,[52] u l-evanġelizzazzjoni li tingħatalhom b’xejn hi sinjal tas-Saltna li Ġesù ġie jwassal.  Jeħtieġ li naffermaw mingħajr tidwir ta’ kliem li hemm rabta inseparabbli bejn il-fidi tagħna u l-foqra.  Ma nitilquhom qatt waħidhom.

49. Ejjew noħorġu, noħorġu biex noffru lil kulħadd il-ħajja ta’ Ġesù Kristu.  Intenni hawn għall-Knisja kollha dak li spiss għidt lis-saċerdoti u l-lajċi ta’ Buenos Aires: nippreferi Knisja miġruħa, feruta u maħmuġa għax toħroġ fit-toroq, milli Knisja marida bl-għeluq u bil-kumdità taċ-ċertezzi li magħhom hi ggranfata.  Ma rridx Knisja moħħha li hi fiċ-ċentru u tispiċċa magħluqa f’taħbila ta’ ossessjonijiet u proċeduri.  Jekk hemm xi ħaġa li bir-raġun kollu għandha tinkwetana u tħassibna fil-kuxjenza tagħna hi li tant minn ħutna qed jgħixu mingħajr il-qawwa, id-dawl u l-faraġ tal-ħbiberija ma’ Ġesù Kristu, mingħajr komunità ta’ fidi li tilqagħhom għandha, mingħajr ebda xefaq ta’ sens u ta’ ħajja.  Iktar milli l-biża’ li niżbaljaw, nittama li dak li jħarrikna jkun il-biża’ li ningħalqu fl-istrutturi li jagħtuna protezzjoni falza, fin-normi li jibdluna fi mħallfin bla ħniena, fid-drawwiet li fihom inħossuna trankwilli, waqt li hemm barra hemm folla kbira mġewħa u Ġesù li qed itennilna bla heda: “Agħtuhom intom x’jieklu” (Mk 6:37).
 

IT-TIENI KAPITLU

FIL-KRIŻI TAL-IMPENN KOMUNITARJU

50. Qabel nitkellmu fuq xi kwistjonijiet fundamentali li jolqtu l-azzjoni tal-evanġelizzazzjoni, jixraq li nfakkru fil-qosor liema hu l-kuntest li fih qed ngħixu u naħdmu.  Illum sikwit nisimgħu b’“eċċess djanjostiku”, li mhux dejjem hu msieħeb minn proposti ta’ soluzzjoni li jistgħu jiġu applikati tassew.  Min-naħa l-oħra, lanqas hi biżżejjed ħarsa purament soċjoloġika, li tippretendi li tista’ tifhem ir-realtà kollha bil-metodoloġija tagħha li ipotetikament biss hi newtrali u klinika.  Dak li nixtieq noffri hawn pjuttost hu fil-linja ta’ dixxerniment evanġeliku.  Hi l-ħarsa tad-dixxiplu missjunarju li “titmantna bid-dawl u l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu”.[53]

51. Mhux xogħol il-Papa li joffri analiżi dettaljata u sħiħa tar-realtà kontemporanja, imma nsejjaħ lil kull komunità biex ikollha “il-kapaċità li tħares madwarha, tagħti ruħha ħalli tgħasses fuq is-sinjali ta’ żminijietna”.[54]  Din hi responsabbiltà kbira, għax xi realtajiet ta’ żmienna, jekk ma jsibux soluzzjonijiet tajbin, jafu jqanqlu proċessi ta’ diżumanizzazzjoni li mbagħad diffiċli jerġgħu lura minnhom.  Jixraq li niċċaraw x’inhu dak li jista’ jkun frott tas-Saltna u anki dak li jmur kontra l-pjan ta’ Alla.  Dan mhux biss ifisser li nagħrfu u ninterpretaw it-tqanqil tal-ispirtu t-tajjeb u tal-ispirtu l-ħażin, imma – u hawn qiegħed l-element deċiżiv – li nagħżlu dak tal-ispirtu t-tajjeb u nirrifjutaw dak tal-ispirtu l-ħażin.  Nitlaq mill-bażi ta’ diversi studji li diġà joffru dokumenti oħra tal-Maġisteru universali, bħalma huma l-proposti tal-Konferenzi Episkopali reġjonali u nazzjonali.  F’din l-Eżortazzjoni, il-ħsieb tiegħi hu li nieqaf biss fil-qosor, b’ħarsa pastorali lejn xi aspetti tar-realtajiet li jistgħu jillimitaw jew idgħajfu d-dinamika tat-tiġdid missjunarju tal-Knisja, kemm għax jolqtu l-ħajja u d-dinjità tal-poplu ta’ Alla, u kemm għax jinfluwenzaw lil dawk li b’mod iżjed dirett jagħmlu parti mill-istituzzjonijiet tal-Knisja u jiżvolġu ħidmiet ta’ evanġelizzazzjoni.

I. Xi sfidi tad-dinja tal-lum

52. Illum il-bniedem qed jgħix bidla storika li nistgħu narawha fil-progress li qed iseħħ f’bosta oqsma.  Ta’ min ifaħħar id-diversi suċċessi li qed itejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies, ngħidu aħna fil-qasam tas-saħħa, tal-edukazzjoni u tal-komunikazzjoni.  Imma ma nistgħux ninsew lanqas li l-parti l-kbira tal-irġiel u n-nisa ta’ żmienna qed jgħixu kull ġurnata li tgħaddi f’qagħda kritika, b’konsegwenzi terribbli.  Ċertu mard qed jiżdied.  Il-biża’ u d-disperazzjoni qed jaħkmu qalb ħafna persuni, saħansitra fil-pajjiżi hekk imsejħa sinjuri.  Spiss qed jintefa dak il-ferħ tal-ħajja, qed joktru n-nuqqas ta’ rispett u l-vjolenza, waqt li qed jixref iżjed in-nuqqas ta’ ugwaljanza.  Wieħed ikollu jissielet biex jgħix u, spiss, biex jgħix b’tal-inqas ftit dinjità.  Din il-bidla epokali hi kkawżata mill-avvanzi enormi ta’ kwalità, kwantità, veloċità u akkumulazzjoni li seħħu fil-progress xjentifiku, fl-invenzjonijiet teknoloġiċi u fl-applikazzjoni mgħaġġla tagħhom f’bosta oqsma tan-natura u tal-ħajja.  Ninsabu fl-era tal-għarfien u tat-tixrid tal-informazzjoni, għajn ta’ xejriet ġodda ta’ poter li spiss m’għandux isem.

Le għal ekonomija tal-esklużjoni

53. L-istess kif il-kmandament “la toqtolx” iqiegħed quddiemna limitu ċar biex jiżgura l-valur tal-ħajja umana, illum jeħtieġ ngħidu “le għal ekonomija tal-esklużjoni u n-nuqqas ta’ ugwaljanza”.  Din it-tip ta’ ekonomija toqtol.  Kif jista’ jkun li l-mewt ta’ anzjan għas-sirda tat-triq fejn spiċċa jgħix ma tidhirx fl-aħbarijiet, biex imbagħad tidher l-aħbar li l-ishma fis-suq naqsu b’żewġ punti?  Dan ifisser esklużjoni.  Ma nistgħux nittolleraw iżjed il-fatt li hemm min qed jarmi l-ikel, meta hemm nies li qed tbati l-ġuħ.  Dan hu n-nuqqas ta’ ugwaljanza.  Illum kollox jidħol fil-logħba tal-kompetittività u tal-liġi ta’ min hu l-iżjed b’saħħtu, fejn il-qawwi jibla’ lill-iżjed dgħajjef.  B’konsegwenza ta’ din is-sitwazzjoni, għandna partijiet kbar tal-popolazzjoni li huma esklużi u emarġinati: bla xogħol, bla futur, bla possibbiltajiet.  Il-bniedem fih innifsu qed jitqies bħala prodott ta’ konsum, li tista’ tużah u mbagħad tarmih.  Ħloqna kultura tal-“iskart” u qegħdin saħansitra nippromovuha.  Dan m’għadux sempliċement fenomenu ta’ sfruttament u ta’ oppressjoni, imma hawn għandna xi ħaġa ġdida: l-esklużjoni qed tolqot fl-istess għeruq tiegħu s-sens ta’ appartenenza għas-soċjetà li fiha ngħixu, peress li min hu eskluż mhux biss jinsab fil-mandraġġi tagħha, fil-periferija, jew bla poter, imma saħansitra jitħalla barra għalkollox minnha.  Dawk esklużi mhumiex biss “sfruttati” imma huma ż-żejda, “għar-rimi”.

54. F’dan il-kuntest, għad hemm min jiddifendi t-teoriji ta’ strateġija ekonomika ta’ Gvern immirata biex tnaqqas it-taxxi, ħalli tinċentiva l-individwi u l-intrapriżi biex jaħdmu aktar.  Skont dawn, kull tkabbir ekonomiku, megħjun mis-suq ħieles, għandu l-ħila jipproduċi minnu nnifsu ugwaljanza u inklużjoni soċjali akbar fid-dinja.  Din il-fehma, li qatt ma ġiet ikkonfermata mill-fatti, tesprimi fiduċja goffa u inġenwa f’dawk li għandhom f’idejhom il-poter ekonomiku u fil-mekkaniżmi idealizzati tas-sistema ekonomika tal-mument.  Sadattant, dawk li jitħallew barra, jibqgħu jistennew.  Inħolqot globalizzazzjoni tal-indifferenza li qed twieżen dan l-istil ta’ ħajja li jeskludi lill-oħrajn, jew li jħeġġeġ iżjed għal dan l-ideal egoistiku.  Kważi bla ma nintebħu, nitilfu l-ħila li tiġina ħniena quddiem il-karba tal-uġigħ tal-oħrajn, ma nibqgħux nibku iżjed quddiem it-tbatija tal-oħrajn, u lanqas jinteressana nieħdu ħsiebhom, qisu kollox kien responsabbiltà li ma tmissx lilna u għalina hi barranija.  Il-kultura tal-ġid u l-għana ssir loppju li jraqqadna u niġġennu jekk is-suq joffri xi ħaġa ġdida li għadna ma xtrajniex, waqt li dawn il-ħajjiet maħnuqa minn kull possibbiltà għalina saru sempliċi spettaklu li bl-ebda mod m’għadu jmissilna qalbna.

Le għall-idolatrija l-ġdida tal-flus

55. Waħda mill-kawżi ta’ din is-sitwazzjoni nsibuha fir-relazzjoni li ħloqna mal-flus, fejn qed naċċettaw bla nkwiet ta’ xejn il-ħakma tagħhom fuqna u fuq is-soċjetà tagħna.  Il-kriżi finanzjarja li għaddejjin minnha qed tnessina li fl-għeruq tagħha hemm kriżi antropoloġika profonda: iċ-ċaħda tal-primat tal-bniedem!  Ħloqna idoli ġodda.  Il-qima tal-għoġol antik tad-deheb (ara Eż 32:1-35) issa sabet verżjoni ġdida u bla ħniena fl-idolatrija tal-flus u fid-dittatura ta’ ekonomija bla wiċċ u bla mira tassew umana.  Il-kriżi dinjija li qed taffettwa l-finanzi u l-ekonomija qed tikxef l-istess nuqqas ta’ bilanċ li hemm fihom u, fuq kollox, in-nuqqas gravi ta’ orjentament antropoloġiku li lill-bniedem jirriduċih għal wieħed biss mill-bżonnijiet li għandu: il-konsum.

56. Waqt li l-ftit dejjem qed jiggwadanjaw iżjed b’mod esaġerat, il-ħafna jsibu ruħhom dejjem aktar imbiegħda mill-ġid ta’ dawn il-ftit li qegħdin sew.  Dan l-iżbilanċ ħiereġ minn ideoloġiji li moħħhom kif jiddefendu l-awtonomija assoluta tas-suq u l-ispekulazzjoni finanzjarja.  Għalhekk ma jaċċettawx id-dritt tal-kontroll mill-Istati, li xogħolhom hu li jħarsu l-ġid komuni.  Hekk titwaqqaf tirannija ġdida li ma tidhirx, xi drabi virtwali, li timponi l-liġijiet u r-regoli tagħha b’mod unilaterali u bla ħniena.  Barra dan, id-djun u l-interessi tagħha jbiegħdu lill-pajjiżi mill-possibbiltajiet prattikabbli tal-ekonomija tagħhom u liċ-ċittadini mill-poter veru tal-akkwist tagħhom.  Ma’ dan kollu mbagħad inżidu l-korruzzjoni u l-evażjoni egoista tat-taxxa, li llum issibhom imxerrdin mad-dinja kollha.  Il-kilba għall-poter u għall-ġid ma tafx b’limiti.  F’din is-sistema, li kapaċi tqaċċat kulma ssib fi triqtha biex tista’ takkwista iżjed, kull ħaġa li hi dgħajfa, bħall-ambjent, tispiċċa m’għandhiex min jiddefendiha kontra l-interessi tas-suq ‘iddivinizzat’, li jsiru huma r-regola assoluta.

Le għall-flus li jikkmandaw flok jaqdu

57. Wara dan l-atteġġjament hemm moħbija ċ-ċaħda tal-etika u ċ-ċaħda ta’ Alla.  Soltu l-etika nħarsu lejha b’ċerta stmerrija.  Narawha taħdem kontrina, għax hi wisq umana, u tirrelativizza l-flus u l-poter.  Inħarsu lejha bħala theddida, għax tikkundanna l-manipulazzjoni u t-tkasbir tal-persuna.  M’hemmx dubju li l-etika tipponta lejn Alla li jistenna minna tweġiba impenjattiva, li tinstab lil hemm mill-kategoriji tas-suq.  Meta jingħataw valur assolut, dawn iħarsu lejn Alla bħala xi ħaġa li ma tistax tikkontrollaha, timmanipulaha, u li saħansitra hu perikoluż, ladarba jsejjaħ lill-bniedem għall-milja sħiħa tiegħu u għall-ħelsien minn kull tip ta’ jasar.  L-etika – etika li ma ssirx ideoloġija – tħalli wisa’ għal bilanċ u ordni soċjali iżjed uman.  F’dan is-sens, insejjaħ lill-esperti finanzjarji u lil dawk li jmexxu l-gvernijiet ta’ bosta pajjiżi biex jagħtu kas ta’ kliem wieħed mill-għorrief tal-qedem: “Li ma taqsamx il-ġid tiegħek mal-foqra jfisser li tkun qed tisraqhom u ċċaħħadhom mill-ħajja.  Il-ġid li għandna f’idejna mhuwiex tagħna, imma tagħhom”.[55]

58. Riforma finanzjarja li ma tinjorax l-etika titlob bidla qawwija ta’ atteġġjament min-naħa tal-mexxejja politiċi, li nitlobhom jaffrontaw din l-isfida b’determinazzjoni u viżjoni għall-futur, bla qatt jinjoraw, naturalment, il-kuntest speċifiku.  Il-flus qegħdin hemm biex jaqdu u mhux biex imexxu!  Il-Papa jħobb lil kulħadd, għonja u foqra, imma għandu l-obbligu, f’isem Kristu, li jfakkar li l-għonja għandhom jgħinu lill-foqra, jirrispettawhom u jinċentivawhom.  Inħeġġiġkom turu solidarjetà diżinteressata biex nerġgħu lura għal ekonomija u sistema finanzjarja mdawla minn etika favur il-bniedem.

Le għan-nuqqas ta’ ugwaljanza li jġib il-vjolenza

59. Illum f’ħafna rkejjen tad-dinja qed nisimgħu bil-bżonn ta’ iżjed sigurtà.  Imma sakemm ma nneħħux għalkollox l-esklużjoni u n-nuqqas ta’ ugwaljanza fis-soċjetà u bejn id-diversi popli, impossibbli neqirdu l-vjolenza.  Il-foqra u l-popli l-iżjed foqra huma akkużati bil-vjolenza, imma, mingħajr ugwaljanza ta’ opportunitajiet, id-diversi forom ta’ ġlied u ta’ gwerra jsibu art fertili li llum jew għada ġġib splużjoni.  Meta s-soċjetà – lokali, nazzjonali jew dinjija – twarrab parti minnha fil-periferija, għalxejn ikun hemm programmi politiċi, forzi tal-ordni jew ta’ intelligence li jippruvaw jiżguraw it-trankwillità fit-tul.  Dan mhux biss għax in-nuqqas ta’ ugwaljanza jqanqal ir-reazzjoni vjolenti ta’ dawk li huma esklużi mis-sistema, imma anki għax is-sistema soċjali u ekonomika tkun inġusta minn għeruqha stess.  L-istess kif it-tajjeb minnu nnifsu jipprova jixtered, hekk il-ħażen li wieħed jittollera, jiġifieri l-inġustizzja, ifittex li jxerred il-qawwa qattiela tiegħu u bla ħafna storbju jaqla’ minn għeruqhom il-pedamenti ta’ kwalunkwe sistema politika u soċjali, tidher kemm tkun tidher b’saħħitha.  Jekk kull azzjoni għandha l-konsegwenzi tagħha, ħażen li jkun infiltra fl-istrutturi ta’ soċjetà dejjem għandu fih qawwa li tfarrak u toqtol.  Hu l-ħażen li nsibu fl-istrutturi soċjali inġusti, u għalhekk minnhom ma nistgħux ninstennew futur aħjar.  Għadna ’l bogħod mill-hekk imsejjaħ “tmiem tal-istorja”, la l-kundizzjonijiet għal żvilupp sostenibbli u paċifiku għadhom ma ġewx stabbiliti u mwettqa kif jixraq.

60. Il-mekkaniżmi tal-ekomonija ta’ żmienna jippromovu konsum bla qies, imma qed naraw kif il-konsumiżmu sfrenat, flimkien man-nuqqas ta’ ugwaljanza, qed jagħmlu ħsara doppja lit-tessut soċjali.  Hekk jiġri li l-iżbilanċ soċjali llum jew għada jikkawża vjolenza li l-ġirja għall-armamenti la qed issolvi u lanqas qatt ħa ssolvi.  Din isservi biss biex tipprova tqarraq b’dawk li qed jitolbu għal iżjed sigurtà, bħallikieku llum ma nafux li l-armi u l-vjolenza, flok iwasslu għal soluzzjonijiet, joħolqu kunflitti ġodda u agħar.  Xi wħud sempliċement jieħdu gost jitfgħu l-ħtija tal-ħażen tagħhom fuq il-foqra u l-pajjiżi foqra, b’ġeneralizzazzjonijiet xejn f’lokhom, u jippretendu li ħa jsibu s-soluzzjoni f’“edukazzjoni” li tikkalmahom u timmansahom biex ma jagħmlux iżjed ħsara.  Dan isir iżjed irritanti jekk l-esklużi jaraw jikber quddiemhom dan il-kankru soċjali li hu l-korruzzjoni b’għeruqha hekk ħoxnin f’dawn il-pajjiżi – fil-gvernijiet, fost l-imprendituri u fl-istituzzjonijiet – hi x’inhi l-ideoloġija politika ta’ min qed imexxi.

Xi sfidi kulturali

61. Inkunu nevanġelizzaw ukoll meta nfittxu li naffrontaw l-għadd ta’ sfidi li jistgħu jinqalgħu.[56]  Kultant dawn jidhru f’attakki veri kontra l-libertà reliġjuża jew f’sitwazzjonijiet ġodda ta’ persekuzzjoni kontra l-Insara, li, f’xi pajjiżi, laħqu livelli inkwetanti ta’ mibegħda u ta’ vjolenza.  F’bosta postijiet pjuttost qed naraw tixrid ta’ indifferenza relattivista, marbuta mad-diżillużjoni u l-kriżi tal-ideoloġiji bħala reazzjoni għal dak kollu li jidher totalitarju.  Dan mhux lill-Knisja biss jagħmel ħsara, imma lill-ħajja soċjali kollha kemm hi.  Jeħtieġ nifhmu li f’kultura fejn kull persuna tixtieq tħaddan il-verità suġġettiva tagħha, isir diffili li ċ-ċittadini jkunu jridu joffru sehemhom fi proġett komuni li jmur lil hemm mill-interessi u x-xewqat personali.

62. Fil-kultura dominanti, l-ewwel post jieħdu dak li hu esterjuri, immedjat, jidher minn barra, mgħaġġel, superfiċjali, proviżorju.  Ir-reali jċedi postu lil dak li jidher.  F’bosta pajjiżi, il-globalizzazzjoni fi żmien qasir tefgħet lura l-għeruq kulturali, bl-invażjoni ta’ ideat minn kulturi oħrajn, ekonomikament żviluppati imma etikament dgħajfa.  Hekk fehmu jgħidu għadd ta’ Sinodi tal-Isqfijiet f’diversi kontinenti.  L-Isqfijiet Afrikani, ngħidu aħna, xi snin ilu reġgħu qabdu l-Enċiklika Sollicitudo rei socialis, u qalu li spiss hemm min irid jibdel il-pajjiżi tal-Afrika f’sempliċi “biċċiet ta’ xi mekkaniżmu, parti minn apparat ġgantesk.  Dan jidher spiss anki fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali, li, billi fil-parti l-kbira tagħhom huma f’idejn ċentri tan-naħa ta’ fuq tad-dinja, mhux dejjem jagħtu kas biżżejjed tal-prijoritajiet u l-problemi ta’ dawn il-pajjiżi u lanqas jirrispettaw il-fiżjonomija kulturali tagħhom”.[57]  Bl-istess mod, l-Isqfijiet tal-Asja għafsu fuq “l-influwenzi li jiddaħħlu minn barra fuq il-kulturi Asjatiċi.  Qed jixirfu xejriet ġodda ta’ mġiba li huma l-frott ta’ espożizzjoni żejda għall-mezzi ta’ komunikazzjoni […]  B’konsegwenza ta’ dan, l-aspetti negattivi tal-industriji tal-medja u tad-divertiment qed jheddu l-valuri tradizzjonali”.[58]

63. Il-fidi Kattolika ta’ ħafna popli llum sabet ruħha tħabbat wiċċha mal-isfida tat-tixrid ta’ movimenti reliġjużi ġodda, xi wħud ixaqilbu lejn il-fundamentaliżmu u oħrajn jidhru li qed jipproponu spiritwalità bla Alla.  Minn naħa, dan hu r-riżultat ta’ reazzjoni umana quddiem is-soċjetà materjalista, konsumista u individwalista, imma, min-naħa l-oħra, huma mod kif japprofittaw ruħhom mid-dgħufija tal-popli li jgħixu fil-periferiji u fiz-zoni foqra, li jgħixu qalb uġigħ kbir uman u jfittxu soluzzjonijiet ta’ malajr għall-ħtiġijiet tagħhom.  Dawn il-movimenti reliġjużi, li jispikkaw għall-mod sottili ta’ kif jinfiltraw, jippruvaw jimlew il-vojt li jħalli r-razzjonaliżmu sekularista f’kultura fejn isaltan l-individwaliżmu.  Fuq kollox, jeħtieġ nagħrfu li, jekk fost l-imgħammdin tagħna hemm min ma jħossux parti mill-Knisja, dan nafuh ukoll lil xi strutturi u lil klima li ma tantx tilqgħek f’xi wħud mill-parroċċi u l-komunitajiet tagħna, jew lil atteġġjament burokratiku bħala tweġiba għall-problemi, sempliċi jew ikkumplikati, tal-ħajja tan-nies tagħna.  F’bosta nħawi, l-aspett amministrattiv qed jirkeb fuq dak pastorali, u l-istess qed jiġri b’sagramentalizzazzjoni sajma minn għamliet oħra ta’ evanġelizzazzjoni.

64. Il-proċess ta’ sekularizzazzjoni jipprova jillimita lill-fidi u lill-Knisja għall-qafas privat u intimu.  Agħar minn hekk, meta ċaħad kull traxxendenza, hu wassal għal deformazzjoni etika li qed tkompli tikber, għat-tidgħif tas-sens tad-dnub personali u soċjali, u għal żieda dejjem ikbar ta’ relattiviżmu.  Dawn iġibu magħhom sens ġenerali ta’ diżorjentament, speċjalment fil-fażi tal-adolexxenza u taż-żgħożija, hekk vulnerabbli minħabba fil-bidliet li jkunu għaddejjin.  Kif josservaw tant tajjeb l-Isqfijiet tal-Istati Uniti tal-Amerika, waqt li l-Knisja tinsisti li jkun hemm normi morali oġġettivi, li jgħoddu għal kulħadd, “hemm dawk li jippreżentaw dan it-tagħlim bħala inġust, jew inkella li jmur kontra d-drittijiet fundamentali tal-bniedem.  Dawn it-tip ta’ argumenti normalment joħorġu minn għamla ta’ relattiviżmu morali, li jingħaqad, mhux mingħajr inkonsistenza, ma’ fiduċja fid-drittijiet assoluti tal-individwi.  F’din l-ottika, il-Knisja tidher li qed tippromovi preġudizzju partikulari u qisha qed tindaħal fil-libertà ta’ dak li jkun”.[59]  Qed ngħixu f’soċjetà tal-informazzjoni li tibbumbardjana b’tagħrif bla ma tagħmel ebda distinzjoni, u tispiċċa twassalna għal superfiċjalità kbira meta niġu biex nagħmlu mistoqsijiet morali.  Għalhekk, hi meħtieġa edukazzjoni li tgħallimna naħsbu b’mod kritiku u li toffri mixja fejn nimmaturaw f’dawk li huma valuri.

65. Minkejja l-kurrent sekularista li ġarr miegħu s-soċjetajiet ta’ żmienna, f’għadd ta’ pajjiżi – anki fejn il-Kristjaneżmu hu f’minoranza – il-Knisja Kattolika hi istituzzjoni kredibbli f’għajnejn l-opinjoni pubblika, li tista’ tafdaha f’dak li għandu x’jaqsam mal-qasam tas-solidarjetà u tal-ħarsien ta’ dawk l-iżjed fqajra.  F’bosta okkażjonijiet, għamlitha ta’ medjatriċi biex tintlaħaq soluzzjoni għal problemi li jolqtu l-paċi, il-ftehim, l-ambjent, il-ħarsien tal-ħajja, id-drittijiet umani u ċivili, eċċ.  U kemm hu kbir il-kontribut tal-iskejjel u tal-universitajiet Kattoliċi mad-dinja kollha!  Din hi ħaġa tassew pożittiva.  Minkejja dan, qed jiswielna ħafna tbatija biex nuru li, meta niġu biex irressqu kwistjonijiet oħra li ma tantx jintlaqgħu tajjeb mill-pubbliku, dan nagħmluh b’fedeltà lejn l-istess konvinzjonijiet tagħna dwar id-dinjità tal-persuna umana u l-ġid komuni.

66. Il-familja, bħall-komunitajiet u r-rabtiet soċjali l-oħra kollha, għaddejja minn kriżi kulturali qawwija.  Fil-każ tal-familja, id-dgħufija tar-rabtiet issir partikularment gravi għax hawn għandna ċellula fundamentali tas-soċjetà, l-imkien fejn nitgħallmu ngħixu bid-differenzi ta’ bejnietna u nkunu ta’ xulxin u fejn il-ġenituri jgħaddu l-fidi lill-ulied.  It-tendenza saret li nħarsu lejn iż-żwieġ bħala sempliċi forma ta’ gratifikazzjoni affettiva li jista’ jinbena bi kwalunkwe mod u jitbiddel skont kif iħossha dak li jkun.  Imma l-kontribut indispensabbli taż-żwieġ lis-soċjetà hu ’l fuq mil-livell emottiv u mill-ħtiġijiet li jinbidlu tal-koppja.  Kif jgħallmu l-Isqfijiet Franċiżi, dan ma jitwelidx “mis-sentiment ta’ mħabba, li b’definizzjoni hu ħaġa li tgħaddi, imma mill-profondità tal-impenn li jieħdu l-miżżewġin li jaċċettaw li jidħlu f’komunjoni ta’ ħajja sħiħa”.[60]

67. L-individwaliżmu postmodern u globalizzat jiffavorixxi stil ta’ ħajja li jdgħajjef l-iżvilupp u l-istabbiltà tar-rabtiet bejn il-persuni, u li jneżża’ dawk familjari min-natura vera tagħhom.  Mill-azzjoni pastorali għandu joħroġ iktar ċar li r-relazzjoni ma’ Missierna titlob u tħeġġeġ għal komunjoni li tfejjaq, tippromovi u ssaħħaħ ir-relazzjonijiet interpersonali.  Waqt li fid-dinja, speċjalment f’xi pajjiżi, qed jerġgħu jitfaċċaw bosta forom ta’ gwerer u kunflitti, aħna l-Insara nibqgħu ninsistu fuq il-proposta li nsiru nafu lill-persuna l-oħra, li ndewwu l-ġrieħi, li nibnu l-pontijiet, li nibnu relazzjonijiet u ngħinu lil xulxin “nerfgħu t-tagħbija ta’ xulxin” (Gal 6:2).  Min-naħa l-oħra, illum nibtu bosta forom ta’ għaqdiet għall-ħarsien tad-drittijiet u biex jistgħu jintlaħqu għanijiet wisq nobbli.  B’dan il-mod jidher l-għatx għall-parteċipazzjoni li għandhom bosta ċittadini li jixtiequ jkunu bennejja tal-progress soċjali u kulturali.

Sfidi għall-inkulturazzjoni tal-fidi

68. Is-sisien Kristjani ta’ xi popli – speċjalment fil-Punent – huma realtà ħajja.  Hawn insibu, speċjalment fost dawk l-aktar fil-bżonn, riżorsa morali li tħares il-valuri ta’ umaniżmu Nisrani awtentiku.  Jekk inħarsu lejn ir-realtà bl-għajnejn tal-fidi, ma nistgħux ma nagħrfux dak li qed jiżra’ l-Ispirtu s-Santu.  Ma nkunux nuru fiduċja fl-għemil ħellies u ġeneruż tiegħu jekk naħsbu li m’hemmx valuri Nsara awtentiċi hemm fejn parti kbira mill-popolazzjoni rċiviet il-Magħmudija u tesprimi l-fidi u s-solidarjetà fraterna tagħha b’għadd ta’ modi.  Hawn jeħtieġ nagħrfu li hemm ħafna iżjed miż-“żerriegħa tal-Verb”, għax hawn insibu fidi Kattolika awtentika li bil-modi tagħha tesprimi ruħha u tappartieni għall-Knisja.  Mhux sewwa ninjoraw l-importanza deċiżiva li għandha kultura mmarkata mill-fidi, għax din il-kultura evanġelizzata, minkejja l-limiti tagħha, quddiem l-attakki tas-sekulariżmu tal-lum għandha ħafna iżjed riżorsi mis-sempliċi għadd ta’ dawk li jemmnu.  Kultura popolari evanġelizzata ġġorr fha valuri ta’ fidi u ta’ solidarjetà li jistgħu jwasslu għall-iżvilupp ta’ soċjetà iżjed ġusta u li temmen, u għandha għerf partikulari li għandna nħarsu lejh bi gratitudni.

69. Hu essenzjali li nevanġelizzaw il-kulturi biex fihom ninkulturaw il-Vanġelu.  Fil-pajjiżi ta’ tradizzjoni Kattolika dan isir biex nakkumpanjaw, nieħdu ħsieb u nsaħħu l-għana li diġà jeżisti, u fil-pajjiżi ta’ tradizzjonijiet reliġjużi oħra jew għalkollox sekularizzati jeħtieġ infittxu proċessi ġodda ta’ evanġelizzazzjoni tal-kultura, anki jekk dawn jitolbu pjanijiet għal ħidma fit-tul ħafna.  Minkejja dan kollu, ma nistgħux ninjoraw li dejjem aħna msejħin nikbru.  Kull kultura u kull grupp soċjali għandu bżonn jissaffa u jimmatura.  Fil-każ ta’ kulturi popolari ta’ popli Kattoliċi, irridu nintebħu b’xi dgħufijiet li għad iridu jiġu mfejqa mill-Vanġelu: il-maskiliżmu, l-alkoħoliżmu, il-vjolenza domestika, parteċipazzjoni skarsa fl-Ewkaristija, twemmin fatalista jew superstizzjuż li jwassal biex dak li jkun jirrikorri għand is-sħaħar, u oħrajn.  Imma hi propju l-pjetà popolari l-aħjar punt ta’ tluq lejn il-fejqan u l-ħelsien tagħhom.

70. Hu minnu wkoll li kultant l-aċċent, iżjed milli fuq il-qawwa tal-fidi Nisranija, jitqiegħed fuq forom esterjuri ta’ tradizzjonijiet ta’ xi gruppi, jew fuq allegati rivelazzjonijiet privati li jiġu assolutizzati.  Jeżisti ċertu Kristjaneżmu mibni fuq devozzjonijiet, sewwasew fuq mod individwali u sentimentali ta’ kif tgħix il-fidi, li fir-realtà ma jaqbilx ma’ “pjetà popolari” awtentika.  Xi wħud jippromovu dawn l-espressjonijiet bla ma jinteressahom mill-promozzjoni soċjali jew mill-formazzjoni tal-fidili, u f’xi każi dan jagħmluh biex jiksbu benefiċċji ekonomiċi jew xi għamla ta’ setgħa fuq l-oħrajn.  Lanqas nistgħu ma nqisux li, fl-aħħar għexieren ta’ snin, kien hemm qtugħ fit-trasmissjoni tal-fidi Nisranija minn ġenerazzjoni għall-oħra tal-poplu Kattoliku.  Ma nistgħux niċħdu li ħafna qed iħossuhom delużi u m’għadhomx jidentifikaw ruħhom mat-tradizzjoni Kattolika, li qed jiżdiedu l-ġenituri li ma jgħammdux lil uliedhom u ma jgħallmuhomx jitolbu, u li hemm ħafna li qed iħallu l-Knisja u jfittxu komunitajiet oħra ta’ fidi.  Fost il-kawżi li qed iwasslu għal din il-qasma nsibu n-nuqqas ta’ spazji għal djalogu fil-familja, l-influwenza tal-mezzi ta’ komunikazzjoni, is-suġġettiviżmu relattivista, il-konsumiżmu sfrenat imħeġġeġ mis-suq, in-nuqqas ta’ akkumpanjament pastorali tal-foqra nett, in-nuqqas ta’ akkoljenza fl-istituzzjonijiet tagħna, u d-diffikultà tagħna li mill-ġdid inħaddnu l-fidi b’mod mistiku fi ħdan xenarju magħmul minn bosta reliġjonijiet.

Sfidi tal-kulturi urbani

71. Ġerusalemm il-ġdida, il-Belt il-qaddisa (ara Apok 21:2-4), hi d-destinazzjoni li lejha miexja l-umanità kollha.  Interessanti li r-Rivelazzjoni tgħidilna li l-milja tal-umanità u tal-istorja għad titwettaq f’belt.  Jeħtieġ nagħrfu liema hi din il-belt billi nitilqu minn ħarsa kontemplattiva, jew aħjar, ħarsa ta’ fidi li ssib lil dak Alla li joqgħod fid-djar tagħha, fit-toroq tagħha, fil-pjazez tagħha.  Il-preżenza ta’ Alla ssieħeb it-tiftixa sinċiera ta’ persuni u gruppi biex isibu għajnuna u sens fil-ħajja tagħhom.  Hu jgħammar qalb iċ-ċittadini u jħeġġiġhom għas-solidarjetà, il-fraternità, ix-xewqa għat-tajjeb, għall-verità, għall-ġustizzja.  Din il-preżenza m’għandhiex tiġi vvintata, imma mikxufa, murija.  Alla ma jinħebiex quddiem dawk li jfittxuh b’qalb sinċiera, anki jekk dan jagħmluh naqra naqra, b’mod mhux għalkollox preċiż, jew kif ġie ġie.

72. Fil-belt, l-aspett reliġjuż jgħaddi minn għadd ta’ stili ta’ ħajja, ta’ drawwiet marbuta ma’ sens ta’ żmien, ta’ territorju u ta’ relazzjonijiet li hu differenti mill-istil ta’ popli li jgħixu fil-kampanja.  Fil-ħajja ta’ kuljum iċ-ċittadini sikwit ikollhom jissieltu biex jgħixu u, f’dan it-taħbit, hemm moħbi sens profond tal-għarfien tal-ħajja li normalment jimplika wkoll sens qawwi reliġjuż.  Irridu neżaminawh biex nistgħu nidħlu fi djalogu bħal dak li l-Mulej għamel mas-Samaritana, biswit il-bir, fejn hi marret tfittex li taqta’ l-għatx tagħha (ara Ġw 4:7-26).

73. Kulturi ġodda jkomplu jinħolqu f’dawn il-mergħat kbar umani fejn in-Nisrani m’għadux iżjed dak li jaqra u jagħti s-sens, imma minnhom jirċievi hu stess lingwaġġi, simboli, messaġġi u mudelli oħra li joffru direzzjonijiet oħra fil-ħajja, spiss f’kuntrast mal-Vanġelu ta’ Ġesù.  Fil-belt nibtet u qed tissawwar kultura ġdida.  Is-Sinodu stqarr li llum il-bidliet f’dawn il-postijiet kbar u l-kultura li jesprimu huma post ipprivileġġjat tal-evanġelizzazzjoni ġdida.[61]  Dan jitlob minna li nfittxu li noħolqu spazji ta’ talb u ta’ komunjoni b’karatteristiċi ġodda, li jiġbdu iżjed l-għajn u li għandhom tifsira għall-popli urbani.  Minħabba fl-influwenza tal-mezzi tal-komunikazzjoni tal-massa, lanqas l-ambjenti rurali mhuma barranin għal dawn il-bidliet kulturali li jġibu magħhom anki differenzi sinifikattivi fil-mod kif in-nies tgħix.

74. Hi meħtieġa evanġelizzazzjoni li ddawwalna b’modi ġodda ta’ kif nidħlu f’relazzjoni ma’ Alla, mal-oħrajn u mal-ambjent, u li turina liema huma l-valuri fundamentali.  Jeħtieġ naslu hemm fejn qed jiġu msawra rakkonti u mudelli ġodda, nilħqu bil-Kelma ta’ Ġesù l-imkejjen l-iżjed profondi ta’ ruħ il-belt.  Ma rridux ninsew li l-belt hi ambjent ta’ ħafna kulturi.  Fl-ibliet il-kbar wieħed josserva tessut li jgħaqqad flimkien gruppi ta’ persuni li għandhom l-istess ħolm għall-ħajja u immaġinazzjoni simili, u fejn jixirfu oqsma umani, territorji kulturali u bliet inviżibbli ġodda.  Xejriet kulturali differenti jgħixu biswit xulxin, imma spiss jeżerċitaw prattiċi ta’ segregazzjoni u ta’ vjolenza.  Il-Knisja hi msejħa tkun għas-servizz ta’ djalogu iebes.  Min-naħa l-oħra, hawn insibu ċittadini li jfittxu l-mezzi xierqa għall-iżvilupp tal-ħajja personali u familjari tagħhom, imma bosta huma dawk li “mhumiex ċittadini”, huma “nofs ċittadini” jew huma ż-“żibel tal-belt”.  Il-belt toħloq xejra ta’ ambivalenza permanenti, għax, waqt li toffri liċ-ċittadini tagħha għadd bla tarf ta’ possibbiltajiet, jidher li huma wkoll ħafna d-diffikultajiet għall-iżvilupp sħiħ tal-ħajja ta’ bosta.  Din il-kontradizzjoni ġġorr magħha tbatija kerha.  F’bosta nħawi tad-dinja, il-bliet huma xenarji ta’ protesti tal-massa fejn eluf ta’ nies qed jitolbu l-libertà, il-parteċipazzjoni, il-ġustizzja u bosta domandi oħra li, jekk ma jiġux mifhuma tajjeb, qajla jistgħu jiġu msikkta bl-użu tal-forza.

75. Ma nistgħux nagħlqu għajnejna għat-traffikar tad-droga u tal-persuni, għall-abbuż u l-isfruttar tal-minuri, għat-telqa tal-anzjani u l-morda, u għal bosta xejriet oħra ta’ korruzzjoni u ta’ kriminalità li għandna fl-ibliet tagħna.  Fl-istess waqt, dak li jista’ jkun spazju prezzjuż ta’ laqgħa u ta’ solidarjetà, spiss jinbidel fi mkien ta’ ħarba u ta’ sfiduċja miż-żewġ naħat f’xulxin.  Id-djar u l-kwartieri iktar jinbnew biex jiżolaw u jipproteġu milli biex jorbtu u jgħaqqdu flimkien.  Ix-xandir tal-Vanġelu għandu jkun il-qafas li fuqu titwaqqaf mill-ġdid id-dinjità tal-ħajja umana f’dawn il-kuntesti, għax Ġesù anki fil-bliet jixtieq isawwab il-ħajja bil-kotra (ara Ġw 10:10).  Is-sens magħqud u sħiħ tal-ħajja umana li qed jipproponi l-Vanġelu hu l-aħjar soluzzjoni għall-ħażen tal-belt, anki jekk irridu nżommu f’moħħna li programm u stil wieħed uniformi u riġidu ta’ evanġelizzazzjoni mhumiex tajbin għal din ir-realtà.  Imma jekk jgħix fil-fond dak li hu uman u jidħol fil-qalba tal-isfidi bħala ħmira li tagħti xhieda, f’kull kultura, f’kull belt, in-Nisrani jkun jitjieb hu u jagħmel frott anki fil-belt.

II. Tentazzjonijiet tal-operaturi pastorali

76. Inħoss li għandi nuri gratitudni kbira lejn l-impenn ta’ dawk kollha li jaħdmu fi ħdan il-Knisja.  Hawn ma rridx nieqaf nagħti lista tal-ħidmiet tal-għadd kbir ta’ operaturi pastorali, mill-isqfijiet sal-iżgħar u l-iktar moħbi fost is-servizzi ekkleżjali.  Iktar nixtieq nirrifletti fuq l-isfidi li huma lkoll iridu jħabbtu wiċċhom magħhom fil-kuntest tal-kultura globalizzata ta’ żmienna.  Imma rrid ngħid, qabelxejn u b’sens ta’ ġustizzja, li sehem il-Knisja fid-dinja tal-lum hu enormi.  L-uġigħ ta’ qalb u l-mistħija tagħna għad-dnubiet ta’ xi membri tal-Knisja, u għal dnubietna stess, m’għandhomx inessuna kemm Insara jagħtu ħajjithom għall-imħabba: jgħinu tant nies biex tfiq jew biex tmut fis-sliem fi sptarijiet f’kundizzjonijiet prekarji, jew isieħbu persuni li jisfaw ilsiera ta’ bosta dipendenzi fl-iżjed imkejjen foqra tad-dinja, jew jingħataw għall-edukazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ, jew jieħdu ħsieb tal-anzjani mitluqa minn kulħadd, jew ifittxu li jgħaddu l-valuri f’ambjenti ostili, jew jiddedikaw ruħhom b’tant modi oħra, hekk li juru dik l-imħabba bla tarf għall-umanità mdawlin minn Alla li sar bniedem.  Irrodd ħajr lil Alla għall-eżempju sabiħ li jagħtuni tant Insara li joffru ħajjithom u ħinhom bil-ferħ.  Din ix-xhieda hi ta’ ġid kbir għalija u tweżinni fix-xewqa personali li negħleb l-egoiżmu tiegħi biex nista’ ningħata iżjed.

77. Minkejja dan, bħala wlied ta’ din l-epoka tagħna, kollha b’xi mod aħna influwenzati mill-kultura globalizzata tal-lum, li, anki jekk tqiegħed quddiemna valuri u possibbiltajiet ġodda, tista’ wkoll tillimitana, tikkundizzjonana u sa anki tmarradna.  Nifhem li jeħtieġ noħolqu spazji adattati biex nistgħu nimmotivaw u nfejqu lill-operaturi pastorali, “imkejjen fejn terġa’ tieħu l-ħajja l-fidi f’Ġesù mislub u rxoxt, fejn nistgħu naqsmu fimkien il-mistoqsijiet l-aktar profondi u t-tħassib ta’ kuljum, fejn niddixxernu bil-qawwa billi nużaw il-kriterji tal-Vanġelu dwar l-eżistenza u l-esperjenza tagħna, biex fl-aħħar mill-aħħar l-għażliet individwali u soċjali tagħna norjentawhom lejn dak li hu tajjeb u sabiħ”.[62]  Fl-istess waqt, nixtieq niġbed l-attenzjoni dwar ċerti tentazzjonijiet li speċjalment illum qed jolqtu lill-operaturi pastorali.

Iva għall-isfida ta’ spiritwalità missjunarja

78. Illum, f’ħafna operaturi pastorali, fosthom persuni kkonsagrati, qegħdin nilmħu preokkupazzjoni esaġerata għall-ispazji personali tal-awtonomija u l-mistrieħ tagħhom, u dan iwassalhom biex jgħixu d-dmirijiet tagħhom donnhom kienu sempliċi żieda għall-ħajja, bħallikieku ma kinux jagħmlu parti mill-identità tagħhom.  Fl-istess waqt, il-ħajja spiritwali jifxluha ma’ xi mumenti reliġjużi li joffru ċertu serħan imma ma jħeġġux għal-laqgħa mal-oħrajn, għall-impenn fid-dinja, għall-passjoni għall-evanġelizzazzjoni.  Hekk, f’ħafna operaturi tal-evanġelizzazzjoni, anki jekk jitolbu, niltaqgħu ma’ aċċentwazzjoni żejda tal-individwaliżmukriżi ta’ identità u bruda fil-ħeġġa.  Huma tliet xorta ta’ ħażen li jżoqqu wieħed lill-ieħor.

79. Xi drabi fil-kultura medjatika u f’xi ambjenti intellettwali nilmħu sfiduċja partikulari fil-konfront tal-messaġġ tal-Knisja, kif ukoll ċerta delużjoni.  Minħabba f’hekk, bosta operaturi pastorali, minkejja t-talb, irawmu fihom ċertu sens ta’ inferjorità, li jwassalhom biex jirrelativizzaw jew jaħbu l-identità u l-konvinzjonijiet Insara tagħhom.  Hekk jinħoloq ċirku vizzjuż, għax imbagħad ma jkunux ferħana b’dak li huma u b’dak li jagħmlu, ma jħossuhomx jistgħu jidentifikaw ruħhom mal-missjoni tal-evanġelizzazzjoni, u dan idgħajjef l-impenn tagħhom.  Jispiċċaw biex joħonqu l-ferħ tal-missjoni bi speċi ta’ ossessjoni biex ikunu bħall-oħrajn kollha u biex ikollhom dak li l-oħrajn għandhom.  B’dan il-mod, il-ħidma tal-evanġelizzazzjoni tispiċċa sfurzata u jiddedikawlha ftit li xejn sforzi u ħin limitat ħafna.

80. Lil hemm mill-istil spiritwali jew mil-linja partikulari ta’ ħsieb li jaf ikollhom, jiżviluppa fl-operaturi pastorali ċertu relattiviżmu li hu perikuluż iżjed minn dak duttrinali.  Jolqot l-għażliet l-iktar profondi u sinċieri li bihom jintagħġen il-mod kif jgħixu.  Dan ir-relattiviżmu prattiku jikkonsisti f’li jgħixu bħallikieku Alla ma kienx jeżisti, jiddeċiedu bħallikieku l-foqra ma kinux jeżistu, joħolmu bħallikieku l-oħrajn ma kinux jeżistu, jaħdmu bħallikieku ma kinux jeżistu dawk li għadhom ma rċivewx l-aħbar.  Ta’ min jinnota l-fatt li, saħansitra min jidher li jħaddan konvinzjonijiet duttrinali u spiritwali b’saħħithom, spiss jaqa’ fi stil ta’ ħajja li jwasslu biex jintrabat ma’ sigurtajiet ekonomiċi, jew ma’ spazji ta’ poter u ta’ glorja umana li jfittex jikseb b’kull mod, minflok ma jagħti ħajtu għall-oħrajn fil-missjoni.  Ma nħallux lil min jisirqilna l-ħeġġa missjunarja!

Le għall-għażż egoista

81. Meta tant neħtieġu dinamiżmu missjunarju li jġib melħ u dawl lid-dinja, ħafna lajċi qed jibżgħu li xi ħadd jistedinhom iwettqu xi ħidma appostolika, u qed ifittxu li jaħarbu minn kull impenn li jista’ jeħdilhom mill-ħin liberu tagħhom.  Illum, ngħidu aħna, sar diffiċli ħafna nsibu katekisti mħejjija tajjeb għall-parroċċi u li jipperseveraw fil-ħidma tagħhom għal għadd ta’ snin.  Imma xi ħaġa tixxiebah qed tiġri fis-saċerdoti, li saru ossessjonati fil-ħin personali tagħhom.  Dan spiss ġej mill-fatt li ħafna persuni jħossu l-bżonn kbir li jżommu l-ispazji tal-awtonomija tagħhom, bħallikieku l-ħidma ta’ evanġelizzazzjoni kienet xi velenu perikuluż flok tweġiba hienja għall-imħabba ta’ Alla li jsejħilna għall-missjoni u jsaħħaħna biex nagħmlu l-frott.  Xi wħud jirreżistu milli jduqu sal-aħħar il-gost tal-missjoni u jibqgħu mxaħxħa f’għażż li jipparalizzahom.

82. Il-problema mhix dejjem l-attiviżmu żejjed, imma fuq kollox hi l-attività li ssir ħażin, mingħajr il-motivazzjonijiet it-tajba, bla spiritwalità li tgħarrex f’kull azzjoni u tagħmilha xi ħaġa sabiħa.  Hawn id-dmirijiet jispiċċaw jegħjuna aktar milli suppost, u xi kultant imarrduna.  Ma tkunx għeja serena, imma waħda mimlija tensjoni, peżanti, mhix sodisfatta u, bla dubju ta’ xejn, mhix milqugħa.  Din it-telqa pastorali jaf ikollha ħafna għeruq.  Xi wħud jaqgħu fiha għax moħħhom fi proġetti li ma jistgħux jitwettqu u ma jafux jaċċettaw dak li jistgħu jagħmlu bi trankwillità.  Oħrajn, għax ma jaċċettawx il-bidla iebsa tal-proċessi u jridu li kollox jaqa’ mis-sema.  Oħrajn, għax jintrabtu ma’ xi proġetti jew ħolm ta’ suċċess li jkunu rawmu fihom infushom b’mod vanituż.  Oħrajn, għax ikunu tilfu l-kuntatt veru man-nies, f’pastorali li tilfet il-polz tal-persuni, fejn aktar kienu moħħhom fl-organizzazzjoni tal-ħaġa milli fil-persuni li magħhom kellhom x’jaqsmu, hekk li aktar tentużjażmahom il-“mappa tat-triq” milli t-triq infisha.  Oħrajn jaqgħu fit-telqa, għax ma jafux jistennew bis-sabar, iridu jiddominaw ir-ritmu tal-ħajja.  L-ossessjoni li llum il-ġurnata għandhom l-operaturi pastorali biex jiksbu riżultati immedjati ma tħallihomx jittolleraw kif ġieb u laħaq xi ħadd li jikkontradihom, is-sens ta’ falliment, kritika, salib.

83. Hekk tinħoloq l-akbar theddida, li “hi l-pragmatiżmu griż tal-ħajja ta’ kuljum tal-Knisja, fejn kollox jidher miexi normali, waqt li fil-verità l-fidi tkun qed tittiekel u tintemm fix-xejn”.[63]  Tiżviluppa ruħha l-psikoloġija tal-qabar, li bil-mod il-mod tibdel lill-Insara f’mummji tajbin għal ġo mużew.  Qalbhom maqtugħa mir-realtà ta’ madwarhom, mill-Knisja u minnhom infushom, jgħixu t-tentazzjoni kontinwa li jintrabtu ma’ niket ħelu, bla tama, li jaħkmilhom qalbhom donnu kien “l-aktar droga prezzjuża tax-xitan”.[64]  Dawk li kienu msejħa biex ixerrdu d-dawl u jwasslu l-ħajja, fl-aħħar jispiċċaw jinġibdu lejn ħwejjeġ li jġibu biss dlam u għeja ġewwiena, u li jdagħjfu d-dinamiżmu appostoliku.  Għalhekk ħalluni ninsisti: ma nħallux lil min jisirqilna l-ferħ tal-evanġelizzazzjoni!

Le għall-pessimiżmu sterili

84. Il-ferħ tal-Vanġelu hu dak li ħadd u xejn ma jista’ qatt jeħdilna (ara Ġw 16:22).  Il-ħażen tad-dinja tagħna – u dak tal-Knisja – qatt m’għandu jkun skuża biex innaqqsu l-impenn tagħna u l-ħeġġa tagħna.  Neħduhom bħala sfidi biex nikbru.  Iktar minn hekk, il-ħarsa tal-fidi għandha l-ħila tagħraf id-dawl li l-Ispirtu s-Santu dejjem ixerred qalb id-dlamijiet, bla ma tinsa li “fejn kotor id-dnub, kotrot fuq li kotrot il-grazzja” (Rum 5:20).  Il-fidi tagħna hi sfidata biex ixxomm mill-bogħod dak l-inbid li l-ilma jista’ jinbidel fih, u biex tiskopri l-qamħ li jikber qalb is-sikrana.  Ħamsin sena wara l-Konċilju Vatikan II, anki jekk qalbna tuġagħna quddiem il-miżerji ta’ żmienna u ninsabu ’l bogħod minn ottimiżmu inġenwu, iktar realiżmu m’għandux ifisser inqas fiduċja fl-Ispirtu u lanqas inqas ġenerożità.  F’dan is-sens, nistgħu nerġgħu lura biex nisimgħu kliem il-Beatu Ġwanni XXIII f’dak il-jum memorabbli tal-11 ta’ Ottubru 1962: “Mhux b’inqas offensiv għal widnejna, jaslilna l-kliem ta’ xi wħud li, għalkemm mixgħula b’żelu kbir għar-reliġjon, jivvalutaw il-fatti mingħajr biżżejjed oġġettività u ġudizzju prudenti.  Fil-kundizzjonijiet attwali tas-soċjetà umana, huma ma jaraw xejn aktar ħlief rovina u nkwiet […]  Lilna jidhrilna li fermament m’għandniex naqblu ma’ dawn il-profeti tal-isfortuna, li dejjem iħabbru l-agħar, donnhom qed jilmħu joqrob l-aħħar tad-dinja.  Fil-qagħda preżenti tal-ġrajjiet umani, fejn l-umanità donnha dieħla f’ordni ġdid tal-affarijiet, iktar għandna naraw il-pjanijiet misterjużi tal-Providenza Divina, li jseħħu f’kull żmien permezz tal-għemejjel tal-bnedmin, u spiss lil hemm minn dak li dawn ikunu jistennew, waqt li bl-għerf tagħhom jużaw kollox, anki l-ġrajjiet koroh tal-bnedmin, għall-ġid tal-Knisja”.[65]

85. Waħda mill-iżjed tentazzjonijiet serji li jifgaw il-ħeġġa u l-kuraġġ huwa meta nħossuna mirbuħin, sens li jibdilna f’persuni pessimisti b’wiċċhom imkemmex li dejjem imdejqin u qalbhom maqtugħa.  Ħadd ma jista’ jidħol għal battalja jekk sa minn qabel ma jittamax għalkollox fi trijonf.  Min jitlaq bl-ewwel passi mingħajr ma jkollu fiduċja diġà tilef minn qabel nofs il-battalja u jkun qed jidfen it-talenti tiegħu.  Anki jekk bl-għarfien tad-dgħufijiet tagħna li jnikktuna, jeħtieġ nibqgħu mexjin ’il quddiem mingħajr ma nagħtu ruħna b’mirbuħa, u niftakru dak li qal il-Mulej lil San Pawl: “Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi; għax il-qawwa tiegħi tidher fl-aqwa tagħha fejn hemm id-dgħajjef” (2 Kor 12:9).  It-trijonf Nisrani dejjem hu salib, imma salib li fl-istess ħin hu stendard ta’ rebħa, li nġorruh bi ħlewwa lesta biex tissielet kontra l-attakki tal-ħażen.  L-ispirtu ħażin tat-telfa hu ħu t-tentazzjoni li nifirdu qabel iż-żmien il-qamħ mis-sikrana, frott nuqqas ta’ fiduċja anzjuż u egoċentriku.

86. Hu ċar li f’xi nħawi seħħet “deżertifikazzjoni” spiritwali, frott il-proġett ta’ soċjetajiet li jridu jibnu lilhom infushom mingħajr Alla jew li jippruvaw jeqirdu l-għeruq Insara tagħhom.  Hemm “id-dinja Nisranija qed issir sterili, qed tinxef, bħal art sfruttata żżejjed li tispiċċa ramel ta’ deżert”.[66]  F’xi pajjiżi oħra, ir-reżistenza vjolenti kontra l-Kristjaneżmu lill-Insara qed tobbligahom jgħixu l-fidi tagħhom kważi bil-moħbi fl-istess pajjiż li huma tant iħobbu.  Din hi għamla oħra kerha ta’ deżert.  Anki l-familja u l-post tax-xogħol jistgħu jsiru dak l-ambjent niexef fejn hemm bżonn inżommu ħajja l-fidi u nfittxu li nxerrduha.  Imma “irridu nibdew billi nġarrbu dan id-deżert, dan il-vojt, biex nistgħu niskopru mill-ġdid il-ferħ li nemmnu u l-importanza vitali li għandha għalina l-fidi.  Fid-deżert nerġgħu niskopru l-valur ta’ x’inhu essenzjali għall-ħajja; għalhekk fid-dinja tal-lum għandna għadd kbir ta’ sinjali, li spiss jidhru b’mod impliċitu jew negattiv, tal-għatx għal Alla, għat-tifsira aħħarija tal-ħajja.  U fid-deżert hemm bżonn ta’ nies ta’ fidi li b’ħajjithom stess juru liema hija t-triq lejn l-Art Imwiegħda u jżommu ħajja t-tama”.[67]  Hu x’inhu, f’dawk iċ-ċirkustanzi aħna msejħin inkunu ġarar ta’ ilma ħaj biex nagħtu jixorbu lill-oħrajn.  Kultant il-ġarra tinbidel f’salib tqil, imma hu propju fuq is-Salib li l-Mulej, b’ġenbu minfud, ingħata għalina bħala għajn ta’ ilma ħaj.  Ma nħallux lil min jisirqilna t-tama!

Iva għar-relazzjonijiet ġodda mnissla minn Ġesù Kristu

87. Illum, meta x-xbieki u l-għodda tal-komunikazzjoni umana għamlu żviluppi li qatt ma konna smajna bihom qabel, inħossu l-isfida li niskopru u nittrasmettu “mistika” li ngħixu flimkien, li nitħalltu, li niltaqgħu, li ngħannqu lil xulxin, li nserrħu fuq xulxin, li nkunu parti minn din il-mewġa xi ftit kaotika li, imma, tista’ tinbidel f’esperjenza vera ta’ fraternità, f’karwana ta’ solidarjetà, f’pellegrinaġġ qaddis.  B’dan il-mod, l-akbar possibbiltajiet ta’ komunikazzjoni jinbidlu f’possibbiltajiet kbar ta’ laqgħa u ta’ solidarjetà bejn kulħadd.  Li kellna nimxu f’din it-triq, kemm kienet tkun ħaġa tajba, li tfejjaq, li teħles, li ġġib it-tama!  Kemm jiswa li noħorġu minna nfusna biex ningħaqdu mal-oħrajn!  Ningħalqu fina nfusna jfisser induqu s-semm qares tal-immanenza, u hi l-umanità li tbati ma’ kull għażla egoistika li nagħmlu.

88. L-ideal Nisrani dejjem jistedinna negħlbu kull suspett, nuqqas permanenti ta’ fiduċja, il-biża’ li xi ħadd jinvadilna l-privatezza, l-atteġġjamenti difensivi li d-dinja tal-lum timponi fuqna.  Ħafna jippruvaw jaħarbu mill-oħrajn lejn xi ħaġa li hi privata u komda, jew lejn ċirku ristrett ta’ dawk l-iżjed intimi, u ma jaċċettawx ir-realiżmu tad-dimensjoni soċjali tal-Vanġelu.  Għax, kif xi wħud jixtiequ Kristu purament spiritwali, bla laħam u bla salib, jippretendu wkoll relazzjonijiet interpersonali li jinħolqu biss permezz ta’ apparat sofistikat, ta’ skrins u sistemi li tista’ tixgħelhom u tiftihom minn idejk.  Min-naħa l-oħra, il-Vanġelu jistedinna dejjem biex nidħlu għar-riskju tal-laqgħa mal-wiċċ tal-ieħor, mal-preżenza fiżika tiegħu li tisfidana, mal-weġgħat tiegħu u mal-karbiet tiegħu, mal-ferħ tiegħu li jittieħed fil-kuntatt fiżiku kostanti ma’ xulxin.  Il-fidi awtentika fl-Iben ta’ Alla magħmul laħam ma nistgħux nifirduha mid-don tagħna nfusna, mill-appartenenza għall-komunità, mis-servizz, mir-rikonċiljazzjoni mal-ġisem tal-oħrajn.  L-Iben ta’ Alla, fl-Inkarnazzjoni tiegħu, stedinna għar-rivoluzzjoni tal-ħlewwa.

89. L-iżolament, li hu verżjoni oħra tal-immanentiżmu, jista’ jesprimi ruħu f’awtonomija falza li tħalli barra lil Alla imma li fir-reliġjuż tista’ ssib forma ta’ konsumiżmu spiritwali li jissodisfa l-individwaliżmu ossessjonat tagħha.  Ir-ritorn lejn is-sagru u t-tiftix spiritwali li qed jikkaratterizzaw l-epoka tagħna huma fenomeni ambigwi.  Imma iżjed mill-ateiżmu, illum għandna quddiemna l-isfida li nwieġbu b’mod xieraq għall-għatx li bosta nies għandha ta’ Alla, biex ma jmorrux ifittxu jaqtgħuh bi proposti aljenanti jew b’Ġesù Kristu bla ġisem jew mingħajr impenn lejn l-oħrajn.  Jekk fil-Knisja ma jsibux spiritwalità li tfejjaqhom, teħlishom, timliehom bil-ħajja u bil-paċi, u li fl-istess ħin issejħilhom għall-komunjoni solidali u biex jagħmlu frott missjunarju, jispiċċaw imqarrqin minn proposti li la jagħmlu l-bniedem iżjed bniedem u lanqas jagħtu glorja lil Alla.

90. Il-forom ġenwini ta’ reliġjożità popolari huma inkarnati, għax inixxu mill-inkarnazzjoni tal-fidi Nisranija f’kultura popolari.  Għalhekk huma jinkludu relazzjoni personali, mhux ma’ enerġiji spiritwali vagi, imma ma’ Alla, ma’ Ġesù Kristu, ma’ Marija, ma’ xi qaddis.  Għandhom ġisem, għandhom uċuħ.  Huma jiswew biex inqawwu l-potenzjalitajiet ta’ relazzjoni u m’għandhomx ikunu ħarbiet individwalisti.  F’oqsma oħra tas-soċjetajiet tagħna qed tikber l-istima lejn bosta forom differenti ta’ “spiritwalità tal-benessri” mingħajr komunità, lejn “teoloġija tal-prosperità” mingħajr ebda impenn lejn l-aħwa, jew lejn esperjenzi suġġettivi li m’għandhomx wiċċ, li jirriduċu ruħhom għal tiftixa ġewwinija li tħares biss fiha nfisha.

91. Sfida importanti hi li nuru li s-soluzzjoni qatt ma nsibuha billi naħarbu minn relazzjoni personali u impenjattiva ma’ Alla, li fl-istess ħin timpenjana mal-oħrajn.  Dan hu li qed jiġri llum meta dawk li jemmnu qed ifittxu li jinħbew minn quddiem l-oħrajn, u meta minn taħt jaħarbu minn post għall-ieħor jew minn ħidma għall-oħra, bla ma joħolqu rabtiet profondi u stabbli: “Imaginatio locorum et mutatio multos fefellit”.[68]  Din hi soluzzjoni falza li tmarrad il-qlub u xi drabi anki l-ġisem.  Hemm bżonn ngħinuhom jagħrfu li t-triq waħdanija hi dik li nitgħallmu niltaqgħu mal-oħrajn bl-atteġġjament it-tajjeb, napprezzawhom u nilqgħuhom bħala sħabna fit-triq, bla ma nqiegħdu ebda reżistenza minn ġewwa.  Aktar minn hekk, hi li nitgħallmu niskopru lil Ġesù fil-wiċċ tal-oħrajn, fil-leħen tagħhom, fil-karbiet tagħhom.  U nitgħallmu wkoll inbatu f’tgħanniqa ma’ Ġesù mislub meta nġarrbu attakki jew ingratitudni inġusta, bla ma negħjew qatt nagħmlu l-għażla tal-fraternità.[69]

92. Hawn qiegħed il-fejqan veru, meta r-relazzjoni tagħna ma’ xulxin li verament isseddaqna flok tmarradna tkun fraternità mistika, kontemplattiva, li taf tħares lejn il-kobor qaddis tal-proxxmu, li taf tiskopri lil Alla f’kull bniedem, li taf tissaporti t-tiġrib tal-ħajja komuni billi tintrabat mal-imħabba ta’ Alla, li taf tiftaħ qalbha għall-imħabba divina biex tfittex l-hena tal-oħrajn kif ifittixha l-Missier twajjeb tagħhom.  Propju f’din l-epoka tagħna, u anki hemm fejn tinsab “merħla ċkejkna” (Lq 12:32), id-dixxipli tal-Mulej huma msejħa jgħixu bħala komunità li tkun melħ tal-art u dawl tad-dinja (ara Mt 5:13-16).  Huma msejħa jagħtu xhieda ta’ evanġelizzazzjoni b’mod dejjem ġdid.[70]  Ma nħallux lil min jisirqilna l-komunità!

Le għall-mondanità spiritwali

93. Il-mondanità spiritwali, li tinħeba wara apparenzi ta’ reliġjożità u saħansitra ta’ mħabba lejn il-Knisja, tikkonsisti f’li wieħed, minflok il-glorja tal-Mulej, ifittex il-glorja umana u l-ġid tiegħu nnifsu.  Hu dak li dwaru l-Mulej iċanfar lill-Fariżej: “Imma kif jista’ jkun li temmnu, intom li tieħdu l-glorja mingħand xulxin, waqt li xejn ma tfittxu l-glorja li tiġi mingħand Alla waħdu?” (Ġw 5:44).  Hu mod sottili ta’ kif wieħed “ifittex li jaqbel lilu u mhux dak li hu ta’ Ġesù Kristu” (Fil 2:21).  Tidher taħt bosta għamliet, skont it-tip ta’ persuna u l-kundizzjonijiet li fihom tgħarrex.  Billi hi marbuta mal-mod ta’ kif wieħed jidher, mhux dejjem hi msieħba minn dnubiet pubbliċi, u minn barra kollox jidher korrett.  Imma jekk din tinfiltra fil-Knisja, “tħalli diżastru wisq akbar minn kull mondanità oħra li hi sempliċement morali”.[71]

94. Din il-mondanità tikber b’mod speċjali b’żewġ modi li huma marbuta sew ma’ xulxin.  Wieħed hu s-seħer tan-Njostiċiżmu, fidi magħluqa fis-suġġettiviżmu, fejn wieħed jinteressa ruħu biss minn esperjenza speċifika jew serje ta’ raġunamenti u għarfien li jaħseb li jistgħu jfarrġuh jew idawluh, imma fejn is-suġġett jibqa’ magħluq fl-immanenza tar-raġuni u s-sentimenti tiegħu stess.  L-ieħor hu n-Neopelaġjaniżmu awtoreferenzjali u prometeiku ta’ dawk li jafdaw biss fis-saħħa tagħhom infushom u jħossuhom fuq l-oħrajn għax josservaw ċerti normi preċiżi jew għax huma fidili b’mod sħiħ lejn ċertu stil Kattoliku li hu ħaġa tal-imgħoddi.  Din hi pretensjoni ta’ ċertezza duttrinali jew dixxiplinari li tagħti wisa’ lil elitarjaniżmu narċisista u awtoritarju, fejn flok nevanġelizzaw, noqogħdu nanalizzaw u nikklassifikaw lill-oħrajn, u flok nagħmlu l-grazzja iktar milħuqa, naħlu saħħitna nikkontrollaw.  Fiż-żewġ każi, la Ġesù Kristu u lanqas l-oħrajn ma jinteressawna tassew.  Huma wirjiet ta’ immanentiżmu antropoċentriku.  Ma nistgħux nimmaġinaw li minn dawn l-għamliet imfaqqra ta’ Kristjaneżmu jista’ joħroġ dinamiżmu awtentiku ta’ evanġelizzazzjoni.

95. Din il-mondanità mudlama tidher f’bosta mġibiet li minn barra jidhru kontra xulxin imma kollha jippretendu li jistgħu “jiddominaw l-ispazju tal-Knisja”.  F’xi wħud ninnotaw għożża fiergħa għal-liturġija, għad-duttrina u għall-ġieħ tal-Knisja, imma mingħajr ma jinteressahom li l-Vanġelu jidħol tabilħaqq fil-ħajja tal-Poplu ta’ Alla u fil-ħtiġijiet konkreti tal-istorja.  B’dan il-mod il-ħajja tal-Knisja tinbidel f’biċċa opra ta’ mużew jew f’oġġett li jinsab f’idejn il-ftit.  F’oħrajn, l-istess mondanità spiritwali tinħeba wara s-seħer ta’ kisbiet soċjali u politiċi, jew f’vanaglorja marbuta mal-mod kif kapaċi jmexxu ħwejjeġ prattiċi, jew f’ġibda lejn id-dinamika tal-istima tagħhom infushom u tar-realizzazzjoni awtoreferenzjali.  Tista’ tidher ukoll f’bosta modi ta’ kif jippruvaw jidhru, involuti f’ħajja soċjali mimlija vjaġġi, laqgħat, ikliet, riċivimenti.  Jew inkella twassal għal funzjonaliżmu maniġerjali, mimli statistiċi, pjanijiet u evalwazzjonijiet, fejn dak li jgawdi l-iżjed mhux il-Poplu ta’ Alla imma pjuttost il-Knisja bħala organizzazzjoni.  F’dawn il-każi kollha, hi nieqsa mis-siġill ta’ Kristu inkarnat, mislub u rxoxt, tingħalaq fi gruppi ta’ élite, mhix tfittex tassew lil min hu mbiegħed u lanqas lill-ġmiegħi kbar għatxana għal Kristu.  M’hemmx iktar żelu evanġeliku, imma l-pjaċir vojt tas-sodisfazzjon personali u egoċentriku.

96. F’dan il-kuntest, issib art fejn tinbet il-vanaglorja ta’ dawk li jikkuntentaw ruħhom li jkollhom xi poter u jippreferu jkunu ġenerali ta’ armati mirbuħa milli sempliċi suldati ta’ grupp żgħir li jkompli jiġġieled.  Kemm drabi noħolmu bi pjanijiet appostoliċi ta’ espansjoni, metikolużi u mirquma tajjeb, tipiċi ta’ ġenerali mirbuħa!  Hekk inkunu niċħdu l-istorja tagħna ta’ Knisja, li hi glorjuża daqskemm hi storja ta’ sagrifiċċji, ta’ tama, ta’ ġlieda ta’ kuljum, ta’ ħajja kkunsmata fis-servizz, ta’ perseveranza fil-ħidma iebsa, għax kull ħidma hi “għaraq ta’ ġbinna”.  Minflok, kollna vanitużi nintilfu nparlaw fuq “dak li għandu jsir” – id-dnub ta’ “dak li messu jsir” – qisna għalliema spiritwali u esperti tal-pastorali li jagħtu l-istruzzjonijiet imma jibqgħu barra.  Nintilfu f’immaġinazzjoni bla ebda limiti u nitilfu l-kuntatt mar-realtà ta’ tbatija li qed jgħix il-poplu fidil.

97. Min waqa’ f’din il-mondanità, iħares mill-għoli u mill-bogħod, jirrifjuta l-profezija tal-aħwa, jieħu biċ-ċajt lil min jistaqsi, iperreċ il-ħin kollu l-iżbalji tal-oħrajn u hu ossessjonat b’dak li jidher minn barra.  Qalbu għalaqha għax-xefaq magħluq tal-immanenza u l-interessi tiegħu u, minħabb f’dan, ma jitgħallimx mid-dnubiet tiegħu stess u lanqas hu awtentikament miftuħ għall-maħfra.  Hi korruzzjoni tremenda li minn barra tidher xi ħaġa tajba.  Din jeħtieġ nevitawha, u nqiegħdu lill-Knisja f’moviment ta’ ħruġ minnha nfisha, ta’ missjoni li ċ-ċentru tagħha hu Ġesù Kristu, ta’ impenn lejn il-foqra.  Alla jeħlisna minn Knisja tad-dinja li tinħeba taħt qoxra spiritwali jew pastorali!  Din il-mondanità li kapaċi tifgana nistgħu nfejquha jekk nieħdu n-nifs safi tal-Ispirtu s-Santu, li jeħlisna milli nibqgħu mwaħħlin fina nfusna, moħbija taħt dehra reliġjuża battala minn Alla.  Ma nħallux lil min jisirqilna l-Vanġelu!

Le għall-gwerer ta’ bejnietna

98. Kemm gwerer fl-istess Poplu ta’ Alla u fl-għadd ta’ komunitajiet!  Fl-inħawi fejn noqogħdu, fuq il-lant tax-xogħol, kemm gwerer minħabba fil-mibegħda u l-għira, anki bejn l-Insara stess!  Il-mondanità spiritwali twassal lil xi Nsara biex jidħlu fi gwerra ma’ Nsara oħra li qed ixekkluhom fil-ġirja tagħhom għall-poter, għall-prestiġju, għall-pjaċir jew għas-sigurtà ekonomika.  Barra dan, xi wħud ma jibqgħux fil-Knisja biex imbagħad joqogħdu jxewxu spirtu ta’ kontroversja.  Flok iħossuhom parti mill-Knisja sħiħa, bil-varjetà għanja li għandha fi ħdanha, iħossuhom ta’ dan il-grupp jew tal-ieħor li jħossu differenti u speċjali.

99. Id-dinja hi mifnija mill-gwerer u l-vjolenza, jew miġruħa minn individwaliżmu li xtered u qed jifred lill-bnedmin u jqegħidhom wieħed kontra l-ieħor biex ifittxu l-ġid tagħhom infushom.  F’għadd ta’ pajjiżi qed jerġgħu jgħollu rashom kunflitti u firdiet qodma li konna ħsibna li ntrebħu darba għal dejjem.  Lill-Insara tal-komunitajiet kollha tad-dinja nixtieq nitlobhom b’mod speċjali xhieda ta’ komunjoni fraterna li ssir dawl li jiġbed lejh.  Hekk kulħadd ikun jista’ jammira l-mod kif tieħdu ħsieb ta’ xulxin, kif tqawwu qalb xulxin u kif issieħbu lil xulxin: “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom” (Ġw 13:35).  Dan hu li talab bil-ħrara Ġesù lill-Missier: “Ħa jkunu lkoll ħaġa waħda… fina… biex hekk id-dinja temmen” (Ġw 17:21).  Noqogħdu attenti mit-tentazzjoni tal-għira!  Qegħdin kollha fuq l-istess dgħajsa u mexjin lejn l-istess port!  Nitolbu l-grazzja li nifirħu bil-frott ta’ xulxin, li hu l-frott ta’ kulħadd.

100. Għal dawk li jħossuhom miġruħa minn firdiet antiki jidher diffiċli jaċċettaw li aħna qed nitolbuhom ifittxu l-maħfra u r-rikonċiljazzjoni, għax jaħsbu li qed nagħlqu għajnejna għall-uġigħ tagħhom jew nippretendu li nnessuhom il-memorja jew l-ideali tagħhom.  Imma jekk huma jaraw ix-xhieda ta’ komunitajiet awtentikament fraterni u rikonċiljati, din dejjem hi dawl li jiġbed lejh.  Għalhekk inweġġa’ ħafna meta nara kif f’xi komunitajiet Insara, u saħansitra bejn persuni kkonsagrati, jitħalla wisa’ għal bosta xejriet ta’ mibegħda, firda, kalunja, malafama, vendetta, għira, xewqa li nimponu l-idea tagħna, hu x’inhu l-prezz, u sa persekuzzjonijiet li qishom ġuri bla ħniena.  Lil min irridu nevanġelizzaw b’din l-imġiba?

101. Nitolbu lill-Mulej ifehimna l-liġi tal-imħabba.  Kemm hi ħaġa tajba jkollna din il-liġi!  Kemm hu ta’ ġid għalina li nħobbu lil xulxin, minkejja kollox!  Iva, minkejja kollox!  It-twissija ta’ Pawlu tgħodd għal kull wieħed u waħda minna: “Tħallix il-ħażen jirbħek, iżda irbaħ il-ħażen bit-tajjeb” (Rum 12:21).  U mill-ġdid: “Ma negħjew qatt nagħmlu l-ġid” (Gal 6:9).  Kollha għandna s-simpatiji u l-antipatiji tagħna, u forsi propju bħalissa aħna rrabjati għal xi ħadd.  Tal-inqas ngħidu lill-Mulej: “Mulej, jien irrabjat għal dan, għal din.  Nitolbok għalih u għaliha”.  Li nitolbu għall-persuna li magħha kellna xi ngħidu hu pass sabiħ lejn l-imħabba, u hu att ta’ evanġelizzazzjoni.  Nagħmluh illum!  Ma nħallux lil min jisirqilna l-ideal tal-imħabba fraterna!

Sfidi ekkleżjali oħra

102. Il-lajċi huma l-maġġoranza kbira tal-poplu ta’ Alla.  Għandhom għas-servizz tagħhom minoranza ċkejkna: il-ministri ordnati.  Illum kiber l-għarfien dwar l-identità u l-missjoni tal-lajċi fil-Knisja.  Għandna ħafna lajċi, anki jekk mhux biżżejjed, b’sens komunitarju b’saħħtu u fedeltà kbira lejn l-impenn fil-karità, fil-katekeżi, fiċ-ċelebrazzjoni tal-fidi.  Imma l-kuxjenza ta’ din ir-responsabbiltà lajkali li tiġi mill-Magħmudija u mill-Konfirmazzjoni ma tidhirx bl-istess mod fil-postijiet kollha.  F’xi każi għax ma ġewx iffurmati biex jerfgħu responsabbiltajiet importanti, f’oħrajn għax fil-Knejjes partikulari tagħhom ma sabux l-ispazju li fih setgħu jesprimu ruħhom u jaħdmu, minħabba klerikaliżmu żejjed li jżommhom fil-ġenb tad-deċiżjonijiet importanti.  Anki jekk qed ninnutaw sehem akbar ta’ ħafna nies fil-ministeri lajkali, dan l-impenn mhux jirrifletti ruħu fit-tixrid tal-valuri Nsara fid-dinja soċjali, politika u ekonomika.  Spiss jillimita ruħu għall-ħidmiet ta’ ġol-Knisja nfisha, mingħajr impenn reali għall-applikazzjoni tal-Vanġelu biex is-soċjetà tinbidel.  Il-formazzjoni tal-lajċi u l-evanġelizzazzjoni tal-kategoriji professjonali u intellettwali jirrappreżentaw sfida pastorali importanti.

103. Il-Knisja tagħraf is-sehem indispensabbli tal-mara fis-soċjetà, b’sensibbiltà, intuwizzjoni u ċerta ħila partikulari li s-soltu aktar huma tan-nisa milli tal-irġiel.  Ngħidu aħna, l-attenzjoni speċjali li l-mara turi lejn ta’ madwarha, li tesprimi ruħha b’mod partikulari, anki jekk mhux esklussiv, fil-maternità.  Bi pjaċir nara kif ħafna nisa qed jaqsmu responsabbiltajiet pastorali mas-saċerdoti, u jagħtu l-kontribut tagħhom fl-għajnuna lil persuni, familji jew gruppi, u joffru kontribut ġdid lir-riflessjoni teoloġika.  Imma għad għandna bżonn inwessgħu iżjed l-ispazji għal preżenza femminli iktar inċiżiva fil-Knisja.  Għax “il-ġenju femminili hu meħtieġ fl-espressjonijiet kollha tal-ħajja soċjali; għalhekk irridu niggarantixxu l-preżenza tan-nisa anki fil-qasam tax-xogħol”[72] u fl-għadd ta’ postijiet fejn jittieħdu deċiżjonijiet importanti, kemm fil-Knisja u kemm fl-istrutturi soċjali.

104. Is-sejħat għall-għarfien tad-drittijiet leġittimi tan-nisa, ibda mill-konvinzjoni li rġiel u nisa għandhom l-istess dinjità, iqiegħdu quddiem il-Knisja mistoqsijiet profondi li jisfidawha u li ma nistgħux sempliċement nagħlqu għajnejna għalihom.  Is-saċerdozju riservat għall-irġiel, bħala sinjal ta’ Kristu Għarus li jingħata fl-Ewkaristija, hu kwistjoni li mhix diskutibbli, imma tista’ ssir motiv ta’ kunflitt partikulari jekk nidentifikaw iżżejjed is-setgħa sagramentali mal-poter.  Ma rridux ninsew li meta nitkellmu dwar is-setgħa saċerdotali, “din hi kwistjoni ta’ uffiċċju, u mhux ta’ dinjità jew ta’ qdusija”.[73]  Is-saċerdozju ministerjali hu wieħed mill-mezzi li juża Ġesù għas-servizz tal-poplu tiegħu, imma d-dinjità għolja tiġi mill-Magħmudija, li hi miftuħa għal kulħadd.  It-twaħħid tas-saċerdot ma’ Kristu r-Ras – li hu l-għajn prinċipali tal-grazzja – ma jġibx miegħu xi eżaltazzjoni li tqiegħdu ’l fuq mill-oħrajn kollha.  Fil-Knisja l-uffiċċji “ma jħallux wisa’ għal xi superjorità ta’ wieħed fuq l-ieħor”.[74]  Tabilħaqq, hemm mara, Marija, li hi iktar importanti mill-isqfijiet.  Anki meta l-uffiċċju tas-saċerdozju ministerjali jitqies “ġerarkiku”, irridu nżommu sew quddiem għajnejna li hu “ordnat totalment lejn il-qdusija tal-membri ta’ Kristu”.[75]  Il-muftieħ u l-fus tiegħu mhux il-poter mifhum bħala dominju, imma s-setgħa li jamministra s-sagrament tal-Ewkaristija; minn hawn toħroġ l-awtorità tiegħu, li hi dejjem f’servizz lejn il-poplu.  Hawn għandna sfida kbira għar-rgħajja u għat-teologi, li jistgħu jgħinuna iżjed nifhmu dak li dan jimplika għar-rwol li l-mara jista’ jkollha hemm fejn jittieħdu deċiżjonijiet importanti, fid-diversi oqsma tal-Knisja.

105. Il-pastorali maż-żgħażagħ, kif konna mdorrijin niżviluppawha, batiet ħafna minħabba l-impatt tal-bidliet soċjali.  Fl-istrutturi eżistenti ż-żgħażagħ spiss mhumiex isibu tweġibiet għad-diffikultajiet, il-ħtiġijiet, il-problematiċi u l-ġrieħi tagħhom.  Aħna l-adulti nħossuha iebsa nisimgħuhom bis-sabar, nifhmu x’inhu jħassibhom u x’inhuma jitolbu, u nitgħallmu niddjalogaw magħhom fil-lingwaġġ li huma jifhmu.  Għal din l-istess raġuni, il-proposti edukattivi mhumiex jipproduċu l-frott mixtieq.  It-tixrid u l-għadd jikber ta’ għaqdiet u movimenti magħmula l-aktar miż-żgħażagħ għandna nħarsu lejhom bħala ħidma tal-Ispirtu li qed jiftaħ toroq ġodda f’sintonija ma’ dak li huma jistennew u mat-tiftix tagħhom għal spiritwalità profonda u għal sens ta’ appartenenza iktar konkret.  Imma xorta waħda hemm bżonn li s-sehem ta’ dawn il-gruppi fil-ħidma pastorali sħiħa tal-Knisja jkun iżjed sħiħ.[76]

106. Anki jekk mhux dejjem faċli nersqu qrib iż-żgħażagħ, sar progress f’żewġ oqsma: għarafna li l-komunità kollha hi msejħa tevanġelizzahom u tedukahom, u ntbaħna kemm hu urġenti li huma jkunu iżjed protagonisti.  Irridu nagħrfu li, fil-kuntest li għandna llum ta’ kriżi fl-impenn u fir-rabtiet mal-komunità, bosta huma ż-żgħażagħ li qed joffru l-għajnuna solidali tagħhom quddiem il-ħażen tad-dinja u qed jieħdu sehem f’diversi xejriet ta’ ħidma u volontarjat.  Xi wħud minnhom jieħdu sehem fil-ħajja tal-Knisja, jagħtu ħajja lill-gruppi ta’ servizz u lil diversi inizjattivi missjunarji fid-djoċesijiet tagħhom jew fi mkejjen oħra.  Kemm hi ħaġa sabiħa li ż-żgħażagħ ikunu “vjaġġaturi tal-fidi”, ferħana li qed iwasslu lil Ġesù f’kull triq, f’kull pjazza, f’kull rokna tad-dinja!

107. F’bosta postijiet insibu nuqqas ta’ vokazzjonijiet għas-saċerdozju u għall-ħajja kkonsagrata.  Spiss dan nafuh lil nuqqas ta’ żelu appostoliku li l-komunitajiet jittieħdu minnu, fejn għalhekk ma jinħolqux la entużjażmu u anqas attrazzjoni.  Fejn hemm il-ħajja, il-ħeġġa, ir-rieda li Kristu jasal għand l-oħrajn, jitqanqlu vokazzonijiet ġenwini.  Sa anki f’dawk il-parroċċi fejn is-saċerdoti ma tantx huma impenjati u ferħana, hi l-ħajja fraterna u kollha ħeġġa tal-komunità li tqanqal ix-xewqa għall-konsagrazzjoni sħiħa lil Alla u għall-evanġelizzazzjoni, fuq kollox jekk komunità ħajja bħal din titlob b’intensità għall-vokazzjonijiet u jkollha l-kuraġġ li tipproponi liż-żgħażagħ tagħha mixja ta’ konsagrazzjoni speċjali.  Min-naħa l-oħra, minkejja n-nuqqas ta’ vokazzjonijiet, illum għandna għarfien iżjed ċar tal-ħtieġa ta’ għażla aħjar tal-kandidati għas-saċerdozju.  Mhux kull motivazzjoni hi tajba biex biha nimlew is-seminarji, wisq u wisq inqas jekk dawn il-motivazzjonijiet huma marbuta ma’ nuqqas ta’ sigurtà affettiva, jew mat-tiftix ta’ għamliet differenti ta’ poter, glorja umana jew ġid ekonomiku.

108. Kif sħaqt diġà, hawn ma ridtx noffri xi analiżi sħiħa, imma nistieden lill-komunitajiet biex jissoktaw jibnu fuq dawn il-ħsibijiet tiegħi u jagħnuhom, ibda mill-għarfien tal-isfidi li jolqtuhom direttament jew mill-qrib.  Nittama li meta jagħmlu hekk, iżommu f’moħħhom li, kull darba li fir-realtajiet ta’ żmienna nfittxu li naqraw is-sinjali taż-żminijiet, jixraq li nisimgħu liż-żgħażagħ u lill-anzjani.  It-tnejn huma t-tama tal-ġnus.  L-anzjani jagħtuna l-memorja u l-għerf tal-esperjenza, li jistednuna biex ma nkunux boloh u nirrepetu l-istess żbalji tal-imgħoddi.  Iż-żgħażagħ isejħulna biex inkebbsu mill-ġdid u nkabbru fina t-tama, għax huma stess iġorru fihom it-tendenzi ġodda tal-umanità u jiftħuna għall-futur, biex ma nibqgħux imwaħħla man-nostalġija ta’ strutturi u drawwiet li m’għadhomx jagħtu ħajja fid-dinja tal-lum.

109. L-isfidi qegħdin hemm biex jingħelbu.  Inkunu realisti, imma mingħajr ma nitilfu l-ferħ, il-kuraġġ u l-impenn sħiħ mimli tama!  Ma nħallux lil min jisirqilna l-qawwa missjunarja!
 

IT-TIELET KAPITLU

IT-TĦABBIR TAL-VANĠELU

110. Wara li ħarisna lejn xi sfidi tar-realtà tal-lum, nixtieq issa nfakkar liema hu d-dmir li jagħfas fuqna f’kull żmien u post, għax “ma jistax ikun hemm evanġelizzazzjoni vera mingħajr it-tħabbira espliċita li Ġesù hu l-Mulej”, u mingħajr ma jkun hemm il-“primat tax-xandir ta’ Ġesù Kristu f’kull ħidma ta’ evanġelizzazzjoni”.[77]  Ġwanni Pawlu II ġabar it-tħassib tal-Isqfijiet Asjatiċi fl-istqarrija li l-Knisja “għandha twettaq id-destin providenzjali tagħha, l-evanġelizzazzjoni, li bħala predikazzjoni hienja, paċenzjuża u progressiva tal-mewt feddejja u tal-Qawmien ta’ Ġesù Kristu, għandha tkun il-prijorità assoluta tagħkom”.[78]  Dan jgħodd għal kulħadd.

I. Il-Poplu kollu ta’ Alla jxandar il-Vanġelu

111. L-evanġelizzazzjoni hi d-dmir tal-Knisja.  Imma dan is-suġġett tal-evanġelizzazzjoni hu wisq aktar minn istituzzjoni organika u ġerarkika, billi qabelxejn hu poplu miexi lejn Alla.  Bla dubju hu misteru li jsib għeruqu fit-Trinità, imma li jilbes il-konkretezza storika tiegħu f’poplu pellegrin u evanġelizzatur, li dejjem imur lil hemm mill-espressjoni istituzzjonali li fl-aħħar mill-aħħar ukoll hi meħtieġa.  Nipproponi li nieqfu ftit fuq dan il-mod ta’ kif nifhmu l-Knisja, li għandu l-bażi tiegħu fl-inizjattiva ħielsa u b’xejn ta’ Alla.

Poplu għal kulħadd

112. Il-fidwa li joffrilna Alla hi frott tal-ħniena tiegħu.  M’hemmx azzjoni li nistgħu nagħmlu bħala bnedmin, tajba kemm hi tajba, li tista’ taqlgħalna don hekk għoli.  Alla, bi grazzja tiegħu biss, jiġbidna lejh biex jorbotna miegħU.[79]  Hu jibgħat l-Ispirtu tiegħu fi qlubna biex jagħmilna wliedu, biex jibdilna u jagħtina l-ħila nwieġbu għal imħabbtu bl-istess ħajja tagħna.  Il-Knisja hi mibgħuta minn Ġesù Kristu bħala sagrament ta’ salvazzjoni li joffrilna Alla.[80]  Permezz tal-ħidma tagħha ta’ evanġelizzazzjoni, hi tikkollabora bħala għodda ta’ grazzja divina li tħabrek bla heda, lil hemm minn kull superviżjoni.  Dan qalu tajjeb Benedittu XVI fil-ftuħ tar-riflessjonijiet tas-Sinodu: “Hu dejjem importanti li niftakru li l-ewwel kelma, l-inizjattiva vera, il-ħidma vera tiġi minn Alla, u huwa biss jekk nidħlu f’din l-inizjattiva divina, jekk induru bit-talb tagħna lejn din l-inizjattiva divina, li nistgħu aħna wkoll – miegħU u fiH – insiru evanġelizzaturi”.[81]  Il-prinċipju tal-primat tal-grazzja għandu jkun fanal li jdawwal il-ħin kollu r-riflessjonijiet tagħna fuq l-evanġelizzazzjoni.

113. Din il-fidwa, li Alla jwettaq u li l-Knisja xxandar bil-ferħ, hi għal kulħadd,[82] u Alla fetaħ triq biex fiha jintrabat ma’ kull wieħed u waħda mill-bnedmin ta’ kull żmien.  Għażel li jsejħilhom bħala poplu u mhux bħala individwi bla ebda rabta ma’ xulxin.[83]  Ħadd ma jsalva waħdu, jiġifieri la bħala individwu iżolat u lanqas bis-saħħa tiegħu stess.  Alla jiġbidna lejh huwa u jżomm f’moħħu n-nisġa mirquma ta’ relazzjonijiet interpersonali li ġġib magħha l-ħajja f’komunità ta’ bnedmin.  Dan il-poplu li Alla għażel u sejjaħ għalih hu l-Knisja.  Ġesù lill-Appostli ma jgħidilhomx biex jiffurmaw grupp esklussiv, grupp ta’ élite.  Ġesù jgħid: “Morru agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha” (Mt 28:19).  San Pawl jisħaq li fil-poplu ta’ Alla, fil-Knisja, “ma hemmx iżjed Lhudi u anqas Grieg… għax intom ilkoll ħaġa waħda fi Kristu Ġesù” (Gal 3:28).  Lil dawk li jħossuhom imbegħdin minn Alla u mill-Knisja, lil dawk li huma mbeżżgħin u qalbhom bierda, nixtieq ngħidilhom: il-Mulej qed isejjaħ lilek ukoll biex tagħmel sehem mill-poplu tiegħu u dan jagħmlu b’rispett u mħabba kbira!

114. Li nkunu Knisja jfisser inkunu Poplu ta’ Alla, fid-dawl tal-pjan kbir ta’ mħabba li għandu l-Missier.  Dan jimplika li nkunu l-ħmira ta’ Alla qalb il-bnedmin.  Ifisser inħabbru u nwasslu s-salvazzjoni ta’ Alla f’din id-dinja tagħna, li spiss hi mitlufa, li għandha bżonn tweġibiet li jagħmlulha l-qalb, li jimlewha bit-tama, li jagħtuha ħeġġa ġdida fil-mixja tagħha.  Il-Knisja trid tkun il-post tal-ħniena mogħtija b’xejn, fejn kulħadd jista’ jħossu milqugħ, maħbub, maħfur u mħeġġeġ jgħix skont il-ħajja tajba tal-Vanġelu.

Poplu b’ħafna wċuħ

115. Dan il-Poplu ta’ Alla jitlaħħam fil-popli ta’ din l-art, kull wieħed bil-kultura tiegħu.  Il-kunċett ta’ kultura hu għodda prezzjuża biex nistgħu nifhmu l-għadd ta’ espressjonijiet differenti tal-ħajja Nisranija preżenti fil-Poplu ta’ Alla.  Hawn għandna l-istil ta’ ħajja ta’ soċjetà partikulari, il-mod speċifiku li bih il-membri tagħha jirrelataw bejniethom, mal-ħlejjaq l-oħra u ma’ Alla.  Jekk nifhmuha b’dan il-mod, il-kultura tiġbor fiha l-ħajja kollha kemm hi ta’ poplu.[84]  Kull poplu, mal-medda storika ta’ ħajtu, jiżviluppa l-kultura tiegħu b’awtonomija leġittima.[85]  Dan nafuh lill-fatt li l-persuna umana, “minnha nfisha, teħtieġ għalkollox il-ħajja soċjali”[86] u dejjem teżisti f’rabta mas-soċjetà, fejn b’mod konkret hi tgħix ir-relazzjoni tagħha mar-realtà ta’ madwarha.  Il-bniedem dejjem insibuh f’qafas ta’ kultura: “In-natura u l-kultura huma dejjem magħqudin sfiq”.[87]  Il-grazzja tissupponi l-kultura, u d-don ta’ Alla jitlaħħam fil-kultura ta’ min jirċevih.

116. F’dawn iż-żewġ millennji ta’ Kristjaneżmu, ħafna kienu l-popli li rċivew il-grazzja tal-fidi, xettluha fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum u għaddewha skont ix-xejriet kulturali tagħhom.  Meta komunità tilqa’ t-tħabbira tal-fidwa, l-Ispirtu s-Santu jagħni l-kultura tagħha bil-qawwa tal-Vanġelu li kapaċi ġġib bidla.  B’dan il-mod, kif nistgħu naraw fl-istorja tal-Knisja, il-Kristjaneżmu m’għandux ġo fih mudell wieħed kulturali, imma, “filwaqt li jibqa’ għalkollox fidil għalih innifsu, b’fedeltà soda għax-xandir tal-Vanġelu u t-tradizzjoni tal-Knisja, għandu jirrifletti wkoll l-uċuħ differenti tal-kulturi u ġnus li fihom jiġi milqugħ u jagħmel l-għeruq”.[88]  Fid-diversi popli li jagħmlu esperjenza tad-don ta’ Alla skont il-kultura tagħhom, il-Knisja tesprimi l-kattoliċità vera tagħha u turi “is-sbuħija tal-wiċċ varjat” tagħha.[89]  Fl-espressjonijiet Kristjani ta’ poplu evanġelizzat, l-Ispirtu s-Santu jagħni lill-Knisja, juriha aspetti ġodda tar-Rivelazzjoni u jlibbisha wiċċ ġdid.  Fl-inkulturazzjoni, il-Knisja “iddaħħal fil-komunità tagħha l-ġnus bil-kulturi propji tagħhom”,[90] biex “il-valuri u l-forom pożittivi” li kull kultura għandha x’toffri “jagħnu l-mod li bih il-Vanġelu hu mħabbar, mifhum u megħjux”.[91]  Hekk “il-Knisja, hija u tagħmel tagħha l-valuri tad-diversi kulturi, issir sponsa ornata monilibus suis’, ‘għarusa tlellex bil-ġawhar tagħha’ (Is 61:10)”.[92]

117. Jekk nifhmuha sewwa, id-diversità kulturali mhix theddida għall-għaqda tal-Knisja.  Hu l-Ispirtu s-Santu, mibgħut mill-Missier u mill-Iben, li jibdel il-qlub tagħna u jagħtina l-ħila nidħlu fix-xirka perfetta mat-Trinità Qaddisa, fejn kull ħaġa ssib l-għaqda tagħha.  Hu li jibni l-komunjoni u l-armonija tal-Poplu ta’ Alla.  L-istess Spirtu s-Santu hu armonija, l-istess kif hu r-rabta ta’ mħabba bejn il-Missier u l-Iben.[93]  Hu dak li jwassal għal għana kbir u ta’ kull xorta ta’ doni u fl-istess ħin jibni l-għaqda li qatt mhi uniformità imma armonija ta’ ħafna forom li tiġbed lejha.  L-evanġelizzazzjoni tagħraf bil-ferħ dan l-għana ta’ kull xorta li l-Ispirtu joħloq fil-Knisja.  Ma nkunux qed nagħmlu ġustizzja mal-loġika tal-inkarnazzjoni jekk naħsbu li l-Kristjaneżmu hu xi ħaġa monokulturali u uniformi.  Anki jekk hu minnu li xi kulturi kienu strettament marbuta max-xandir tal-Vanġelu u mal-iżvilupp tal-ħsieb Nisrani, il-messaġġ rivelat ma jidentifika qatt ruħu ma’ xi waħda minnhom għax għandu fih kontenut transkulturali.  Għalhekk, fl-evanġelizzazzjoni ta’ kulturi ġodda u ta’ kulturi li ma laqgħux il-bxara Nisranija, mhux bilfors li mal-proposta evanġelika għandna nimponu forma kulturali partikulari, hi kemm hi sabiħa u antika.  Il-messaġġ li nxandru dejjem ixidd xi libsa kulturali, imma kultant fil-Knisja naqgħu fis-sagralizzazzjoni vanituża tal-kultura tagħna, u b’hekk inkunu nuru iżjed fanatiżmu milli ħeġġa ġenwina għall-evanġelizzazzjoni.

118. L-Isqfijiet tal-Oċeanja talbu li hemmhekk il-Knisja “trawwam fi ħdanha għarfien u preżentazzjoni tal-verità ta’ Kristu billi titlaq mit-tradizzjonijiet u l-kulturi tar-reġjun”, u ħeġġu lill-“missjunarji kollha biex jaħdmu f’armonija mal-Insara indiġeni ħalli jiżguraw li l-fidi u l-ħajja tal-Knisja jiġu espressi f’forom leġittimi li huma propji ta’ kull waħda minn dawk il-kulturi”.[94]  Ma nistgħux nippretendu li l-popli kollha tal-kontinenti kollha, huma u jesprimu l-fidi Nisranija, jimitaw il-modi li addottaw il-popli Ewropej f’xi żmien determinat tal-istorja, għax il-fidi ma tistax tagħlaqha fil-konfini tal-għarfien u tal-espressjoni ta’ kultura partikulari.[95]  M’għandniex xi ngħidu, l-ebda kultura ma teżawrixxi waħidha l-misteru tal-fidwa ta’ Kristu.

Ilkoll aħna dixxipli missjunarji

119. Fl-imgħammdin kollha, mill-ewwel sal-aħħar wieħed, hemm taħdem il-qawwa tal-Ispirtu li tqaddes u tħeġġeġ lil dak li jkun biex jevanġelizza.  Il-Poplu ta’ Alla hu qaddis minħabba f’din id-dilka li tagħmlu infallibbli “in credendo”.  Dan ifisser li meta jemmen hu ma jiżbaljax, anki jekk ma jsibx il-kliem biex jesprimi l-fidi tiegħu.  L-Ispirtu jmexxih lejn il-verità u jwasslu għas-salvazzjoni.[96]  Bħala parti mill-misteru ta’ mħabbtu lejn il-bnedmin, Alla jagħti lill-fidili kollha flimkien dak l-istint tal-fidi – is-sensus fidei – li jgħinu jiddixxerni dak li tabilħaqq ġej minn Alla.  Il-preżenza tal-Ispirtu tagħti lill-Insara ċerta konnaturalità mar-realtajiet divini u għerf li bih jistgħu jintuwixxu dawn ir-realtajiet, anki jekk ma għandhomx f’idejhom l-għodda t-tajba biex jesprimuhom bi preċiżjoni.

120. Grazzi għall-Magħmudija li rċieva, kull membru tal-Poplu ta’ Alla sar dixxiplu missjunarju (ara Mt 28:19).  Kull mgħammed, hi x’inhi l-funzjoni tiegħu fil-Knisja u l-grad ta’ tagħlim tal-fidi tiegħu, hu suġġett attiv ta’ evanġelizzazzjoni, u ma jkunx f’loku naħsbu fi skema ta’ evanġelizzazzjoni mwettqa minn atturi kwalifikati fejn il-bqija tal-poplu tal-fidili jkun biss qed jirċievi l-azzjoni tagħhom.  L-evanġelizzazzjoni ġdida timplika protagoniżmu ġdid ta’ kull wieħed u waħda mill-imgħammdin.  Din il-konvinzjoni tinbidel f’appell dirett lil kull Nisrani, biex ħadd ma jibqa’ lura mill-impenn tiegħu ta’ evanġelizzazzjoni, hekk li, jekk wieħed tabilħaqq għamel esperjenza tal-imħabba ta’ Alla li jsalvah, m’għandux bżonn ta’ wisq żmien biex joqgħod iħejji ruħu ħalli jmur iħabbarha, ma jistax jistenna li jingħata ħafna lezzjonijiet jew istruzzjonijiet fit-tul.  Kull Nisrani hu missjunarju skont kemm kienet kbira l-laqgħa tiegħu mal-imħabba ta’ Alla fi Kristu Ġesù; ma ngħidux iżjed li aħna “dixxipli” u “missjunarji”, imma li aħna dejjem “dixxipli-missjunarji”.  Jekk m’aħniex konvinti, ejjew inħarsu lejn l-ewwel dixxipli, li dritt wara li għarfu l-ħarsa ta’ Ġesù, marru jxandruh kollhom ferħ: “Sibna l-Messija” (Ġw 1:41).  Il-mara Samaritana bilkemm kienet għadha kemm temmet id-djalogu tagħha ma’ Ġesù li ma saritx missjunarja, u bosta Samaritani emmnu f’Ġesù “fuq ix-xhieda li tathom dik il-mara” (Ġw 4:39).  Anki San Pawl, wara l-laqgħa tiegħu ma’ Ġesù Kristu, “malajr beda jxandar lil Ġesù u jgħid li dan hu l-Iben ta’ Alla” (Atti 9:20).  U aħna x’qed nistennew?

121. Bla dubju ta’ xejn, aħna lkoll imsejħin nikbru bħala evanġelizzaturi.  Fl-istess waqt inħabirku għal formazzjoni aħjar, biex ninżlu iżjed fil-fond ta’ kif inħobbu u nagħtu xhieda  aktar ċara tal-Vanġelu.  F’dan is-sens, ilkoll kemm aħna rridu nħallu lill-oħrajn jevanġelizzawna l-ħin kollu; dan, imma, ma jfissirx li nibqgħu lura mill-missjoni li nevanġelizzaw, imma pjuttost li rridu nsibu mod ta’ komunikazzjoni ma’ Ġesù li jikkorrispondi mal-qagħda li fiha ninsabu.  Hu x’inhu, kollha kemm aħna msejħin biex noffru lill-oħrajn xhieda ċara tal-imħabba feddejja tal-Mulej, li ’l hemm min-nuqqas ta’ perfezzjoni tagħna, toffrilna li hu jkun qrib tagħna, il-Kelma tiegħu, il-qawwa tiegħu, u tagħti sens lil ħajjitna.  F’qalbek taf li l-ħajja mhix l-istess mingħajrU, u għalhekk dak li skoprejt, dak li jgħinek tgħix u li jagħtik tama, dak hu li jeħtieġ tgħaddi lill-oħrajn.  Il-fatt li m’aħniex perfetti m’għandux ikun skuża; għall-kuntrarju, il-missjoni hi tqanqil kostanti biex ma nintelqux fil-medjokrità u biex nissoktaw nikbru.  Ix-xhieda tal-fidi li kull Nisrani hu msejjaħ joffri titlob li bħal San Pawl nistqarru: “M’iniex ngħid li jiena ġa ksibtu, jew li jien ġa perfett.  Imma rross ’il quddiem biex naħtaf dan… jiena nagħmel ħilti kollha biex nilħaq dak li hemm quddiemi” (Fil 3:12-13).

Il-qawwa evanġelizzatriċi tal-pjetà popolari

122. Bl-istess mod, nistgħu inħarsu lejn id-diversi popli li fihom ġie inkulturat il-Vanġelu bħala suġġetti kollettivi attivi, operaturi tal-evanġelizzazzjoni.  Dan hu hekk tabilħaqq għax kull poplu joħloq il-kultura tiegħu u hu l-protagonista tal-istorja tiegħu.  Il-kultura hi ħaġa dinamika, li poplu l-ħin kollu jkompli joħloq mill-ġdid, u kull ġenerazzjoni tgħaddi lil ta’ warajha ġabra ta’ atteġġjamenti marbuta mad-diversi sitwazzjonijiet eżistenzjali, li din tal-aħħar quddiem l-isfidi tagħha jeħtieġ telaborahom mill-ġdid.  Il-bniedem “hu fl-istess waqt iben u missier tal-kultura li fiha jgħix u hu mdaħħal”.[97]  Meta f’xi poplu jkun ġie inkulturat il-Vanġelu, fil-proċess ta’ trasmissjoni kulturali tiegħu dan jgħaddi wkoll il-fidi b’modi dejjem ġodda; minn hawn toħroġ l-importanza tal-evanġelizzazzjoni mifhuma bħala inkulturazzjoni.  Meta kull parti tal-Poplu ta’ Alla tittraduċi fil-ħajja tagħha d-don ta’ Alla skont l-istess ġenju tagħha, tkun qed tagħti xhieda tal-fidi li rċiviet u fl-istess ħin tagħniha b’espressjonijiet ġodda u elokwenti.  Nistgħu ngħidu li “il-poplu jevanġelizza kontinwament lilu nnifsu”.[98]  Hawn tikseb importanza ġdida l-pjetà popolari, li hi espressjoni awtentika tal-azzjoni missjunarja spontanja tal-Poplu ta’ Alla.  Qed nitkellmu dwar realtà li qiegħda dejjem tiżviluppa, fejn l-Ispirtu s-Santu hu l-protagonista.[99]

123. Fil-pjetà popolari nistgħu naraw il-modi kif il-fidi milqugħa tlaħħmet f’kultura partikulari u tkompli tiġi trasmessa.  Kien hemm żmien meta ħarsu lejha b’suspett, imma fl-għexieren ta’ snin ta’ wara l-Konċilju saret oġġett ta’ rivalutazzjoni.  Kien Pawlu VI li fl-Eżortazzjoni appostolika tiegħu Evangelii nuntiandi ta kontribut importanti f’dan is-sens.  Hu jfisser kif il-pjetà popolari “turi għatx ta’ Alla li l-erwieħ sempliċi u fqajrin kapaċi jħossu”[100] u twassal il-poplu “għall-ġenerożità u s-sagrifiċċju, saħansitra għall-eroiżmu, meta tkun kwistjoni li jagħtu xhieda ta’ twemminhom”.[101]  Iktar qrib lejn żmienna, Benedittu XVI, fl-Amerika ta’ Isfel, sejħilha “teżor prezzjuż tal-Knisja Kattolika” li fih “tidher ir-ruħ tal-popli tal-Amerika Latina”.[102]

124. Fid-Dokument ta’ Aparecida insibu tifsira tal-għana li l-Ispirtu s-Santu, b’inizjattiva tiegħu, ixerred permezz tal-pjetà popolari.  F’dak il-kontinent tant maħbub, fejn tant Insara jesprimu l-fidi tagħhom permezz tal-pjetà popolari, l-Isqfijiet isejħulha wkoll “spiritwalità popolari” jew “mistika popolari”.[103]  Għandna hawn “spiritwalità mlaħħma fil-kultura tan-nies sempliċi”.[104]  Mhix vojta mill-kontenut; pjuttost titfa’ fuqu dawl u iktar tesprimih permezz tat-triq simbolika milli bl-użu tar-raġuni strumentali, u fl-att tal-fidi li iktar jagħfas fuq il-credere in Deum milli fuq il-credere Deum.[105]  Hi “mod leġittimu ta’ kif ngħixu l-fidi, mod ta’ kif inħossuna parti mill-Knisja, u ta’ kif inkunu missjunarji”;[106] iġġorr magħha l-grazzja tal-missjonarjetà, tal-ħruġ minna nfusna u tal-mixja tagħna bħala pellegrini: “Meta nimxu flimkien lejn is-santwarji u nieħdu sehem f’manifestazzjonijiet oħra ta’ pjetà popolari, u nieħdu magħna anki l-ulied jew nistiednu nies oħra, dan fih innifsu hu att ta’ evanġelizzazzjoni”.[107]  Ejjew ma nrekknux u lanqas nippretendu li nistgħu nikkontrollaw din il-qawwa missjunarja!

125. Biex nistgħu nifhmu din ir-realtà, għandna bżonn nersqu lejha bil-ħarsa tar-Ragħaj it-Tajjeb, li ma jfittixx li jiġġudika, imma li jħobb.  Huwa biss jekk nitilqu minn din il-konnaturalità affettiva li tagħti l-imħabba li nistgħu napprezzaw il-ħajja teologali preżenti fil-pjetà tal-popli Nsara, speċjalment fil-foqra.  Tiġini f’moħħi l-fidi soda ta’ dawk l-ommijiet biswit is-sodda ta’ binhom marid, b’kuruna tar-rużarju f’idejhom, anki jekk bilkemm jafu sewwa l-artikli tal-Kredu; jew dik it-tama sħiħa li tnemnem f’dik ix-xemgħa mixgħula f’dar fqajra b’talba lil Marija għall-għajnuna tagħha, jew f’dawk il-ħarsiet ta’ mħabba profonda lejn Kristu Kurċifiss.  Min iħobb il-Poplu fidil u qaddis ta’ Alla, ma jistax iħares lejn dawn l-għemejjel biss bħala tiftixa naturali ta’ Alla.  Huma l-manifestazzjonijiet ta’ ħajja teologali mixgħula bl-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu li ssawwab fi qlubna (ara Rum 5:5).

126. Fil-pjetà popolari, li hi frott tal-Vanġelu inkulturat, hemm moħbija qawwa ta’ evanġelizzazzjoni attiva li ma nistgħux ma nagħtux kasha: inkella ma nkunux nagħrfu l-ħidma tal-Ispirtu s-Santu.  Anzi, aħna msejħin ninkuraġġuha u nsaħħuha biex hekk nistgħu ninżlu aktar fil-fond tal-proċess ta’ inkulturazzjoni li hu realtà li ma tintemm qatt.  L-espressjonijiet tal-pjetà popolari għandhom ħafna x’jgħallmuna u, għal min għandu l-ħila jaqrahom, huma mkien teoloġiku li għandna nkunu attenti għalih, speċjalment meta qegħdin naħsbu f’kif nagħmlu evanġelizzazzjoni ġdida.

Minn persuna għall-oħra

127. Issa li l-Knisja tixtieq tgħix tiġdid missjunarju qawwi, hemm għamla ta’ predikazzjoni li tgħodd għalina lkoll bħala impenn ta’ kuljum.  Din hi li nwasslu l-Vanġelu lill-persuni li magħhom ikollna x’naqsmu, kemm dawk l-iżjed qrib tagħna u kemm dawk li ma nafuhomx.  Hi dik il-predikazzjoni informali li tista’ ssir waqt konverżazzjoni u hi anki dik li jwettaq missjunarju meta jżur familja.  Li nkunu dixxipli jfisser li jkollna dispożizzjoni permanenti biex inwasslu l-imħabba ta’ Ġesù lill-oħrajn, u dan iseħħ b’mod spontanju kullimkien, fit-triq, fil-pjazza, fuq ix-xogħol, tul vjaġġ.

128. F’din il-predikazzjoni, dejjem rispettuża u ġentili, l-ewwel mument jikkonsisti fi djalogu personali, li fih il-persuna l-oħra tesprimi ruħha u taqsam il-ferħ tagħha, it-tamiet tagħha, it-tħassib tagħha dwar l-għeżież tagħha u tant ħwejjeġ li bihom mimlija qalbha.  Huwa biss wara konverżazzjoni bħal din li hu possibbli tippreżenta l-Kelma, sew bil-qari ta’ xi silta mill-Iskrittura u sew jekk tirrakkuntaha, imma billi żżomm f’moħħok dejjem it-tħabbira fundamentali: l-imħabba personali ta’ Alla li sar bniedem, ta lilu nnifsu għalina, u, għax hu ħaj, joffrilna s-salvazzjoni u l-ħbiberija tiegħu.  Din it-tħabbira naqsumha mal-oħrajn b’atteġġjament umli u ta’ xhieda li jkollu kull min kapaċi jitgħallem, konxji li l-messaġġ hu hekk għani u profond li hu dejjem ’il fuq minna.  Xi kultant jesprimi ruħu b’mod dirett, drabi oħra permezz ta’ xhieda personali, rakkont, ġest, jew dik il-bixra li l-istess Spirtu s-Santu jqanqal f’ċirkustanza konkreta.  Jekk taħseb li jkun prudenti u hemm il-kundizzjonijiet meħtieġa, tajjeb li din il-laqgħa fraterna u missjunarja tagħlaq b’talba ċkejkna, marbuta mat-tħassib li dik il-persuna wriet li għandha.  Hekk, hi tista’ tħoss b’mod iżjed ċar li ġiet tassew milqugħa u mifhuma, li l-qagħda tagħha ġiet imqiegħda f’idejn Alla, u hekk tagħraf li l-Kelma ta’ Alla tabilħaqq qed tkellem lil ħajjitha.

129. Ma rridux naħsbu li x-xandir tal-Vanġelu għandu jsir dejjem b’formuli determinati stabbiliti minn qabel, jew bi kliem preċiż li jesprimi kontenut li assolutament ma jistax ivarja.  Fil-fatt dan jitħabbar f’għamliet hekk differenti li impossibbli tfissirhom jew tagħti lista tagħhom, u li fihom il-Poplu ta’ Alla, bl-għadd bla tarf ta’ ġesti u sinjali li għandu, hu suġġett kollettiv.  B’konsegwenza ta’ dan, jekk il-Vanġelu hu mlaħħam f’kultura, dan ma jibqax jgħaddi biss minn persuna għall-oħra.  Għalhekk, f’pajjiżi fejn il-Kristjaneżmu hu f’minoranza, barra li jħeġġu lil kull mgħammed biex ixandar il-Vanġelu, il-Knejjes partikulari għandhom jippromovu attivament imqar xejriet bikrija ta’ inkulturazzjoni.  Dak li fl-aħħar mill-aħħar għandna nfittxu hu li l-Vanġelu, imxandar b’kategoriji propji tal-kultura li fiha jiġi mwassal, joħloq sintesi ġdida ma’ dik il-kultura.  Għalkemm dawn il-proċessi dejjem jieħdu fit-tul, xi kultant il-biża’ jipparalizzana wisq.  Jekk inħallu d-dubji u l-biżgħat jifgaw il-kuraġġ tagħna, jista’ jiġri li, flok inkunu kreattivi, sempliċement nibqgħu komdi aħna mingħajr ma nġibu ebda progress u, f’dan il-każ, ma nkunux qed nipparteċipaw bil-koperazzjoni tagħna fil-proċessi tal-istorja, imma nibqgħu biss spettaturi ta’ Knisja li qed tistaġna.

Kariżmi għas-servizz tal-komunjoni evanġelizzatriċi

130. L-Ispirtu s-Santu jagħni wkoll b’għadd ta’ kariżmi lill-Knisja kollha li tevanġelizza.  Dawn huma doni li lill-Knisja jġedduha u jibnuha.[108]  Mhumiex xi wirt magħluq, mogħti lil xi grupp biex iżommu għalih; imma hawn pjuttost għandna rigali tal-Ispirtu mxierka fil-ġisem tal-Knisja, li jinġibdu lejn il-qalba li hi Kristu, mnejn imbagħad b’qawwa evanġelizzatriċi jiġu indirizzati lejn kanali differenti.  Sinjal ċar tal-awtentiċità ta’ kariżma hi l-ekkleżjalità tagħha, il-ħila tagħha li tintegra ruħha b’armonija mal-ħajja tal-Poplu qaddis ta’ Alla għall-ġid ta’ kulħadd.  Meta l-Ispirtu jqanqal xi ħaġa ġdida li tkun awtentika, din ma titfax xi dell fuq spiritwalitajiet u doni oħrajn biex tafferma lilha nfisha.  Iktar ma kariżma ddawwar ħarsitha lejn il-qalba tal-Vanġelu, il-ħidma tagħha aktar tkun ekkleżjali.  Anki jekk din tiswa prezz, hu fil-komunjoni li kariżma tagħmel il-frott b’mod awtentiku u misterjuż.  Jekk tgħix din l-isfida, il-Knisja tista’ tkun mudell għall-paċi fid-dinja.

131. Id-differenzi li naraw bejn il-persuni u l-komunitajiet xi kultant idejquna, imma l-Ispirtu s-Santu, li jqajjem din id-diversità, minn kollox jaf jislet xi ħaġa tajba u jibdilha f’dinamiżmu ta’ evanġelizzazzjoni li jaħdem billi jiġbed lejh.  Id-diversità għandha tkun magħquda dejjem mal-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu; Hu biss jista’ jqanqal id-diversità, il-pluralità, il-multipliċità u, fl-istess waqt, iwettaq l-għaqda.  Min-naħa l-oħra, meta nkunu aħna li nfittxu d-diversità u ningħalqu fil-karatteristiċi partikulari tagħna, fl-esklussiviżmu tagħna, noħolqu l-firda u, min-naħa l-oħra, meta nkunu aħna li nippruvaw nibnu l-għaqda bil-kalkoli umani tagħna, nispiċċaw biex nimponu l-uniformità monolitika.  Dan ma jgħin xejn lill-missjoni tal-Knisja.

Kultura, ħsieb u edukazzjoni

132. Ix-xandir lill-kultura jimplika wkoll tħabbira lill-kulturi professjonali, xjentifiċi u akkademiċi.  Hawn għandna l-laqgħa bejn fidi, raġuni u xjenzi, li timmira lejn żvilupp ta’ diskors ġdid fuq il-kredibbiltà, apoloġetika oriġinali[109] li tgħin biex jinħoloq l-ambjent it-tajjeb li fih il-Vanġelu jiġi mismugħ minn kulħadd.  Meta ċerti kategoriji tar-raġuni u tax-xjenza jitħaddmu fix-xandir tal-messaġġ, dawk l-istess kategoriji jsiru għodda ta’ evanġelizzazzjoni; dan hu l-ilma mibdul fi nbid.  Huma dawk li, meta jiġu mħaddna, mhux biss jiġu mifdija, imma jsiru għodda tal-Ispirtu biex idawwal u jġedded id-dinja.

133. Ladarba għall-evanġelizzatur mhux biżżejjed jaħseb kif ħa jilħaq biss lil kull persuna, u l-Vanġelu jiġi mxandar ukoll lill-kulturi flimkien, it-teoloġija – mhux biss it-teoloġija pastorali – fi djalogu ma’ xjenzi u esperjenzi umani oħra, tilbes importanza kbira għax tgħinna naħsbu kif ser inwasslu l-proposta tal-Vanġelu f’kuntesti kulturali varji ta’ dawk li ħa jirċevuha.[110]  Il-Knisja, impenjata fl-evanġelizzazzjoni, tapprezza u tinkuraġġixxi l-kariżma tat-teologi u l-isforz tagħhom fl-investigazzjoni teoloġika, li tippromovi d-djalogu mad-dinja tal-kultura u tax-xjenza.  Nitlob lit-teologi biex iwettqu dan is-servizz bħala parti mill-missjoni feddejja tal-Knisja.  Imma biex iwettqu dan, huma jridu jżommu f’qalbhom li l-Knisja u t-teoloġija jeżistu għall-evanġelizzazzjoni u ma jikkuntentawx ruħhom b’teoloġija ta’ madwar il-mejda.

134. L-Universitajiet huma post ipprivileġġjat biex fihom nistgħu naħsbu u niżviluppaw dan l-impenn ta’ evanġelizzazzjoni b’mod interdixxiplinari u integrali.  L-iskejjel Kattoliċi, li jfittxu dejjem li jqabblu flimkien il-missjoni edukattiva max-xandir espliċitu tal-Vanġelu, qed jagħtu kontribut validu tassew għall-evanġelizzazzjoni tal-kultura, anki fil-pajjiżi u l-ibliet fejn is-sitwazzjoni ostili tqanqalna biex inħaddmu l-kreattività tagħna ħalli nsibu toroq xierqa.[111]

II. L-omelija

135. Inħarsu issa lejn il-predikazzjoni fil-qafas tal-liturġija, li teħtieġ valutazzjoni serja min-naħa tar-Rgħajja.  Nieqaf b’mod partikulari, u anki b’ċerta metikolożità, fuq l-omelija u t-tħejjija għaliha, għax ħafna huma li jiġbdulna l-attenzjoni dwar dan il-ministeru importanti u ma nistgħux insoddu widnejna.  L-omelija hi l-kejl li bih ir-Ragħaj jista’ jqis kemm hu qrib u kemm għandu ħila jidħol f’laqgħa mal-poplu tiegħu.  Fil-fatt, nafu li l-fidili jagħtuha importanza kbira; u huma, bħall-istess ministri ordnati, spiss ibatu, tal-ewwel biex jisimgħu u l-oħrajn biex jipprietkaw.  Din hi ħaġa ta’ swied il-qalb.  L-omelija tista’ tkun tabilħaqq esperjenza qawwija u hienja tal-Ispirtu, laqgħa kollha faraġ mal-Kelma, għajn kostanti ta’ tiġdid u maturità.

136. Inġeddu l-fiduċja tagħna fil-predikazzjoni, li tissejjes fuq il-konvinzjoni li hu Alla li permezz tal-predikatur jixtieq jilħaq lill-oħrajn u li permezz tal-kelma tal-bniedem hu jikxef qawwietu.  San Pawl jitkellem bil-qawwa fuq il-ħtieġa tal-predikazzjoni, għax il-Mulej innifsu ried jilħaq lill-oħrajn anki bil-kelma tagħna (ara Rum 10:14-17).  Bil-kelma l-Mulej rebaħ qalb in-nies.  Kienu jiġu minn kull naħa biex jisimgħuh jitkellem (ara Mk 1:45).  Kienu jibqgħu mgħaġġba u “jixorbu” t-tagħlim tiegħu (ara Mk 6:2).  Kienu jħossu li kien jitkellem bħal wieħed li għandu s-setgħa (ara Mk 1:27).  Bil-kelma l-Appostli, li hu kienu sejħilhom “biex jibqgħu miegħu u biex jibgħathom jipprietkaw” (Mk 3:14), ġibdu l-ġnus kollha fi ħdan il-Knisja (ara Mk 16:15,20).

Il-qafas liturġiku

137. Jixraq hawn infakkru li “it-tħabbira liturġika tal-Kelma ta’ Alla, speċjalment fil-ġemgħa liturġika, mhijiex tant żmien ta’ meditazzjoni u ta’ katekeżi, imma hi aktar djalogu bejn Alla u l-poplu tiegħu, djalogu fejn jitħabbru l-għeġubijiet tas-salvazzjoni u fejn bla heda jiġi mfakkar dak li jitlob il-Patt ta’ Alla”.[112]  L-omelija għandha valur speċjali, li ġej mill-kuntest Ewkaristiku tagħha u minħabba fih hi tisboq kull xorta oħra ta’ katekeżi, billi, qabel it-tqarbin sagramentali, hi l-ogħla mument ta’ djalogu bejn Alla u l-poplu tiegħu.  L-omelija tibni fuq dak id-djalogu li diġà hu miftuħ bejn il-Mulej u l-poplu tiegħu.  Min jipprietka, l-ewwel irid jifhem il-qalb tal-komunità tiegħu biex ifittex fejn hi ħajja u mħeġġa x-xewqa għal Alla, u anki fejn dan id-djalogu ta’ mħabba seta’ safa fgat jew ma setax jagħmel frott.

138. L-omelija ma tistax tkun xi spettaklu ta’ divertiment, ma timxix mal-loġika tar-riżorsi medjatiċi, imma hemm bżonn li tagħti ħeġġa u tifsira liċ-ċelebrazzjoni kollha.  Hi ġeneru għalih, la qed nitkellmu dwar predikazzjoni fil-qafas ta’ ċelebrazzjoni liturġika; għalhekk trid tkun qasira u tevita li tidher qisha xi konferenza jew lezzjoni.  Il-predikatur jaf ikun kapaċi jżomm in-nies attenta mqar għal siegħa sħiħa, imma mbagħad il-kelma tiegħu tispiċċa ssir iktar importanti miċ-ċelebrazzjoni tal-fidi.  Jekk l-omelija titwal iżżejjed, tagħmel ħsara lil żewġ karatteristiċi taċ-ċelebrazzjoni liturġika: l-armonija bejn il-partijiet tagħha u r-ritmu tagħha.  Meta l-predikazzjoni ssir f’qafas liturġiku, issir parti mill-offerta li nagħtu lill-Missier u medjazzjoni tal-grazzja li Kristu jsawwab fuqna permezz taċ-ċelebrazzjoni.  Dan l-istess qafas jitlob li l-predikazzjoni torjenta lill-ġemgħa, u anki lill-predikatur, lejn komunjoni ma’ Kristu fl-Ewkaristija li ġġib bidla fil-ħajja.  Dan jitlob li l-kelma tal-predikatur ma tiħux iżżejjed spazju, biex il-Mulej jibbrilla iżjed mill-ministru.

Il-konverżazzjoni ta’ omm

139. Għidna li l-Poplu ta’ Alla, bl-Ispirtu li dejjem jaħdem fih, kontinwament qed jevanġelizza lilu nnifsu.  X’timplika din il-konvinzjoni għall-predikatur?  Tfakkarna li l-Knisja hi omm u lill-poplu tipprietkalu bħal omm li tkellem lil binha, u taf li binha għandu fiduċja li dak kollu li qed jitgħallem sa jkun għall-ġid tiegħu, għax jaf li hu maħbub.  Iżjed minn hekk, l-omm twajba taf tagħraf dak kollu li Alla żera’ f’binha, tisma’ x’inhu t-tħassib tiegħu u titgħallem minnu.  L-ispirtu ta’ mħabba li jsaltan ġo familja jdawwal kemm lill-omm u kemm lil binha fid-djalogi ta’ bejniethom, fejn hemm x’wieħed jgħallem u hemm x’jitgħallem, jikkoreġi u japprezza l-ħwejjeġ tajba; hekk ukoll iseħħ fl-omelija.  L-Ispirtu, li dawwal il-kitba tal-Vanġeli u li jaħdem fil-Poplu ta’ Alla, inebbaħna wkoll dwar kif għandna nisimgħu l-fidi tal-poplu u kif għandna nipprietkaw f’kull Ewkaristija.  Il-prietka Nisranija, għalhekk, issib fil-qalb tal-kultura tal-poplu għajn ta’ ilma ħaj, kemm biex tkun taf x’għandha tgħid, u kemm biex issib il-mod it-tajjeb kif tgħidu.  Kif ilkoll kemm aħna nieħdu pjaċir li xi ħadd ikellimna bi lsien missirijietna, hekk ukoll fil-fidi, nieħdu gost b’min ikellimna bil-“kultura ta’ missirijietna”, bid-djalett matern tagħna (ara 2 Mak 7:21,27), u l-qalb tkun lesta li tisimgħu wisq aktar.  Din il-lingwa hi bħal melodija li tnebbaħ kuraġġ, nifs, qawwa, ħeġġa.

140. Dan il-qafas matern-ekkleżjali li fi ħdanu jiżviluppa d-djalogu tal-Mulej mal-poplu tiegħu kull predikatur għandu jfittxu u jikkultivah billi jkun qrib tan-nies, juża ton ġentili fil-vuċi, ħlewwa fl-istil tal-frażijiet tiegħu, u ferħ fil-ġesti tiegħu.  Anki meta l-omelija xi kultant tkun tidher tedjanti, jekk fiha jinħass dan l-ispirtu matern-ekkleżjali, dejjem sa tħalli l-frott, l-istess kif il-pariri ta’ omm li xi kultant idejquna maż-żmien iħallu frott f’qalb l-ulied.

141. Jissorprenduna r-riżorsi li l-Mulej uża fid-djalogi mal-poplu tiegħu, biex wera l-misteru tiegħu lil kulħadd, u biex b’tagħlim hekk għoli u hekk esiġenti ġibed lejh nies komuni.  Nemmen li s-sigriet hu moħbi wara dik il-ħarsa ta’ Ġesù lejn il-poplu tiegħu, lil hemm mid-dgħufijiet u l-waqgħat tiegħu: “Le, merħla ċkejkna, tibżgħu xejn, għax Missierkom għoġbu jagħtikom is-Saltna!” (Lq 12:32); Ġesù b’dan l-ispirtu jipprietka.  Mimli bil-ferħ tal-Ispirtu, ibierek lill-Missier li ġibed lejh iċ-ċkejknin: “Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax int dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin” (Lq 10:21).  Il-Mulej tassew jedha jitkellem mal-poplu tiegħu u l-predikatur irid ifittex mod kif lin-nies tiegħu jgħinhom iħossu dan il-gost.

Kliem li jħeġġeġ il-qalb

142. Id-djalogu hu wisq aktar milli nwasslu verità.  Jintgħaraf mill-gost li wieħed jitkellem u mill-ġid veru li jgħaddi permezz tal-kliem bejn dawk li jħobbu lil xulxin.  Hu ġid li ma jikkonsistix f’oġġetti, imma fl-istess persuni li fid-djalogu jingħataw wieħed lill-ieħor.  Il-predikazzjoni purament moralista jew li tipprova tinduttrina, u anki dik li tinbidel f’lezzjoni ta’ eseġesi, jillimitaw ħafna din il-komunikazzjoni bejn il-qlub li tinħoloq fl-omelija u għandu jkollha karatteristika kważi sagramentali: “Il-fidi tiġi mis-smigħ, u s-smigħ mix-xandir tal-kelma ta’ Kristu” (Rum 10:17).  Fl-omelija, mal-verità jissieħbu l-ġmiel u t-tajjeb.  Hawn m’għandniex veritajiet astratti jew silloġiżmi kesħin, għax biex inqanqlu l-għixien tajjeb tal-fidi, irridu ninqdew ukoll bil-ġmiel tax-xbihat li kien juża l-Mulej.  Bħal dik ta’ Marija, il-memorja tal-poplu fidil jeħtieġ tibqa’ mfawra bl-għeġubijiet ta’ Alla.  Qalbu, miftuħa biex tgħix it-tama hienja u l-imħabba li rċiviet fix-xandir, tħoss li kull kelma tal-Iskrittura hi don qabel ma hi esiġenza.

143. L-isfida ta’ prietka inkulturata qiegħda f’li tittrasmetti s-sintesi tal-messaġġ tal-Vanġelu, u mhux ideat jew valuri separati.  Fejn hemm is-sintesi tiegħek, hemm qalbek ukoll.  Id-differenza bejn li titfa’ dawl fuq is-sintesi jew titfa’ dawl fuq ideat separati minn xulxin hi l-istess bħal dik li hemm bejn qalb imxebbgħa u qalb imħeġġa.  Il-predikatur għandu l-missjoni sabiħa ferm u diffiċli li jgħaqqad flimkien il-qlub li jinħabbu bejniethom: dik tal-Mulej u dawk tal-poplu tiegħu.  Id-djalogu bejn Alla u l-poplu tiegħu iżjed iseddaq il-patt ta’ bejniethom u jsaħħaħ ir-rabta tal-imħabba.  Fil-ħin tal-omelija, il-qlub ta’ min jemmen joqogħdu fis-skiet u jħallu lilU jitkellem.  Il-Mulej u l-poplu tiegħu jitkellmu direttament ma’ xulxin b’elf mod, mingħajr il-ħtieġa ta’ intermedjarji.  Minkejja dan, fl-omelija, huma jridu li xi ħadd ieħor jagħmilha ta’ strument u jesprimi s-sentimenti tagħhom, b’mod li mbagħad kull wieħed u waħda jkun jista’ jagħżel kif irid jissokta l-konverżazzjoni.  Il-kelma hi essenzjalment medjatriċi u mhux biss titlob li jkun hemm tnejn li qed jiddjalogaw imma anki predikatur li jippreżentaha bħala dak li hi, konvint li “aħna ’l Ġesù l-Mulej qegħdin inxandru, u mhux lilna nfusna; aħna m’aħniex ħlief qaddejja tagħkom minħabba f’Ġesù Kristu” (2 Kor 4:5).

144. Biex nistgħu nitkellmu mill-qalb, jeħtieġ inżommuha mhux biss dejjem imħeġġa, imma wkoll imdawla mill-milja tar-Rivelazzjoni u tal-mixja li l-Kelma ta’ Alla terrqet fil-qalb tal-Knisja u tal-poplu fidil tagħna matul il-medda tal-istorja.  L-identità Nisranija, li hi dik it-tgħanniqa tal-Magħmudija li l-Missier tana sa minn meta konna għadna żgħar, ixxennaqna, bħal ulied ħalja – u wlied speċjali f’Marija –, għal tgħanniqa oħra, dik tal-Missier mimli ħniena li qed jistenniena fil-glorja.  Il-ħidma iebsa imma sabiħa ta’ min jipprietka l-Vanġelu hi dik li ngħinu lill-poplu tagħna jħoss li qiegħed bejn dawn iż-żewġ tgħanniqiet.

III. It-tħejjija għall-predikazzjoni

145. It-tħejjija għall-predikazzjoni hi ħidma hekk importanti li għandna niddedikawlha ħin itwal ta’ studju, talb, riflessjoni u kreattività pastorali.  B’ħafna mħabba nixtieq hawn nieqaf biex nipproponi mixja li wieħed għandu jagħmel bi tħejjija għall-omelija.  Huma indikazzjonijiet li għal xi wħud jafu jidhru ovvji, imma nħoss li għandi nissuġġerihom biex infakkar fil-ħtieġa li niddedikaw ħin ipprivileġġjat għal dan il-ministeru hekk prezzjuż.  Xi kappillani spiss isostnu li dan mhux possibbli minħabba tant ħidmiet li jridu jwettqu; madankollu, nazzarda nitlob li kull ġimgħa wieħed jiddedika ħin personali u komunitarju pjuttost twil għal dan ix-xogħol, anki jekk ikollu jagħti inqas ħin lil impenji oħra importanti.  Il-fiduċja fl-Ispirtu s-Santu li jaħdem fil-predikazzjoni mhix passiva, imma attiva u kreattiva.  Titlob minna li noffru lilna nfusna bħala għodda (ara Rum 12:1), bil-ħiliet kollha tagħna, biex dawn jistgħu jintużaw minn Alla.  Predikatur li ma jħejjix ruħu kif imiss mhux “spiritwali”, hu diżonest u irresponsabbli fil-konfront tad-doni li rċieva.

Il-qima tal-verità

146. L-ewwel pass, wara li nkunu sejjaħna lill-Ispirtu s-Santu, hu li nagħtu attenzjoni lit-test Bibliku, li għandu jkun il-pedament ta’ kull predikazzjoni.  Meta wieħed jieqaf biex ifittex jifhem liema hu l-messaġġ ta’ test partikulari, ikun qed iwettaq il-“qima tal-verità”.[113]  Hi l-umiltà tal-qalb li tagħraf li l-Kelma dejjem togħla iktar minna, li aħna m’aħniex “l-imgħallmin jew il-propjetarji, iżda d-depożitarji, il-ħabbara u l-qaddejja”.[114]  Din id-dispożizzjoni ta’ qima umli u kollha stagħġib tal-Kelma nkunu nesprimuha meta nieqfu nistudjawha bl-akbar attenzjoni u b’biża’ qaddis li b’xi mod ma mmorrux nimmanipulawha.  Biex nistgħu ninterpretaw test Bibliku hu meħtieġ is-sabar, inneħħu kull ansjetà u nagħtu mill-ħin, l-interess u d-dedikazzjoni gratuwita tagħna.  Jeħtieġ inwarrbu fil-ġenb kull inkwiet li qed iħassibna biex nistgħu nidħlu f’ambjent ieħor ta’ attenzjoni serena.  Ma jiswa xejn li nfittxu f’test Bibliku riżultati mgħaġġla, ħfief jew immedjati.  Għalhekk, it-tħejjija għall-predikazzjoni titlob imħabba.  Niddedikaw mill-ħin tagħna u mingħajr għaġla biss lil dawk il-ħwejjeġ jew persuni li nħobbu; u hawn qed nitkellmu dwar l-imħabba lejn Alla li ried jitkellem magħna.  Jekk nitilqu minn din l-imħabba, naslu biex insibu l-ħin kollu li hemm bżonn, bl-atteġġjement tad-dixxiplu: “Tkellem, Mulej, għax il-qaddej tiegħek qiegħed jisma’” (1 Sam 3:9).

147. Qabelxejn irridu nkunu ċerti li qed nifhmu kif sew is-sens tal-kliem li qed naqraw.  Nixtieq nagħfas fuq punt li jidher ovvju imma li mhux dejjem inżommuh biżżejjed quddiem għajnejna: it-test Bibliku li qed ngħarblu għandu fuqu elfejn jew tlitt elef sena, il-lingwaġġ tiegħu hu differenti ħafna minn dak li nużaw illum.  Anki jekk jidhirlna li l-kliem qed nifhmuh, għax hu maqlub fil-lingwa tagħna, dan ma jfissirx li qed nifhmu b’mod korrett dak li fehem l-awtur sagru.  Huma magħrufa d-diversi għodod li toffri l-analiżi letterarja: noqogħdu attenti għall-kelmiet imtennija jew enfasizzati, nagħtu kas tal-istruttura u d-dinamiżmu ta’ test partikulari, inqisu x’inhu r-rwol tal-persunaġġi, u l-bqija.  Imma l-għan tagħna mhuwiex li nifhmu d-dettalji żgħar kollha tat-test, għax l-aktar importanti hu li nifhmu liema hu l-messaġġ ewlieni, dak li jagħti binja u unità lit-test.  Jekk il-predikatur ma jagħmilx dan l-isforz, jista’ jiġri li lanqas il-predikazzjoni tiegħu ma jkollha unità u ordni; id-diskors tiegħu jkun biss ġabra ta’ ħafna ideat mingħajr artikulazzjoni li bihom ma jirnexxilux iqanqal lil oħrajn.  Il-messaġġ ċentrali hu dak li qabelxejn l-awtur ried jgħaddi, u dan ifisser li mhux biss irridu nifhmu l-idea, imma anki nagħrfu l-effett li dak l-awtur ried jipproduċi.  Jekk test ġie miktub biex ifarraġ, m’għandux jintuża biex jikkoreġi l-iżbalji; jekk inkiteb biex jeżorta, m’għandux jintuża biex jgħallem; jekk inkiteb biex jgħallem xi ħaġa dwar Alla, m’għandux jintuża biex jispjega bosta ideat teoloġiċi; jekk inkiteb biex iqanqal għat-tifħir jew għall-ħidma missjunarja, ma nużawhx biex nagħtu l-aħħar aħbarijiet.

148. Bla dubju ta’ xejn, biex nifhmu b’mod tajjeb it-tifsira tal-messaġġ ċentrali ta’ xi test, hemm bżonn li norbtuh mat-tagħlim tal-Bibbja kollha, kif tgħaddihulna l-Knisja.  Dan hu prinċipju importanti tal-interpretazzjoni Biblika, li żżomm f’moħħha li l-Ispirtu s-Santu ma nebbaħx biss parti mill-Bibbja, imma l-Bibbja kollha kemm hi, u li f’xi kwistjonijiet partikulari l-poplu kiber fl-għarfien tiegħu tar-rieda ta’ Alla fid-dawl tal-esperjenza li għadda minnha.  B’dan il-mod inkunu nevitaw interpretazzjonijiet żbaljati jew parzjali, li jikkontradixxu tagħlim ieħor tal-istess Skrittura Mqaddsa.  Imma dan ma jfissirx li nkunu ndgħajfu l-aċċent propju u speċifiku tat-test li fuqu ħa nipprietkaw.  Wieħed mid-difetti ta’ predikazzjoni tedjanti u ineffikaċi hu propju dak li ma jkollniex il-ħila ngħaddu lin-nies l-istess qawwa li jġorr miegħu t-test imħabbar.

Il-personalizzazzjoni tal-Kelma

149. Il-predikatur “irid ikun dejjem aktar personalment midħla tal-Kelma ta’ Alla; mhux biżżejjed li jkun intiż fil-problemi lingwistiċi u esegetiċi tal-Iskrittura, għalkemm dan żgur meħtieġ, iżda jeħtieġlu jersaq lejn il-Kelma ta’ Alla b’qalb ħelwa u fi spirtu ta’ talb, biex din il-Kelma tidħol fil-fond ta’ ħsibijietu, tas-sentimenti tiegħu u toħloq fih mentalità ġdida”.[115]  Jagħmlilna tajjeb li ta’ kuljum, ta’ kull nhar ta’ Ħadd, niġġeddu fil-ħeġġa tagħna biex inħejju sewwa l-omelija, u nivverifikaw jekk ġewwa fina hux tassew qed tikber l-imħabba għall-Kelma li nipprietkaw.  Ma rridux ninsew li “b’mod partikulari, il-qdusija tal-ministru, kbira jew żgħira, tassew tinfluwenza t-tħabbira tal-Kelma”.[116]  Kif isostni San Pawl, “aħna nxandru l-Evanġelju… u nfittxu li nogħġbu mhux lill-bnedmin imma lil Alla li jġarrab qlubna” (1 Tess 2:4).  Jekk f’qalbna hemm tħeġġeġ tassew din ix-xewqa li nisimgħu aħna l-ewwel il-Kelma li għandna nipprietkaw, din b’xi mod jew ieħor se tgħaddi fil-Poplu ta’ Alla: “Mill-milja tal-qalb jitkellem il-fomm” (Mt 12:34).  Il-qari tal-Ħadd jibqa’ jidwi fil-ġmiel kollu tiegħu fil-qalb tal-poplu, jekk l-ewwel nett ikun dewa hekk fil-qalb tar-Ragħaj.

150. Ġesù kien jinkorla jara lil min jippretendiha ta’ mgħallem tal-Kelma ta’ Alla, esiġenti mal-oħrajn, imma li mbagħad ma jiddawwalx hu stess minnha: “Huma jorbtu qatet kbar u tqal u jgħabbuhom fuq spallejn ħaddieħor, waqt li huma stess anqas b’sebagħhom wieħed ma jridu jħarrkuhom” (Mt 23:4).  L-Appostlu Ġakbu jeżorta: “Ħuti, la ssirux ħafna minnkom għalliema, għax tafu li aħna li ngħallmu nkunu ġġudikati b’reqqa akbar” (Ġak 3:1).  Kull min irid jipprietka, l-ewwel irid ikun lest li jħalli l-Kelma tqanqlu u jlaħħamha fil-ħajja konkreta tiegħu.  B’dan il-mod, il-predikazzjoni ssir dik l-attività hekk intensa u għammiela li “tikkomunika lill-oħrajn dak li wieħed ikun ikkontempla hu”.[117]  Għaldaqstant, qabel iħejji b’mod konkret dak li jrid jgħid fil-predikazzjoni, l-ewwel irid jaċċetta li jkun hu l-ewwel li jiġi milqut minn dik il-Kelma li mbagħad trid tolqot lill-oħrajn, għax hi Kelma ħajja u qawwija, li bħal xabla “tinfed sa tifred minn xulxin ir-ruħ u l-ispirtu u l-ġogi u l-mudullun; u tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb” (Lhud 4:12).  Dan għandu importanza pastorali kbira.  Anki fi żmienna n-nies tippreferi tisma’ mix-xhieda: “Għandhom l-għatx tal-awtentiċità […] qed issejjaħ lil dawk li jistgħu jevanġelizzaw, biex ikellmuha fuq Alla li huma suppost li jafu u li huma sikwit imorru għandu bħallikieku qed jaraw l-Inviżibbli”.[118]

151. Mhux mistenni minna li nkunu bla ħtija f’kollox, imma pjuttost li nkunu dejjem fi proċess li fih nibqgħu nikbru, li ngħixu x-xewqa qawwija li nibqgħu mexjin ’il quddiem fit-triq tal-Vanġelu, u ejjew ma nċedux l-armi.  Hu indispensabbli li l-predikatur ikun ċert li Alla jħobbu, li Ġesù Kristu fdieh, li mħabbtu dejjem għandha l-aħħar kelma.  Quddiem ġmiel hekk kbir, wieħed sikwit iħoss li b’ħajtu mhux jagħtiH glorja sħiħa u sinċerament jixtieq iwieġeb aħjar għal imħabba hekk għolja.  Imma jekk ma jiqafx biex jisma’ l-Kelma b’qalb ġenwinament miftuħa, jekk ma jħallihiex tmisslu ħajtu, tisfidah, twiddbu, tħarrku minn postu, jekk ma jiddedikax il-ħin għat-talb bil-Kelma, allura jkun profeta falz, qarrieq u ċarlatan vojt.  Hu x’inhu, jekk jitlaq mill-għarfien tal-faqar tiegħu u x-xewqa li jimpenja ruħu iżjed, dejjem jista’ jwassal lil Ġesù Kristu, billi bħal Pietru jistqarr: “Fidda u deheb ma għandix; imma dak li għandi se nagħtihulek” (Atti 3:6).  Il-Mulej irid jinqeda bina bħala essri ħajjin, ħielsa u kreattivi, li jħallu l-Kelma tiegħu tinfed lil qalbhom qabel jgħadduha lill-oħrajn; il-messaġġ tiegħu l-ewwel irid tabilħaqq jgħaddi minn ġol-predikatur, imma mhux biss minn ġor-raġuni, imma billi jieħu pussess tal-essri kollu tiegħu.  L-Ispirtu s-Santu, li nebbaħ il-Kelma, hu Dak li “bħalma kien fil-bidu tal-Knisja, jaħdem f’kull evanġelizzatur li jħalli lilu nnifsu jkun maħkum u mmexxi minnu; iqiegħed fuq xufftejh kliem li hu ma kienx ikun kapaċi jsib”.[119]

Il-qari spiritwali

152. Hemm mod konkret kif nisimgħu dak li l-Mulej irid jgħidilna fil-Kelma tiegħu u kif inħallu l-Ispirtu tiegħu jibdilna.  Hi dik li aħna nsejħulha “lectio divina”.  Din tikkonsisti fil-qari tal-Kelma ta’ Alla waqt mument ta’ talb biex hekk nistgħu niddawlu u niġġeddu minnha.  Dan il-qari tal-Bibbja fi klima ta’ talb mhux mifrud mill-istudju li l-predikatur jagħmel biex isib liema hu l-messaġġ ċentrali tat-test; għall-kuntrarju, minn hemm irid jitlaq, biex jista’ jiskopri dak l-istess messaġġ x’qed jgħid lil ħajtu.  Il-qari spiritwali ta’ test partikulari għandu jitlaq qabelxejn mit-tifsira litterali tiegħu.  Inkella faċilment jiġrilna li npoġġu fuq fomm it-test dak li jaqbel lilna, dak li jkollna bżonn biex nikkonfermaw id-deċiżjonijiet tagħna, dak li joqgħod għall-iskemi mentali tagħna.  Jekk nagħmlu hekk, żgur mhux forsi nkunu qed ninqdew b’ħaġa qaddisa għall-vantaġġ personali tagħna u ngħaddu din l-istess konfużjoni lill-Poplu ta’ Alla.  Ma rridu qatt ninsew li kultant “mhux għaġeb għax Satana stess jitbiddel f’anġlu tad-dawl” (2 Kor 11:14).

153. Fil-preżenza ta’ Alla, waqt qari kalm tat-test, tajjeb li nistaqsu lilna nfusna: “Mulej, x’qed jgħid lili dan it-test?  Xi trid tibdel f’ħajti b’dan il-messaġġ?  X’qed idejjaqni f’din is-silta?  Għaliex dan ma jolqotnix?”, jew: “X’jogħġobni, x’hemm li jħeġġiġni f’din il-Kelma?  X’jiġbidni fiha?  Għaliex jiġbidni?”.  Meta nfittxu li nisimgħu lill-Mulej hu normali li jkollna t-tentazzjonijiet.  Waħda minnhom hi sempliċement meta nħossuna mdejqin u magħfusin, u ningħalqu fina nfusna; tentazzjoni oħra komuni ħafna hi li nibdew naħsbu f’dak li t-test qed jgħid lill-oħrajn, biex nevitaw li napplikawh għal ħajjitna stess.  Jiġri wkoll li wieħed jibda jfittex skużi li bihom ifaqqar il-messaġġ speċifiku tat-test.  Drabi oħra naħsbu li Alla qed jitlob minna deċiżjoni kbira wisq, li għadna m’aħniex fi stat li nistgħu nieħdu.  Dan iwassal lil ħafna persnuni biex jitilfu l-ferħ tal-laqgħa mal-Kelma, imma dan għax ikunu jinsew li ħadd mhu paċenzjuż daqs Alla l-Missier, li ħadd ma jaf jifhem u jistenna daqskemm jaf Hu.  Hu dejjem jistedinna biex immiddu pass ieħor, imma ma jistenniex tweġiba sħiħa mingħandna jekk għadna ma għamilniex il-mixja kollha li jagħmilha possibbli.  Sempliċement jixtieq li nħarsu b’sinċerità lejn ħajjitna u nippreżentawhielu bla tagħwiġ, li nkunu disposti li nkomplu nikbru, u li nitolbu lilU dak li s’issa għad ma rnexxilniex naslu għalih.

Nisimgħu lill-poplu

154. Il-predikatur għandu wkoll jisma’ lill-poplu, biex jiskopri dak li l-fidili għandhom bżonn jisimgħuh jgħid.  Predikatur hu dak li jikkontempla l-Kelma u li jikkontempla wkoll il-poplu.  B’dan il-mod, hu jiskopri “aspirazzjonijiet, rikkezzi u limitazzjonijiet, minn manjieri kif in-nies jitolbu, kif iħobbu, kif iħarsu lejn il-ħajja u lejn id-dinja li jagħżlu ġemgħa minn oħra”, u jkun attent għan-“nies li għaliha jimmira […] l-ilsien, is-sinjali u s-simboli tagħhom, il-mistoqsijiet li jagħmlu”.[120]  Hawn wieħed irid jorbot il-messaġġ tat-test Bibliku ma’ sitwazzjoni umana, ma’ qagħda li n-nies għaddejjin minnha, ma’ esperjenza li teħtieġ tiddawwal mill-Kelma.  Din il-preokkupazzjoni mhix ġejja minn atteġġjament opportunista jew diplomatiku, imma hi profondament reliġjuża u pastorali.  Hi fil-fatt “il-vera sensibbiltà spiritwali biex jaqra l-messaġġ ta’ Alla f’dak li jiġri[121] u dan hu ħafna iżjed milli sempliċement issib xi ħaġa interessanti xi tgħid.  Dak li qed infittxu li niskopru hu “dak li għandha x’tgħidilna din jew dik iċ-ċirkustanza”.[122]  Għalhekk, it-tħejjija għall-predikazzjoni tinbidel f’eżerċizzju ta’ dixxerniment evanġeliku, fejn wieħed ifittex li jagħraf – fid-dawl tal-Ispirtu – dik is-“‘sejħa’ li Alla jsemma’ fl-istess qagħda storika.  F’qagħda bħal din, u permezz tagħha, Alla jsejjaħ lil min jemmen”.[123]

155. F’din it-tiftixa hu possibbli nirrikorru sempliċement għal xi esperjenza umana li spiss ngħaddu minnha, bħall-ferħ ta’ xi laqgħa ġdida, id-delużjonijiet, il-biża’ mis-solitudni, il-ħniena għall-oħrajn li qed ibatu, id-dubji quddiem il-ġejjieni, it-tħassib għal xi persuna għażiża, u oħrajn; imma hemm bżonn nikbru wkoll fis-sensibbiltà tagħna biex nistgħu nagħrfu dak li tabilħaqq jolqot lil ħajjithom.  Niftakru li qatt m’hemm bżonn inwieġbu għal mistoqsijiet li ħadd mhu jagħmel; lanqas hu f’loku li noqogħdu noffru fatti ta’ kronaka attwali biex inqanqlu l-interess: għal dan diġà hemm il-programmi televiżivi.  Minkejja dan, nistgħu nitilqu minn xi storja biex il-Kelma tista’ tħalli effett aqwa fl-istedina tagħha għall-konverżjoni, għall-adorazzjoni, għal atteġġjamenti konkreti ta’ fraternità u ta’ servizz, u oħrajn, billi kultant xi persuni jieħdu gost fil-prietka jisimgħu kummenti dwar ir-realtà, imma mhuwiex dan li jqanqalhom u jisfidahom personalment.

Għodda pedagoġika

156. Xi wħud jaħsbu li huma predikaturi tajbin għax jafu x’għandhom jgħidu, imma jittraskuraw il-kif, il-mod konkret kif jiżviluppaw il-predikazzjoni tagħhom.  Jirrabjaw meta l-oħrajn ma jisimgħuhomx jew ma japprezzawhomx, imma forsi ma ħabirkux biex fittxu l-mod tajjeb kif jippreżentaw il-messaġġ.  Inżommu f’moħħna li “hu importanti l-kontenut tal-evanġelizzazzjoni; dan iżda m’għandux inaqqas minn quddiem għajnejna l-importanza tal-metodi u tal-mezzi”.[124]  Anki meta naħsbu x’metodu ħa nużaw fil-predikazzjoni tagħna, inkunu qed nimxu b’atteġġjament profondament spiritwali.  Ifisser inwieġbu għall-imħabba ta’ Alla, ningħataw bil-ħiliet u l-kreattività kollha tagħna għall-missjoni li Hu qed jafdalna f’idejna; imma hu anki eżerċizzju fin ta’ mħabba lejn il-proxxmu, għax ma rridux noffru lill-oħrajn xi ħaġa ta’ kwalità fqira.  Ngħidu aħna, fil-Bibbja nsibu l-parir li wieħed iħejji sew il-predikazzjoni tiegħu ħalli jiżgura li ssir bil-qies it-tajjeb: “Tkellem fil-qosor, u għid ħafna fi ftit kliem” (Sir 32:8).

157. Biex nagħtu eżempju, niftakru f’xi għodda prattika li tista’ tagħni l-predikazzjoni tagħna u tagħmilha iktar attraenti.  Wieħed mill-isforzi li l-aktar hemm bżonn nagħmlu hu li fil-predikazzjoni tagħna nitgħallmu nużaw xbihat, jiġifieri nitkellmu bix-xbihat.  Xi kultant nużaw eżempji biex dak li rridu nispjegaw nagħmluh aktar jinftiehem, imma dawk l-eżempji spiss ikunu jappellaw biss għar-raġunar tal-moħħ; ix-xbihat, imma, għandhom jgħinu biex wieħed japprezza u jilqa’ l-messaġġ li rridu ngħaddulu.  Xbieha li tiġbed l-għajn tgħin biex il-messaġġ jinstema’ familjari, qrib, possibbli, marbut mal-ħajja.  Xbieha tajba tista’ twassal lil dak li jkun biex jiggosta l-messaġġ li rridu nwasslulu, terġa’ tqajjem ix-xewqa u tqanqal ir-rieda fid-direzzjoni tal-Vanġelu.  Omelija tajba, kif kien jgħidli għalliem antik tiegħi, għandu jkollha fiha “idea, sentiment, xbieha”.

158. Pawlu VI diġà kiteb li l-fidili “jistennew ħafna minn din ix-xandira u jieħdu profitt kbir minnha kemm-il darba tkun sempliċi, ċara, diretta, adattata għalihom”.[125]  Is-sempliċità għandha x’taqsam mal-lingwaġġ li jintuża.  Irid ikun lingwaġġ li min jisimgħu jista’ jifhmu, biex ma nirriskjawx li nkunu nitkellmu fil-vojt.  Sikwit jiġri li l-predikaturi jinqdew bi kliem li huma tgħallmu tul l-istudji tagħhom u f’ambjenti partikulari, imma li ma jagħmilx parti mil-lingwaġġ komuni tan-nies li qed tismagħhom.  Hemm kliem li hu propju tat-teoloġija jew tal-katekeżi, li t-tifsira tiegħu ma tinftiehemx mill-parti l-kbira tal-Insara.  L-akbar riskju għal predikatur hu li jidra bil-lingwaġġ tiegħu u jaħseb li l-oħrajn kollha qed jużawh u jifhmuh mill-ewwel.  Jekk irridu nadattaw ruħna għal-lingwaġġ tal-oħrajn biex nistgħu naslu għandhom bil-Kelma, jeħtieġ l-ewwel nisimgħu ħafna, jeħtieġ naqsmu fil-ħajja tan-nies u minn jeddna nkunu attenti għalihom.  Is-sempliċità u ċ-ċarezza huma żewġ ħwejjeġ differenti minn xulxin.  Il-lingwaġġ jista’ jkun sempliċi ħafna, imma l-prietka taf tkun ftit li xejn ċara.  Taf ma tkunx tinftiehem minħabba li ma jkunx fiha ordni, tkun nieqsa mil-loġika, jew għax tittratta ħafna suġġetti fl-istess ħin.  Għalhekk ħidma oħra meħtieġa hi li nagħmlu mod li l-predikazzjoni jkollha fiha unità tematika, ordni ċar u rabta bejn sentenza u oħra, hekk li n-nies tista’ ssegwi faċilment lill-predikatur u tifhem il-loġika ta’ dak li qed jgħid.

159. Karatteristika oħra hi l-lingwaġġ pożittiv.  M’għandniex noqogħdu ngħidu dak li m’għandux isir, imma pjuttost dak li nistgħu nagħmlu aħjar.  F’kull każ, jekk nippuntaw subgħajna lejn xi ħaġa negattiva, għandna nfittxu dejjem li nuru anki valur pożittiv u attraenti, biex ma niqfux fuq il-qrid, it-tgergir, il-kritika jew ir-rimors.  Iktar minn hekk, predikazzjoni pożittiva toffri dejjem it-tama, torjenta lejn il-futur, ma titlaqniex ilsiera tan-negattività.  Kemm tkun ħaġa tajba li s-saċerdoti, id-djakni u l-lajċi kultant żmien jinġabru biex flimkien isibu l-għodda t-tajba li l-predikazzjoni tagħhom tagħmilha tiġbed iżjed l-għajn!

IV. Evanġelizzazzjoni għall-approfondiment tal-kerygma

160. Il-mandat missjunarju tal-Mulej fih is-sejħa biex nikbru fil-fidi: “Għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien” (Mt 28:20).  Hekk jidher ċar li l-ewwel tħabbira għandha twassal għal mixja ta’ formazzjoni u ta’ maturazzjoni.  L-evanġelizzazzjoni tfittex ukoll li wieħed jikber, u dan jimplika li nieħdu ħafna bis-serjetà lil kull persuna u l-pjan li l-Mulej għandu għaliha.  Kull bniedem dejjem għandu iżjed bżonn ta’ Kristu, u l-evanġelizzazzjoni m’għandhiex tħalli li xi persuna tikkuntenta ruħha bil-ftit, imma minn qalbha tgħid: “Ngħix, imma mhux iżjed jien, iżda jgħix fija Kristu” (Gal 2:20).

161. Ma nkunux korretti jekk din is-sejħa biex nikbru ninterpretawha esklussivament jew fuq kollox bħala formazzjoni duttrinali.  Hi qed titlobna “inħarsu” dak li l-Mulej uriena, bħala tweġiba għal imħabbtu, fejn, flimkien mal-virtujiet kollha, jispikka dak il-kmandament ġdid li hu l-ewwel wieħed, l-akbar wieħed, dak li l-aktar jagħżilna bħala dixxipli: “Dan hu l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien” (Ġw 15:12).  Hu ċar li meta l-awturi tat-Testment il-Ġdid iridu jiġbru l-messaġġ morali Kristjan f’sintesi aħħarija, f’dak li hu l-iżjed essenzjali, iqegħidulna quddiemna l-ħtieġa assoluta tal-imħabba lejn il-proxxmu: “Kull min iħobb ikun iħares il-bqija tal-Liġi… l-imħabba hi l-milja tal-Liġi” (Rum 13:8,10).  “Jekk tħarsu bir-reqqa l-aqwa liġi, skont ma hemm fl-Iskrittura: ‘Ħobb lil għajrek bħalek innifsek’, intom tkunu tagħmlu sewwa” (Ġak 2:8).  “Il-Liġi kollha tinġabar f’liġi waħda: ‘Ħobb lil għajrek bħalek innifsek’” (Gal 5:14).  Pawlu lill-komunitajiet tiegħu jipproponilhom mixja li fiha jikbru fl-imħabba: “Jalla l-Mulej ikattrilkom u jfawwarkom bl-imħabba għal xulxin u lejn kulħadd” (1 Tess 3:12).

162. Min-naħa l-oħra, id-don dejjem jiġi qabel din il-mixja ta’ tweġiba u ta’ maturazzjoni, għax l-ewwel hemm dik is-sejħa l-oħra tal-Mulej: “Għammduhom fl-isem…” (Mt 28:19).  L-adozzjoni ta’ wlied li l-Missier jagħtina b’xejn u l-inizjattiva tad-don tal-grazzja tiegħu (ara Efes 2:8-9; 1 Kor 4:7) huma l-kundizzjoni biex jista’ jkun hemm dan it-tqaddis permanenti li jogħġob u jagħti glorja lil Alla.  Ifisser li nħallu lil Kristu jibdilna fih għal ħajja li tikber “skont l-Ispirtu” (Rum 8:5).

Katekeżi kerigmatika u mistagoġika

163. L-edukazzjoni u l-katekeżi qegħdin għas-servizz ta’ dan il-proċess ta’ maturità.  Għandna biex jgħinuna diversi testi tal-Maġisteru u sussidji għall-katekeżi li offrewlna kemm is-Santa Sede u kemm għadd ta’ Konferenzi Episkopali.  Jiġuni f’moħħi l-Eżortazzjoni appostolika Catechesi tradendæ (1979), id-Direttorju ġenerali għall-katekeżi (1997), u dokumenti oħra li l-kontenut tagħhom m’għandix għax noqgħod intennih hawn.  Nixtieq nieqaf biss fuq xi punti li naħseb li jixraq nitkellmu dwarhom.

164. Erġajna skoprejna li anki fil-katekeżi, l-ewwel tħabbira, jew “kerygma”, għandha rwol fundamentali, li għandha tkun fil-qalba tal-ħidma ta’ evanġelizzazzjoni u ta’ kull ħsieb ta’ tiġdid fil-Knisja.  Il-kerygma hi Trinitarja.  Hi n-nar tal-Ispirtu li jingħatalna taħt l-għamla ta’ ilsna u jimliena bil-fidi f’Ġesù Kristu, li bil-mewt u l-qawmien tiegħu jurina u jxerrdilna l-ħniena bla tarf tal-Missier.  Fuq fomm il-katekista dejjem jirritorna l-eku tal-ewwel tħabbira: “Ġesù Kristu jħobbok, ta ħajtu biex jifdik, u issa hu ħaj u qrib tiegħek kuljum, biex idawlek, biex isaħħek, biex jeħilsek”.  Meta qed ngħidu li din it-tħabbira hi “l-ewwel”, dan ma jfissirx li qiegħda fil-bidu u mbagħad wara ninsewha jew flokha nqiegħdu kontenuti oħra li huma aqwa minnha.  Hi l-ewwel fis-sens kwalitattiv, għax hi t-tħabbira ewlenija, dik li dejjem għandna nerġgħu lura għaliha biex nisimgħuha fid-diversi xejriet tagħha u li dejjem għandna nduru lejha biex inħabbruha fil-katekeżi f’xi bixra jew oħra, fl-istadji u l-mumenti kollha tagħha.[126]  Għalhekk anki “is-saċerdot, bħall-Knisja, għandu dejjem aktar jagħraf il-ħtieġa li hu wkoll ikun evanġelizzat”.[127]

165. Ma rridux naħsbu li fil-katekeżi l-kerygma għandha titħalla fil-ġenb biex tagħmel wisa’ għal formazzjoni li suppost hi aktar “solida”.  M’hemm xejn iżjed solidu, profond, żgur, konsistenti u għaref minn din it-tħabbira.  Il-formazzjoni Nisranija kollha hi qabelxejn l-approfondiment tal-kerygma li tkompli titlaħħam dejjem iżjed u aħjar, li qatt ma tieqaf iddawwal l-impenn tal-katekeżi, u li tgħinna nifhmu aħjar it-tifsira ta’ kull tema oħra li tiżviluppa fil-katekeżi.  Hi t-tħabbira li twieġeb għall-għatx li hemm f’kull qalb umana għal dak li jibqa’ għal dejjem.  Iċ-ċentralità tal-kerygma titlob li nagħfsu fuq xi karatteristiċi tat-tħabbira li llum neħtiġuhom kullimkien: li tesprimi l-imħabba feddejja ta’ Alla li tiġi qabel kull obbligu morali u reliġjuż, li ma timponix il-verità imma tfittex il-libertà, li hi mmarkata mill-ferħ, il-ħeġġa, il-ħajja, u sens ta’ milja armonjuża li ma tirriduċix il-predikazzjoni għal ftit duttrini kultant iżjed filosofiċi milli evanġeliċi.  Dan jitlob mill-evanġelizzatur ċerta dispożizzjoni tal-qalb li biha jista’ jgħin aħjar lil min qed jisimgħu biex jilqa’ l-messaġġ: ikun qrib tan-nies, miftuħ għad-djalogu, paċenzjuż, u dejjem lest biex jilqa’ bl-imħabba u mhux jikkundanna.

166. Karatteristika oħra tal-katekeżi, li żviluppat fl-aħħar għexieren ta’ snin, hi dik tal-inizjazzjoni mistagoġika,[128] li essenzjalment tfisser żewġ ħwejjeġ: il-ħtieġa ta’ esperjenza progressiva ta’ formazzjoni li tinvolvi l-komunità kollha u valorizzazzjoni mġedda tas-sinjali liturġiċi tal-inizjazzjoni Nisranija.  Ħafna manwali u programazzjoni għadhom ma tawx kas biżżejjed tal-ħtieġa ta’ tiġdid mistagoġiku, li jista’ jieħu bosta xejriet fi qbil mad-dixxerniment ta’ kull komunità li teduka.  Il-laqgħa tal-katekeżi hi tħabbira tal-Kelma u ddur magħha, imma dejjem għandha bżonn ta’ ambjentazzjoni xierqa, ta’ motivazzjoni li tiġbed l-għajn, tal-użu ta’ simboli elokwenti, tad-dħul fi proċess wiesa’ li fih id-dimensjonijiet kollha tal-persuna jkomplu jiżviluppaw u jikbru, f’mixja komunitarja ta’ smigħ u tweġiba.

167. Hi ħaġa tajba li kull katekista juri attenzjoni speċjali lejn “triq il-ġmiel” (via pulchritudinis).[129]  Li nxandru lil Kristu jfisser nuru illi temmen fiH u timxi warajh mhix biss ħaġa sewwa u xierqa, imma anki sabiħa, li għandha l-ħila timla l-ħajja bi ġmiel għalkollox ġdid u b’hena qawwi, anki qalb it-tiġrib.  F’din il-prospettiva, l-espressjonijiet kollha ta’ ġmiel veru nistgħu nħarsu lejhom bħala triq li tgħinna niltaqgħu mal-Mulej Ġesù.  M’aħniex nitkellmu hawn fuq li nħeġġu xi relattiviżmu estetiku,[130] li jista’ jdallam ir-rabta inseparabbli bejn verità, tjieba u ġmiel, imma li nirkupraw dak ir-rispett lejn il-ġmiel li permezz tiegħu nistgħu nilħqu l-qalb tal-bniedem u nagħmlu li jilmaw fih il-verità u t-tjieba tal-Irxoxt.  Jekk, kif jafferma Santu Wistin, aħna xejn ma nħobbu ħlief dak li hu sabiħ,[131] l-Iben magħmul bniedem, rivelazzjoni tal-ġmiel dejjiemi, hu ta’ min iħobbu fuq kollox, u jiġbidna lejh b’rabtiet ta’ mħabba.  Għalhekk hu meħtieġ li l-formazzjoni fil-via pulchritudinis tkun tagħmel parti mit-trasmissjoni tal-fidi.  Inħeġġeġ lil kull Knisja partikulari tippromovi l-użu tal-arti fil-ħidma tagħha ta’ evanġelizzazzjoni, f’kontinwità mal-għana tal-imgħoddi, imma anki fil-medda wiesgħa tal-għadd ta’ espressjonijiet attwali tagħha, biex hekk tgħaddi l-fidi f’“lingwaġġ ġdid tal-parabboli”.[132]  Irid ikollna l-kuraġġ li nsibu sinjali ġodda, is-simboli ġodda, tlaħħim ġdid għat-trasmissjoni tal-Kelma, id-diversi xejriet ta’ ġmiel li jidhru f’bosta oqsma kulturali, inklużi dawk il-modi mhux konvenzjonali ta’ ġmiel, li jistgħu jidhru li jiswew ftit li xejn għall-evanġelizzaturi, imma li saru partikularment attraenti f’għajnejn l-oħrajn.

168. F’dak li għandu x’jaqsam mal-proposta morali tal-katekeżi, li tistedinna nikbru fil-fedeltà lejn l-istil ta’ ħajja tal-Vanġelu, xieraq li ħarsitna tkun dejjem lejn il-ġid mixtieq, il-proposta ta’ ħajja, ta’ maturità, ta’ realizzazzjoni, ta’ ħidma għammiela, u fid-dawl ta’ dan, l-oħrajn jifhmu għaliex aħna nistmerru l-ħażen li jista’ jxekkel din il-ħajja.  Iktar milli qisna esperti f’djanjosijiet apokalittiċi jew ġudizzji mudlama li jieħdu gost joqogħdu jindividwaw kull periklu jew devjazzjoni, aħjar iħarsu lejna bħala ħabbara hienja ta’ proposti għoljin, ħarriesa tat-tjieba u l-ġmiel li jiddu f’ħajja fidila lejn il-Vanġelu.

L-akkumpanjament personali fil-proċessi li bihom nikbru

169. F’ċivilità miġruħa fil-qiegħ nett ta’ qalbha mill-anonimat u, fl-istess ħin, iffissata fuq id-dettalji tal-ħajja tal-oħrajn, sfortunatament marida b’kurżità ossessiva, il-Knisja għandha bżonn ta’ ħarsa mill-qrib biex tikkontempla, titqanqal u tieqaf quddiem l-ieħor kull darba li jkun hemm bżonn.  B’dan il-mod il-ministri ordnati u l-operaturi pastorali l-oħra jistgħu jxerrdu l-fwieħa tal-preżenza ta’ Ġesù li jinsab dejjem qrib tagħna u tal-ħarsa personali tiegħu.  Il-Knisja jeħtieġ tlaqqa’ lill-membri tagħha – saċerdoti, reliġjużi u lajċi – ma’ din l-“arti tal-akkumpanjament”, biex ilkoll jitgħallmu dejjem jinżgħu l-qorq quddiem l-art imqaddsa tal-persuna l-oħra (ara Eż 3:5).  Jeħtieġ li l-mixja tagħna nagħtuha ritmu b’saħħtu li jqegħidha qrib tal-oħrajn, b’ħarsa mimlija rispett u ħniena imma li fl-istess ħin ikollha l-ħila tfejjaq, teħles u tħeġġeġ il-maturità fil-ħajja Nisranija.

170. Anki jekk dan jinstema’ ovvju, l-akkumpanjament spiritwali għandu jwassal dejjem iżjed għand Alla, li fih biss nistgħu naslu għall-ħelsien sħiħ tagħna.  Xi wħud jaħsbu li huma ħielsa meta jimxu mbegħdin minn Alla, bla ma jintebħu li hekk ikunu baqgħu eżistenzjalment orfni, bla ħadd għand min jistkennu, bla dar li lejha jistgħu dejjem jirritornaw.  Jieqfu jgħixu ta’ pellegrini u jinbidlu f’nies li jiġġerrew ’l hawn u ’l hemm, li jduru dejjem magħhom infushom bla ma jaslu mkien.  L-akkumpanjament jispiċċa jħalli l-effett kuntrarju jekk isir speċi ta’ terapija li iktar tfittex l-għeluq tal-persuni fl-immanenza tagħhom u ma jibqax pellegrinaġġ ma’ Kristu lejn il-Missier.

171. Iktar minn qatt qabel neħtieġu rġiel u nisa li, bl-esperjenza li għandhom fl-akkumpanjament, juruna t-triq li għandna naqbdu, fejn jispikkaw il-prudenza, il-ħila li nifhmu lill-oħrajn, l-arti tal-istennija, il-ħlewwa li tħalli l-Ispirtu jaħdem fina, biex inħarsu n-nagħġiet kollha li jafdaw ruħhom f’idejna mill-ilpup li jippruvaw jaħtfu l-merħla.  Għandna bżonn nitħarrġu fl-arti tas-smigħ, li hi iktar milli sempliċi tisma’ b’widnejk.  L-ewwel ħaġa, fil-komunikazzjoni mal-oħrajn, hi l-ħila tal-qalb li tersaq qrib ta’ ħaddieħor, li mingħajrha ma teżisti l-ebda laqgħa spiritwali vera.  Is-smigħ jgħinna nagħrfu liema hu l-ġest jew il-kelma t-tajba li tħarrikna mill-qagħda trankwilla ta’ spettaturi.  Huwa biss jekk nitilqu minn dan is-smigħ, li juri rispett u kapaċi jifhem il-qagħda tal-oħrajn, li nistgħu nsibu toroq għal maturità vera, li nistgħu nerġgħu nqanqlu fina x-xewqa tal-ideal Nisrani, il-ħeġġa li nwieġbu b’mod sħiħ għall-imħabba ta’ Alla u x-xenqa li niżviluppaw bl-aħjar mod dak li Alla żera’ fil-ħajja tagħna.  Imma dan dejjem bis-sabar ta’ min jaf dak li jgħallem San Tumas: li wieħed jista’ jkollu l-grazzja u l-imħabba, imma ma jħaddem tajjeb l-ebda waħda mill-virtujiet “minħabba xi inklinazzjonijiet kuntrarji”[133] li jippersistu fih.  Fi kliem ieħor, l-għaqda organika tal-virtujiet teżisti dejjem u neċessarjament “in habitu”, għalkemm il-kundizzjonamenti ta’ barra jistgħu jagħmlu diffiċli t-twettiq ta’ dawk id-drawwiet virtużi.  Minn hawn toħroġ il-ħtieġa ta’ “pedagoġija li twassal lill-persuni, pass wara l-ieħor, biex il-misteru jagħmluh tagħhom b’mod sħiħ”.[134]  Biex jaslu għal punt ta’ maturità, jiġifieri biex il-persuni jsiru kapaċi jieħdu deċiżjonijiet tabilħaqq ħielsa u responsabbli, bilfors hemm bżonn nagħtu ż-żmien u nimxu b’sabar kbir.  Kif kien jgħid il-Beatu Pietru Favre: “Iż-żmien hu l-messaġġier ta’ Alla”.

172. Min jimxi f’dan l-akkumpanjament jaf jagħraf li s-sitwazzjoni ta’ kull suġġett quddiem Alla u quddiem il-ħajja tal-grazzja tiegħu hi misteru li minn barra ħadd ma jista’ jifhem għalkollox.  Il-Vanġelu jipproponilna li nwiddbu u ngħinu persuna tikber billi l-ewwel nagħrfu l-ħażen oġġettiv tal-għemejjel tagħha (ara Mt 18:15), imma mingħajr ma ngħaddu ġudizzji fuq ir-responsabbiltà u l-ħtija tagħha (ara Mt 7:1; Lq 6:37).  F’kull każ, akkumpanjatur tajjeb ma jċedix għall-frustrazzjoni jew għall-biża’.  Hu dejjem jistieden lill-persuna li lilha qed jakkumpanja biex tfittex il-fejqan, terġa’ tqum, tħaddan is-salib, tħalli kollox, u toħroġ dejjem mill-ġdid biex ixxandar il-Vanġelu.  L-esperjenza personali tagħna ta’ akkumpanjament u fejqan, jekk jirnexxielna nesprimu b’sinċerità sħiħa l-ħajja tagħna quddiem min qed jakkumpanjana, tgħallimna kif nistabru u nifhmu lill-oħrajn u tagħtina l-ħila nsibu modi kif inqanqlu mill-ġdid fihom il-fiduċja, il-ftuħ u x-xewqa li jikbru.

173. L-akkumpanjament spiritwali awtentiku dejjem jibda u jimxi ’l quddiem fi ħdan qafas ta’ servizz lill-missjoni ta’ evanġelizzazzjoni.  Ir-relazzjoni ta’ Pawlu ma’ Timotju u Titu hi eżempju ta’ dan l-akkumpanjament u ta’ din il-formazzjoni tul l-azzjoni appostolika.  Hu u jafdalhom il-missjoni li jieqfu f’kull belt biex “tqassam kollox bl-ordni” (ara Tit 1:5; ara 1 Tim 1:3-5), jagħtihom xi kriterji biex imexxuhom fil-ħajja personali u l-azzjoni pastorali.  Hu ċar li dan kollu hu differenti minn kull tip ta’ akkumpanjament intimista, ta’ awtorealizzazzjoni f’iżolament.  Id-dixxipli missjunari jakkumpanjaw id-dixxipli missjunarji.

Madwar il-Kelma ta’ Alla

174. Mhux biss l-omelija għandha tixrob mill-Kelma ta’ Alla.  L-evanġelizzazzjoni kollha hi msejsa fuqha, fuq is-smigħ, il-meditazzjoni, l-għixien, iċ-ċelebrazzjoni u x-xhieda tagħha.  L-Iskrittura Mqaddsa hi għajn tal-evanġelizzazzjoni.  Għalhekk, jeħtieġ nitrawmu kontinwament fis-smigħ tal-Kelma.  Il-Knisja ma tistax tevanġelizza jekk ma tiġix kontinwament evanġelizzata.  Hu indispensabbli li l-Kelma ta’ Alla “issir dejjem iżjed il-qalba ta’ kull ħidma tal-Knisja”.[135]  Il-Kelma ta’ Alla mismugħa u ċċelebrata, fuq kollox fl-Ewkaristija, titma’ u tqawwi minn ġewwa lill-Insara u timliehom bil-ħila li jagħtu xhieda awtentika tal-Vanġelu fil-ħajja ta’ kuljum.  Sal-lum issuperajnieh għalkollox dak il-kuntrast qadim bejn Kelma u Sagrament.  Il-Kelma mħabbra, ħajja u effikaċi, tħejjina biex nirċievu s-Sagrament, u fis-Sagrament din il-Kelma tilħaq l-ogħla effikaċja tagħha.

175. L-istudju tal-Iskrittura Mqaddsa għandu jkun bieb miftuħ għal kull min jemmen.[136]  Hu fundamentali li mill-Kelma rivelata jistagħnew il-katekeżi u l-isforzi kollha għat-trasmissjoni tal-fidi.[137] L-evanġelizzazzjoni titlob il-familjarità mal-Kelma ta’ Alla u dan ifisser li d-djoċesijiet, il-parroċċi u l-għaqdiet Kattoliċi kollha jipproponu studju serju u fit-tul tal-Bibbja, waqt li jippromovu wkoll il-qari personali u komunitarju tagħha f’ambjent ta’ talb.[138]  Aħna ma nfittxux lil Alla billi niġġerrew fid-dlam, lanqas għandna noqogħdu nistennew lil Alla jitkellem hu, għax fil-verità “Alla diġà tkellem, m’għadux iżjed dak l-essri kbir mhux magħruf, imma wera lilu nnifsu”.[139]  Nilqgħuh dan it-teżor wisq għoli tal-Kelma rivelata.
 

IR-RABA’ KAPITLU

ID-DIMENSJONI SOĊJALI TAL-EVANĠELIZZAZZJONI

176. Nevanġelizzaw ifisser nagħmlu s-Saltna ta’ Alla preżenti fid-dinja.  Imma “kull definizzjoni parzjali jew ta’ xi aspett wieħed li tipprova tixħet id-dawl fuq l-evanġelizzazzjoni fir-rikezza kollha, fil-komplessità u d-dinamiżmu tagħha, tkun qiegħda tfaqqarha u saħansitra tgħawwiġha”.[140]  Issa nixtieq naqsam magħkom it-tħassib tiegħi dwar id-dimensjoni soċjali tal-evanġelizzazzjoni sewwasew għax, jekk din id-dimensjoni ma toħroġx kif imiss, inkunu qegħdin dejjem nirriskjaw li ngħawġu t-tifsira awtentika u sħiħa tal-missjoni tal-evanġelizzazzjoni.

I. L-effetti komunitarji u soċjali tal-kerygma

177. Hu ċar li l-kerygma għandha kontenut soċjali: fl-istess qalba tal-Vanġelu hemm il-ħajja komunitarja u l-impenn fil-konfront tal-oħrajn.  Il-kontenut tal-ewwel tħabbira immedjatament iħalli riperkussjoni morali li l-qalba tagħha hi l-karità.

Stqarrija tal-fidi u impenn soċjali

178. Jekk nistqarru Missier li jħobb bla heda lil kull wieħed u waħda mill-bnedmin, dan jitlob minna li niskopru li “b’dan stess hu diġà qed jagħtih dinjità li tibqa’ għal dejjem”.[141]  Nistqarru li l-Iben ta’ Alla ħa l-laħam tal-ġisem tagħna ta’ bnedmin ifisser li kull bniedem ġie mgħolli għall-istess qalb ta’ Alla.  Jekk nistqarru li Ġesù xerred demmu għalina, dan iżommna milli jkollna l-iċken dubju dwar l-imħabba bla tarf li tgħolli lil kull bniedem.  Il-fidwa tiegħu għandha tifsira soċjali għax “fi Kristu, Alla mhux biss jifdi lil kull persuna, imma anki r-relazzjonijiet soċjali bejn il-bnedmin”.[142]  Jekk nistqarru li l-Ispirtu s-Santu jaħdem f’kulħadd, irridu nagħrfu li Hu jfittex li jindiehes f’kull qagħda umana u fis-sqaqien soċjali kollha: “L-Ispirtu s-Santu għandu kreattività bla tarf, ħaġa li l-moħħ ta’ Alla biss jista’ jkollu, li taf issolvi u tħoll l-għoqiedi tal-kwistjonijiet tal-bnedmin, anki dawk l-iżjed ikkumplikati u li diffiċli ssibilhom tarfhom”.[143]  L-evanġelizzazzjoni tfittex li tikkopera anki ma’ din l-azzjoni ħelliesa tal-Ispirtu.  L-istess misteru tat-Trinità jfakkarna li aħna ġejna maħluqa fix-xbieha tal-komunjoni divina, u għalhekk ma nistgħux nirrealizzaw ruħna u lanqas insalvaw waħidna.  Fil-qalba tal-Vanġelu nagħrfu r-rabta mill-qrib bejn evanġelizzazzjoni u promozzjoni umana, li bilfors trid tesprimi ruħha u tiżviluppa fil-ħidma kollha tal-evanġelizzazzjoni.  L-aċċettazzjoni tal-ewwel tħabbira, li tistedinna nħallu lil Alla jħobbna u nħobbuh bl-istess imħabba li Hu jagħtina, tqanqal fil-ħajja tal-persuna u fl-għemejjel tagħha l-ewwel reazzjoni fundamentali: li tixtieq, tfittex u jkollha għal qalbha l-ġid tal-oħrajn.

179. Din ir-rabta li ma tinħallx bejn il-laqgħa tat-tħabbira tal-fidwa u mħabba effettiva bejn l-aħwa hi espressa f’xi testi tal-Iskrittura li tajjeb inqisu u nimmeditaw b’attenzjoni biex nifhmu l-konsegwenzi kollha tagħhom.  Qed nitkellmu dwar messaġġ li sikwit nidrawh, intennuh kważi mekkanikament, imma mingħajr ma niżguraw ruħna li qed iħalli effett veru fuq il-ħajja tagħna u fuq il-komunitajiet tagħna.  X’periklu u xi ħsara ssir meta nidraw l-affarijiet, u hekk nispiċċaw nitilfu s-sens ta’ stagħġib, is-seħer, il-ħeġġa li ngħixu l-Vanġelu tal-fraternità u tal-ġustizzja!  Il-Kelma ta’ Alla tgħallimna li f’ħuna hemm għal kull wieħed u waħda minna l-prolungament permanenti tal-Inkarnazzjoni: “Kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40).  Dak li nagħmlu mal-oħrajn għandu dimensjoni traxxendenti: “Bl-istess kejl li tkejlu intom, jitkejjel lilkom” (Mt 7:2); u hu tweġiba għall-ħniena li Alla wera magħna: “Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom.  Tiġġudikawx, u ma tkunux iġġudikati; tikkundannawx, u ma tkunux ikkundannati; aħfru, u ssibu l-maħfra; agħtu, u jingħatalkom […]  Bl-istess kejl li tkejlu intom jitkejjel lilkom” (Lq 6:36-38).  Dak li jesprimu dawn it-testi hu l-prijorità assoluta tal-“ħruġ minna nfusna lejn ħutna” bħala wieħed miż-żewġ kmandamenti ewlenin li fuqhom hi msejsa kull norma morali u bħala s-sinjal l-iżjed ċar għad-dixxerniment tagħna dwar il-mixja li fiha nikbru spiritwalment fi tweġiba għall-għotja kollha kemm hi b’xejn ta’ Alla.  Għalhekk ukoll “anki s-servizz tal-karità hu dimensjoni kostituttiva tal-missjoni tal-Knisja u espressjoni tal-essenza tagħha li ma tistax iżżomm lura minnha”.[144]  Kif il-Knisja min-natura tagħha hi missjunarja, hekk minn din in-natura ma tistax ma toħroġx il-karità effettiva mal-proxxmu, il-ħniena li kapaċi tifhem, tassisti u tippromovi.

Is-Saltna li ssejħilna

180. Mill-qari tal-Iskrittura joħroġ iżjed ċar li l-proposta tal-Vanġelu ma tikkonsistix biss f’relazzjoni personali ma’ Alla.  U lanqas it-tweġiba tagħna ta’ mħabba m’għandna nifhmuha bħala sempliċi ġabra ta’ ġesti personali ċkejknin ma’ xi individwu fil-bżonn, li tista’ tieħu l-bixra ta’ “karità à la carte”, serje ta’ għemejjel bil-ħsieb biss li nserrħu l-kuxjenza tagħna.  Il-proposta hi s-Saltna ta’ Alla (Lq 4:43); hawn qed nitkellem dwar l-imħabba lejn Alla li jsaltan fid-dinja.  Skont kemm Hu jsaltan fostna, il-ħajja soċjali ssir spazju ta’ fraternità, ta’ ġustizzja, ta’ paċi, ta’ dinjità għal kulħadd.  Għalhekk, sew it-tħabbira u sew l-esperjenza Nisranija għandhom l-għan li jqanqlu konsegwenzi soċjali.  Infittxu s-Saltna tiegħu: “Mela fittxu l-ewwel is-Saltna u l-ġustizzja ta’ Alla, u dan kollu jingħatalkom ukoll” (Mt 6:33).  Il-pjan ta’ Ġesù hu li jwaqqaf is-Saltna ta’ Missieru; Hu jitlob hekk mid-dixxipli tiegħu: “Xandru u għidu li s-Saltna tas-Smewwiet waslet” (Mt 10:7).

181. Is-Saltna li diġà tinsab u qed tikber fostna tolqot il-ħajja kollha u tfakkarna f’dak il-prinċipju ta’ dixxerniment li Pawlu VI ippropona f’rabta mal-iżvilupp veru: “Kull bniedem u l-bniedem sħiħ”.[145]  Nafu li “l-evanġelizzazzjoni ma tkunx sħiħa jekk ma tagħtix kas ta’ kif jolqtu lil xulxin il-Vanġelu u l-ħajja konkreta tal-bniedem, sew bħala individwu, sew bħala membru tas-soċjetà”.[146]  Hemm kriterju ta’ universalità, li hu propju tad-dinamika tal-Vanġelu, ladarba l-Missier jixtieq li l-bnedmin kollha jsalvaw u l-pjan tiegħu ta’ salvazzjoni jikkonsisti f’li jiġbor kollox mill-ġdid, kemm il-ħwejjeġ tas-sema u kemm dawk tal-art, taħt Mulej wieħed, li hu Kristu (ara Efes 1:10).  Il-mandat hu: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu” (Mk 16:15), għax “il-ħlejjaq kollha qegħdin jistennew ħerqana r-rivelazzjoni ta’ wlied Alla” (Rum 8:19).  Il-ħolqien kollu jfisser anki l-aspetti kollha tan-natura umana, hekk li “il-missjoni tax-xandir tal-Aħbar it-Tajba ta’ Ġesù Kristu għandha destinazzjoni universali.  Il-mandat tagħha ta’ mħabba jħaddan id-dimensjonijiet kollha tal-eżistenza, il-bnedmin kollha, l-ambjenti kollha fejn jgħixu n-nies u l-ġnus kollha.  Xejn minn dak kollu li hu uman ma jista’ jkun barrani għalih”.[147]  It-tama Nisranija vera, li tfittex is-Saltna eskatoloġika, dejjem toħloq l-istorja.

It-tagħlim tal-Knisja dwar il-kwistjonijiet soċjali

182. It-tagħlim tal-Knisja dwar is-sitwazzjonijiet ta’ żmienna hu suġġett għal żviluppi akbar jew ġodda u jista’ jkunu oġġett ta’ diskussjoni, imma ma nistgħux nevitaw li nkunu konkreti – mingħajr ma nippretendu li nistgħu nidħlu f’ħafna rqaqat – biex hekk il-prinċipji soċjali l-kbar ma jibqgħux biss indikazzjonijiet ġenerali li ma jċaqalqu xejn.  Hemm bżonn nifhmu liema huma l-kosegwenzi prattiċi tagħhom biex “jistgħu jħallu effett effikaċi anki fuq is-sitwazzjonijiet kumplessi ta’ żmienna”.[148]  Ir-Rgħajja, waqt li jilqgħu l-kontribut li jagħtu f’dan il-qasam id-diversi xjenzi, għandhom id-dritt li jesprimu l-fehmiet tagħhom fuq dak kollu li jolqot il-ħajja tan-nies, la l-evanġelizzatur hu marbut mid-dmir li jippromovi b’mod sħiħ lil kull bniedem.  Ma jistax jingħad iżjed li r-reliġjon għandha tillimita ruħha għall-qafas privat u li qiegħda hemm biss biex tipprepara l-erwieħ għall-Ġenna.  Nafu li Alla jixtieq il-ferħ ta’ wliedu anki fuq din l-art, anki jekk huma msejħa għall-milja tal-ħajja ta’ dejjem, għax Hu ħalaq kollox “biex ingawdu bih” (1 Tim 6:17), biex kulħadd jista’ jgawdih.  Dan ifisser li l-konverżjoni Nisranija titlob minna li nikkunsidraw mill-ġdid “speċjalment dak kollu li jolqot l-ordni soċjali u t-tiftix tal-ġid komuni”.[149]

183. B’konsegwenza ta’ dan, ħadd ma jista’ jistenna minna li nillimitaw ir-reliġjon għall-intimità sigrieta ta’ bejn il-persuni, mingħajr ebda influwenza fuq il-ħajja soċjali u nazzjonali, mingħajr ma nagħtu kas tas-saħħa tal-istituzzjonijiet tas-soċjetà ċivili, mingħajr ma nesprimu ruħna fuq il-ġrajjiet li jinteressaw iċ-ċittadini.  Min se jindenja jagħlaq f’tempju u jsikket il-messaġġ ta’ San Franġisk ta’ Assisi u tal-Beata Teresa ta’ Calcutta?  Kieku huma ma kinux jaċċettaw.  Fidi awtentika – li qatt ma tfittex il-kumdità jew hi individwalista – timplika dejjem xewqa profonda li nibdlu d-dinja, li nittrasmettu l-valuri, li nħallu xi ħaġa aħjar warajna fid-dinja.  Inħobbu din il-pjaneta mill-isbaħ li fuqha qegħidna Alla, u nħobbu l-umanità li tgħammar fiha, bit-traġedji u l-qtigħ il-qalb tagħha, bix-xewqat u t-tamiet tagħha, bil-valuri u d-dgħufijiet tagħha.  Id-dinja hi d-dar komuni tagħna u fiha lkoll aħna aħwa.  Anki jekk “l-ordni ġust tas-soċjetà u tal-Istat huwa dmir ċentrali tal-politika”, il-Knisja “la tista’ u lanqas għandha twarrab fil-ġenb mit-tħabrik biex ikollna l-ġustizzja”.[150]  L-Insara kollha, anki r-Rgħajja, huma msejħa jieħdu ħsieb jibnu dinja aħjar.  Fuq dan qed nitkellmu, għax il-ħsieb soċjali tal-Knisja hu qabelxejn pożittiv u propożittiv, jorjenta lejn azzjoni li ġġib bidla, u f’dan is-sens ma jehdiex ikun sinjal ta’ tama ħierġa mill-qalb mimlija mħabba ta’ Ġesù Kristu.  Fl-istess waqt, tgħaqqad “l-impenn tagħha ma’ dak li jwettqu fil-kamp soċjali Knejjes u Komunitajiet Ekkleżjali oħra, kemm fuq livell ta’ riflessjoni duttrinali u kemm fuq livel prattiku”.[151]

184. Hawn mhux il-lok li noqogħdu niftħu fuq il-kwistjonijiet kbar soċjali li qed jolqtu d-dinja tal-lum, li xi wħud minnhom diġà kkummentajt fuqhom fit-tieni kapitlu.  Dan mhux dokument soċjali, u biex nirriflettu fuq dawk id-diversi tematiċi aħjar nagħmlu użu minn għodda tajba ħafna li hi dik tal-Kompendju tad-Duttrina Soċjali tal-Knisja, li tassew nirrikkmanda l-użu u l-istudju tiegħu.  Iktar minn hekk, la l-Papa u lanqas il-Knisja m’għandhom f’idejhom il-monopolju tal-interpretazzjoni tar-realtajiet soċjali jew tal-proposta ta’ soluzzjonijiet għall-problemi ta’ żmienna.  Nista’ hawn intenni dak li b’mod hekk ċar uriena Pawlu VI: “Quddiem qagħdiet hekk differenti minn xulxin, diffiċli llissnu kelma waħda u nissuġġerixxu soluzzjoni ta’ valur universali.  Mill-bqija, din la hi l-ambizzjoni u lanqas il-missjoni tagħna.  Huma l-komunitajiet Insara li jridu janalizzaw b’mod oġġettiv is-sitwazzjoni ta’ pajjiżhom”.[152]

185. F’dan li ġej sa nipprova nikkonċentra fuq żewġ kwistjonijiet kbar li jidhirli li huma fundamentali f’dan il-punt tal-istorja.  Se niżviluppahom b’mod usa’ għax nemmen li huma determinanti għall-futur tal-umanità.  Qed nitkellem, l-ewwel nett, dwar l-inklużjoni soċjali tal-foqra, u mbagħad, fuq il-paċi u d-djalogu soċjali.

II. L-inklużjoni soċjali tal-foqra

186. Mill-fidi tagħna fi Kristu li sar fqir, u kien dejjem qrib tal-foqra u l-imwarrbin, tiġi l-għożża tagħna għall-iżvilupp sħiħ ta’ dawk l-aktar imwarrbin mis-soċjetà.

Magħqudin ma’ Alla, nisimgħu karba

187. Kull Nisrani u kull komunità huma msejħa jkunu għodda f’idejn Alla għall-ħelsien u l-promozzjoni tal-foqra, biex hekk dawn jistgħu jintegraw ruħhom għalkollox fis-soċjetà; dan jitlob li nkunu doċli u attenti biex nistgħu nisimgħu l-karba tal-fqir u nħaffu ngħinuh.  Biżżejjed inqallbu l-Iskrittura biex niskopru kif il-Missier twajjeb jixtieq jisma’ l-karba tal-foqra: “Rajt it-tbatija tal-poplu tiegħi fl-Eġittu.  U jien smajt il-karba tagħhom minħabba fl-argużini tagħhom u għaraft l-uġigħ tagħhom.  Issa nżilt biex neħlishom…  Ejja, mela, ħa nibagħtek!” (Eż 3:7-8,10), u hu attent għall-bżonnijiet tagħhom: “U wlied Israel għajtu lill-Mulej, u l-Mulej qajmilhom salvatur” (Mħ 3:15).  Jekk insoddu widnejna għal dik il-karba, meta aħna l-għodda ta’ Alla biex jisma’ lill-foqra, nibqgħu barra mir-rieda ta’ Alla u mill-pjan tiegħu, għax dak il-fqir “jgħajjat lill-Mulej kontra tiegħek u int ikollok ħtija” (Dewt 15:9).  U n-nuqqas ta’ solidarjetà mal-bżonnijiet tiegħu jolqot direttament ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla: “Jekk wieħed jisħtek bl-imrar f’qalbu, it-talba tiegħu jismagħha l-Ħallieq tiegħu” (Sir 4:6).  Tirritorna dejjem il-mistoqsija qadima: “Mela jekk wieħed għandu biex jgħix fid-dinja u jara ’l ħuh fil-bżonn u jagħlaq qalbu għalih, kif tista’ l-imħabba ta’ Alla tgħammar fih?” (1 Ġw 3:17).  Niftakru wkoll b’liema konvinzjoni l-Appostlu Ġakbu jaqbad mill-ġdid ix-xbieha tal-karba tal-imġarrbin: “Ara, il-ħlas tal-ħaddiema li ħasdu l-għelieqi tagħkom – ħlas li intom żammejtuhulhom bil-qerq – qiegħed jgħajjat kontra tagħkom, u l-biki ta’ dawk li ħasdu wasal f’widnejn il-Mulej tal-eżerċti” (5:4).

188. Il-Knisja għarfet li l-ħtieġa li tisma’ din il-karba ġejja mill-istess ħidma ħelliesa tal-grazzja li hemm f’kull wieħed u waħda minna, fejn għalhekk m’aħniex nitkellmu dwar missjoni riservata biss għal xi wħud: “Il-Knisja, imdawla mill-Vanġelu tal-ħniena u tal-imħabba għall-bniedem, tisma’ l-karba għall-ġustizzja u trid twieġeb għaliha bil-qawwa kollha tagħha”.[153]  F’dan il-kwadru nifhmuha t-talba ta’ Ġesù lid-dixxipli tiegħu: “Agħtuhom intom x’jieklu” (Mk 6:37), u dan jitlob sew il-kollaborazzjoni biex insolvu l-kawżi strutturali tal-faqar u biex inxettlu l-iżvilupp sħiħ ta’ min hu fqir, u sew il-ġesti l-iżjed sempliċi u ta’ kuljum ta’ solidarjetà quddiem il-miżerji l-aktar konkreti li niltaqgħu magħhom.  Il-kelma “solidarjetà” tilfet xi ftit mill-qawwa tagħha u xi kultant tinftiehem ħażin, għax fil-verità hi tfisser wisq aktar minn xi azzjoni ta’ ġenerożità ’l hawn u ’l hemm.  Titlob li noħolqu mentalità ġdida li taħseb f’termini ta’ komunità, fejn, f’konfront mal-ġid f’idejn il-ftit, il-prijorità hi l-ħajja ta’ kulħadd flimkien.

189. Is-solidarjetà hi reazzjoni spontanja ta’ min jagħraf li l-funzjoni soċjali tal-propjetà u d-destinazzjoni universali tal-ġid huma realtajiet li jiġu qabel il-propjetà privata.  Il-pussess privat tal-ġid hu ġġustifikat jekk dan il-ġid nieħdu ħsiebu u nkattruh b’mod li jservi aħjar għall-ġid komuni, u għalhekk is-solidarjetà rridu ngħixuha bħala d-deċiżjoni li nagħtu lura lill-fqir dak li hu tiegħu.  Dawn il-konvinzjonijiet u prattiċi ta’ solidarjetà, meta nlaħħmuhom f’għemejjel, jiftħu t-triq għal bidliet oħra strutturali u jagħmluhom possibbli.  Bidla fl-istrutturi li ma toħloqx konvinzjonijiet u mġibiet ġodda tispiċċa twassal biex dawn l-istess strutturi llum jew għada jsiru korrotti, peżanti u bla frott ta’ xejn.

190. Xi kultant dan ifisser li rridu niftħu widnejna għall-karba ta’ popli sħaħ, tal-popli l-iżjed foqra fuq l-art, għax “il-paċi titwaqqaf mhux biss fuq ir-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem, imma anki fuq dak lejn id-drittijiet tal-popli”.[154]  Bi swied il-qalb ngħidu li saħansitra d-drittijiet umani jistgħu jintużaw bħala ġustifikazzjoni għal difiża ħarxa tad-drittijiet individwali jew tad-drittijiet tal-popli l-aktar għonja.  Waqt li nirrispettaw l-indipendenza u l-kultura ta’ kull nazzjon, irridu nżommu f’moħħna dejjem li din il-pjaneta hi tal-umanità kollha, u li s-sempliċi fatt li twieldu f’post li għandu inqas riżorsi jew inqas żvilupp, ma jiġġustifikax li xi wħud jgħixu b’inqas dinjità minn oħrajn.  Hemm bżonn intennu li “dawk li huma iżjed xortihom tajba għandhom iċedu xi wħud mill-jeddijiet tagħhom biex b’ġenerożità akbar iqiegħdu l-ġid tagħhom għas-servizz tal-oħrajn”.[155]  Biex nistgħu nitkellmu kif jixraq dwar id-drittijiet tagħna, irridu nwessgħu aktar ħarsitna u niftħu widnejna għall-karba ta’ ġnus oħra jew ta’ reġjuni oħra ta’ pajjiżna.  Jeħtieġ nikbru f’solidarjetà b’mod li “titħalla lill-popli kollha s-setgħa li kull wieħed, biex ngħidu hekk, ifassal id-destin tiegħu”,[156] l-istess kif “kull bniedem jitwieled biex jiżviluppa ruħu”.[157]

191. Imħeġġa mir-Rgħajja tagħhom, l-Insara, f’kull post u ċirkustanza, huma msejħa jisimgħu l-karba tal-foqra, kif affermaw tant tajjeb l-Isqfijiet tal-Brażil: “Nixtiequ nagħmlu tagħna, ta’ kuljum, il-ferħ u t-tamiet, it-tbatijiet u n-niket tal-poplu Brażiljan, speċjalment ta’ dawk li jgħixu fil-periferiji tal-ibliet u taz-zoni rurali – bla art tagħhom, bla saqaf fuq rashom, bla ħobż x’jieklu, bla saħħa – imċaħħda mill-jeddijiet tagħhom.  Meta naraw il-miżerji tagħhom, nisimgħu l-karbiet tagħhom u nifhmu t-tbatija tagħhom, niskandalizzaw ruħna meta nafu li hemm ikel biżżejjed għal kulħadd u li l-ġuħ ġej minħabba t-tqassim ħażin tal-ġid u tal-qligħ.  Il-problema tikber bil-prattika ġenerali tal-ħela”.[158]

192. Imma xorta nixtiequ aktar minn hekk, il-ħolma tagħna ttir iżjed fl-għoli.  M’aħniex nitkellmu biss fuq li niżguraw l-ikel jew “manteniment xieraq” lil kulħadd, imma wkoll fuq il-“prosperità fl-aspetti diversi tagћha”.[159]  Dan jitlob li jkun hemm edukazzjoni, aċċess għas-servizzi tas-saħħa, u speċjalment xogħol, għax fix-xogħol ħieles, kreattiv, parteċipattiv u solidali, il-bniedem jesprimi u jikber fid-dinjità li jagħti lil ħajtu.  B’paga xierqa wieħed jista’ jkollu aċċess għal ġid ieħor li qiegħed hemm biex jintuża minn kulħadd.

Fedeltà lejn il-Vanġelu biex ma niġrux għalxejn

193. Il-ħtieġa li nisimgħu l-karba tal-foqra titlaħħam fina meta fil-ġewwieni nett tal-qalb tagħna nħallu tqanqalna t-tbatija tal-oħrajn.  Naqraw mill-ġdid xi tagħlim li tagħtina l-Kelma ta’ Alla fuq il-ħniena, biex jerġa’ jidwi mill-ġdid bil-qawwa fil-ħajja tal-Knisja.  Il-Vanġelu jipproklama: “Henjin dawk li jħennu, għax huma jsibu ħniena” (Mt 5:7).  L-Appostlu Ġakbu jgħallem li l-ħniena mal-oħrajn toħroġna rebbieħa fil-ġudizzju divin: “Hekk għandkom titkellmu u hekk għandkom iġġibu ruħkom, bħallikieku wasaltu biex isir ħaqq minnkom taħt liġi ta’ ħelsien.  Għax il-ħaqq ikun bla ħniena għal min ma jurix ħniena; u l-ħniena tirbaħ fuq il-ħaqq” (2:12-13).  F’din is-silta, Ġakbu juri li hu werriet tal-għana kbir tal-ispiritwalità Lhudija ta’ wara l-Eżilju, li lill-ħniena kienet tagħtiha valur salvifiku għoli: “Infatam minn ħtijietek b’għemejjel tajba, u minn ħżunitek, billi tħenn għall-imsejknin; żgur jitwal għalik żmien ir-riżq” (Dan 4:24).  F’din l-istess prospettiva, il-letteratura sapjenzali titkellem dwar l-elemożina bħala tħaddim konkret tal-ħniena ma’ min hu fil-bżonn: “Il-karità teħilsek mill-mewt, u tnaddfek minn kull dnub” (Tob 12:9).  Din l-idea nsibuha espressa b’mod aktar tanġibbli f’Bin Sirak: “L-ilma jitfi nar iħeġġeġ, u l-karità tagħmel tajjeb għad-dnubiet” (3:30).  L-istess sintesi nsibuha fit-Testment il-Ġdid: “Fuq kollox, ħa jkollkom imħabba sħiħa lejn xulxin, għax l-imħabba tgħatti kotra ta’ dnubiet” (1 Pt 4:8).  Din il-mentalità nifdet bil-qawwa kollha l-ħsieb ta’ Missirijiet il-Knisja u serviet bħala reżistenza profetika, bħala alternattiva kulturali, quddiem l-individwaliżmu edonista pagan.  Insemmu biss eżempju wieħed: “Kif, fil-periklu ta’ ħruq, inħaffu nfittxu l-ilma biex nitfuh, […] bl-istess mod, jekk minn qalb il-qatet tat-tiben tagħna titfaċċa l-fjamma tad-dnub u din il-ħaġa ddejjaqna, malli tiġi quddiemna okkażjoni ta’ opra ta’ ħniena, nifirħu biha bħallikieku kienet għajn ta’ ilma li qed joffrulna biex nistgħu nitfu n-nirien”.[160]

194. Hu messaġġ tassew ċar, hekk dirett, hekk sempliċi u elokwenti, li l-ebda ermenewtika ekkleżjali m’għandha d-dritt tirrelativizza.  Ir-riflessjoni tal-Knisja fuq dawn it-testi m’għandhiex iddallam jew iddgħajjef is-sens eżortattiv tagħhom, imma pjuttost tgħinna biex bil-kuraġġ u ż-żelu kollha nagħmluhom tagħna.  Għaliex nikkumplikaw dak li hu hekk sempliċi?  L-għodda konċettwali qiegħda hemm biex tiffavorixxi l-kuntatt mar-realtà li trid tispjega aħjar u mhux biex tbegħidna minnha.  Dan jgħodd fuq kollox għat-twissijiet tal-Iskrittura li b’tant qawwa jistednuna għall-imħabba tal-aħwa, għas-servizz umli u ġeneruż, għall-ġustizzja, għall-ħniena mal-fqir.  Ġesù, bil-kliem u l-ġesti tiegħu, uriena liema hi din il-mixja li fiha nistgħu nagħrfu lill-oħrajn.  Għaliex indallmu dak li hu daqshekk ċar?  Mhux biss għandna naraw li ma naqgħux fi żbalji duttrinali, imma anki li nibqgħu fidili lejn din il-mixja mdawla ta’ ħajja u ta’ għerf.  Għax “xi kultant huma d-difensuri ‘tal-ortodossija’ li jiġu mċanfra minħabba fil-passività, it-tolleranza żejda, u l-kompliċità ħatja tagħhom quddiem sitwazzjonijiet intollerabbli ta’ inġustizzja u r-reġimi politiċi li jippermettuhom”.[161]

195. Meta San Pawl mar qagħad mal-Appostli f’Ġerusalemm biex jiddixxerni tajjeb jekk kienx qed jiġri żżejjed jew kienx ġera għalxejn (ara Gal 2:2), il-kriterju-muftieħ ta’ awtentiċità li wrewh kien li ma jinsiex il-foqra (ara Gal 2:10).  Dan il-kriterju kbir, biex il-komunitajiet imwaqqfa minn Pawlu ma jinġarrux mill-istil ta’ ħajja individwalista tal-pagani, jgħodd ħafna fil-kuntest ta’ żmienna, fejn it-tendenza hi li jinbet paganiżmu individwalista ġdid.  Aħna mhux dejjem ħa nkunu kapaċi nuru bl-aħjar mod l-istess ġmiel tal-Vanġelu, imma hemm sinjal li m’għandu qatt jonqos: l-għażla favur l-aħħar fost iċ-ċkejknin, favur dawk li s-soċjetà tbarri u tarmi.

196. Xi kultant aħna iebsin wisq f’qalbna u fi ħsiebna, ninsew, naljenaw rasna, ninġarru mill-possibbiltajiet bla tarf tal-konsum u ta’ distrazzjoni li toffrilna din is-soċjetà.  Hekk tinħoloq speċi ta’ aljenazzjoni li tolqot lil kulħadd, għax “soċjetà hi aljenata jekk il-forom tagħha ta’ organizzazzjoni soċjali jew ta’ produzzjoni u ta’ konsum, jagħmluha aktar iebsa li tingħata ħa jkun hemm solidarjetà bejn il-popli”.[162]

Il-post ipprivileġġjat tal-foqra fi ħdan il-Poplu ta’ Alla

197. Fil-qalb ta’ Alla hemm post preferenzjali għall-foqra, tant li Hu nnifsu “ftaqar” (2 Kor 8:9).  Il-mixja kollha tal-fidwa tagħna hi mmarkata mill-foqra.  Din il-fidwa waslitilna permezz tal-“iva” ta’ xbejba umli minn raħal ċkejken mitluf xi mkien fit-trufijiet ta’ imperu kbir.  Il-Feddej twieled f’maxtura, qalb il-bhejjem, kif kien jiġri fil-każ ta’ wlied dawk l-aktar foqra; ġie ppreżentat fit-Tempju ma’ par gamiem, l-offerta ta’ dawk li ma kellhomx biex jixtru ħaruf (ara Lq 2:24; Lev 5:7); kiber f’dar ta’ ħaddiema sempliċi u ħadem b’idejh stess biex seta’ jaqla’ x’jiekol.  Meta beda jħabbar il-wasla tas-Saltna, warajh ġrew folol kbar ta’ dawk li huma għerja minn kollox, u hekk wera dak li Hu stess kien qal: “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi, għax hu kkonsagrani.  Bagħatni nwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin” (Lq 4:18).  Lil dawk li kienu milquta mit-tbatija, imjassra mill-faqar, hu żgurahom li Alla kien qed iżommhom fil-qalba ta’ qalbu: “Henjin il-foqra fl-ispirtu, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet” (Lq 6:20); u magħhom identifika ruħu: “Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni”, u hekk għallem li l-ħniena lejhom hi l-muftieħ għas-Sema (ara Mt 25:35s).

198. Għall-Knisja, l-għażla favur il-foqra hi kategorija teoloġika qabel ma hi kulturali, soċjoloġika, politika jew filosofika.  Alla lilhom irodd “l-ewwel ħniena tiegħu”.[163]  Din il-preferenza divina għandha konsegwenzi fuq il-ħajja tal-fidi tal-Insara kollha, imsejħa biex “jaħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù” (Fil 2:5).  Imdawla minnha, il-Knisja għamlet għażla favur il-foqra li hi “sura speċjali ta’ dak li għandu jiġi l-ewwel fl-eżerċizzju tal-imħabba Nisranija, kif tixhed it-tradizzjoni tal-Knisja”.[164]  Din l-għażla – għallimna Benedittu XVI – “hi impliċita fil-fidi Kristoloġika f’dak Alla li għalina sar fqir, biex bil-faqar tiegħu nistagħnew aħna”.[165]  Hu għalhekk li jien nixtieq Knisja fqira għall-foqra.  Huma għandhom ħafna x’jgħallmuna.  Barra li għandhom sehem fis-sensus fidei, bit-tbatijiet tagħhom huma jiltaqgħu ma’ Kristu li jbati.  Hemm bżonn li lkoll kemm aħna nħallu lilhom jevanġelizzawna.  L-evanġelizzazzjoni ġdida hi stedina biex nagħrfu l-qawwa feddejja tal-ħajjiet tagħhom u nqiegħduhom fil-qalba tal-mixja tal-Knisja.  Aħna fihom imsejħin niskopru lil Kristu, noffrulhom il-vuċi tagħna favur il-kawżi tagħhom, imma anki li nkunu ħbieb tagħhom, nisimgħuhom, nifhmuhom u nilqgħu l-għerf misterjuż li Alla jrid iwasslilna permezz tagħhom.

199. L-impenn tagħna m’għandux jissarraf esklussivament f’għemejjel u fi programmi ta’ promozzjoni u għajnuna; dak li l-Ispirtu jqanqal mhux attiviżmu żejjed, imma qabelxejn attenzjoni għall-ieħor “billi nqisuh qisu kien ħaġa waħda magħna nfusna”.[166]  Din l-attenzjoni ta’ mħabba hi l-bidu ta’ tħassib veru għall-persuna tiegħu u rridu nitilqu minnha biex nistgħu nfittxu b’mod effettiv il-ġid tiegħu.  Dan jitlob minna li napprezzaw lill-fqir fl-istess tjieba tiegħu, b’dak li hu, bil-kultura tiegħu, bil-mod kif jgħix il-fidi.  L-imħabba awtentika dejjem hi kontemplattiva, tagħtina li naqdu lill-ieħor mhux għall-bżonn jew b’vanità, imma għax il-persuna l-oħra hi sabiħa, lil hemm mid-dehra ta’ barra.  “Mill-imħabba li biha nsibu gost fil-persuna l-oħra jiġi li noffrulha xi ħaġa b’xejn”.[167]  Il-fqir, meta hu maħbub, “hu  meqjus ta’ valur għoli”,[168] u dan li jagħmel differenti l-għażla vera favur il-foqra minn ideoloġija oħra, kienet li kienet, minn kull tentattiv li jintużaw il-foqra għas-servizz ta’ interessi personali jew politiċi.  Lill-foqra nistgħu biss inseħbuhom tabilħaqq fil-mixja ta’ ħelsien tagħhom jekk infittxu li nkunu qrib tagħhom tassew bi mħabba.  Dan biss jagħmilha possibbli li “il-fqar f’kull komunità jħossuhom ‘f’darhom’.  Ma jkunx dan l-aħjar mod u l-aktar wieħed effettiv kif nippreżentaw l-aħbar it-tajba u tas-Saltna?”.[169]  Mingħajr l-għażla preferenzjali għall-iżjed foqra, “l-aħbar it-tajba tal-Vanġelu, li fiha nfisha hija l-ewwel forma ta’ karità, tkun fil-periklu li tkun mifhuma ħażin jew li tkun maħnuqa minn kwantità ta’ kliem li bih ninsabu mdawrin fis-soċjetà ta’ komunikazzjoni fi żmienna”.[170]

200. Ladarba din l-Eżortazzjoni hi indirizzata lill-membri tal-Knisja Kattolika, bi swied il-qalb nixtieq ngħid li l-agħar diskriminazzjoni li qed issir mal-foqra hi n-nuqqas ta’ attenzjoni spiritwali.  Il-parti l-kbira tal-foqra huma qalbhom miftuħa b’mod speċjali għall-fidi; għandhom bżonn ta’ Alla u ma nistgħux ma noffrulhomx il-ħbiberija tiegħu, il-barka tiegħu, il-Kelma tiegħu, iċ-ċelebrazzjoni tas-Sagramenti u l-proposta ta’ mixja li fiha jikbru u jimmaturaw fil-fidi.  L-għażla preferenzjali favur il-foqra għandha tittraduċi ruħha prinċipalment f’attenzjoni reliġjuża pprivileġġjata, u din tiġi qabel kollox.

201. Ħadd m’għandu jgħid li hu jitbiegħed mill-foqra għax l-għażliet ta’ ħajtu jitolbu minnu li jagħti iktar attenzjoni lil responsabbiltajiet oħra.  Din hi skuża li sikwit tisma’ fl-ambjenti akkademiċi, tan-negozju jew professjonali, u saħansitra f’dawk ekkleżjali.  Għalkemm b’mod ġenerali jista’ jingħad li l-vokazzjoni u l-missjoni propja tal-fidili lajċi hi t-trasformazzjoni tad-diversi realtajiet tad-dinja biex kull attività umana tiġi mibdula mill-Vanġelu,[171] ħadd m’għandu jħossu meħlus milli jħabrek għall-foqra u għall-ġustizzja soċjali: “Minn kulħadd huma mitluba l-konverżjoni spiritwali, il-qawwa tal-imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu, iż-żelu għall-ġustizzja u l-paċi, it-tifsira evanġelika tal-foqra u tal-faqar”.[172]  Wisq nibża’ li anki dawn il-kelmiet huma biss oġġett ta’ xi kumment mingħajr effett tassew prattiku.  Minkejja dan, nafda fil-ftuħ ta’ qalb u fid-dispożizzjonijiet tajbin tal-Insara, u nitlobkom biex bħala komunitajiet tfittxu toroq ġodda biex tilqgħu din il-proposta mġedda.

Ekonomija u tqassim tad-dħul

202. Il-ħtieġa li nsibu soluzzjoni għall-kawżi strutturali tal-faqar ma tistax tistenna iżjed, mhux biss minħabba l-esiġenza pragmatika li tfittex ir-riżultati u li ġġib ordni fis-soċjetà, imma għax is-soċjetà hemm bżonn tiġi mfejqa minn marda li qed iddgħajjifha u toħloq biss mistħija fiha u li tista’ biss twassalha għal kriżijiet ġodda.  Il-proġetti ta’ għajnuna, li jwieġbu għal kull urġenza li tinqala’, għandhom jitqiesu biss bħala tweġibiet proviżorji.  Jekk ma jissolvewx mill-għeruq tagħhom il-problemi tal-foqra, billi ngħidu le lill-awtonomija assoluta tas-swieq u lill-ispekulazzjoni finanzjarja u niġġieldu lill-kawżi strutturali tan-nuqqas ta’ ugwaljanza,[173] mhumiex ħa jissolvew il-problemi tad-dinja u l-ebda problema oħra.  In-nuqqas ta’ ugwaljanza hu l-għerq tal-ħażen soċjali kollu.

203. Id-dinjità ta’ kull persuna umana u l-ġid komuni huma kwistjonijiet li għandhom isawru l-politika ekonomika kollha, imma kultant iktar qishom xi appendiċi miżjud minn barra ma’ diskors politiku li la għandu prospettiva għall-ġejjieni u lanqas programmi ta’ żvilupp sħiħ tassew.  Kemm kliem sar skomdu għal din is-sistema!  Sar idejjaq id-diskors dwar l-etika, dwar is-solidarjetà dinjija, dwar it-tqassim tal-ġid, dwar il-ħarsien tal-postijiet tax-xogħol, dwar id-dinjità tad-dgħajfin, dwar Alla li jitlob minna impenn b’riżq il-ġustizzja.  Drabi oħra jiġri li dan il-kliem isir oġġett ta’ manipulazzjoni opportunista li ġġibu fix-xejn.  L-indifferenza quddiem dan it-tħassib, mis-siġġu komdu tagħha, tbattal lil ħajjitna u l-kliem tagħna minn kull tifsira.  Il-vokazzjoni ta’ min qiegħed fin-negozju hi ħidma nobbli, dejjem jekk iħalli tmexxih tifsira iktar wiesgħa tal-ħajja; dan jgħinu biex tabilħaqq isir qaddej tal-ġid komuni, bl-isforz tiegħu biex ikattar u jagħmel iktar aċċessibbli għal kulħadd il-ġid ta’ din id-dinja.

204. Ma nistgħux nafdaw iżjed fil-qawwa għamja u fl-id inviżibbli tas-suq.  Biex tikber il-ġustizzja hemm bżonn xi ħaġa iktar milli tikber l-ekonomija, anki jekk isserraħ fuqha, għax titlob deċiżjonijiet, programmi, mekkaniżmi u proċessi li jkunu speċifikament orjentati lejn tqassim aħjar tad-dħul tal-flus, lejn il-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ xogħol, lejn promozzjoni sħiħa tal-foqra li tmur lil hemm mis-sempliċi servizzi ta’ għajnuna.  M’iniex nipproponi xi populariżmu irresponsabbli, imma l-ekonomija ma tistax tibqa’ tfittex soluzzjonijiet li huma bħal velenu ġdid, bħal meta tippretendi li tgħolli l-livell tal-profitti billi ċċekken is-suq tax-xogħol u b’hekk toħloq iktar esklużjoni.

205. Nitlob lil Alla li jiżdied l-għadd ta’ politiċi li għandhom il-ħila jidħlu fi djalogu awtentiku li jfittex b’mod effikaċi li jfejjaq l-għeruq profondi u mhux biss id-dehra tal-ħażen tad-dinja tagħna!  Il-politika, għalkemm spiss ikkritikata, hi vokazzjoni l-aktar għolja, hi waħda mix-xejriet l-aktar prezzjużi ta’ mħabba, għax tfittex il-ġid komuni.[174]  Hemm bżonn nikkonvinċu ruħna li l-imħabba “hi l-bidu mhux biss tar-relazzjonijiet iż-żgħar: ir-rapporti bejn il­-ħbieb, dawk familjari, dawk fi grupp ċkejken, imma wkoll tar-relazzjonijiet il-kbar: ir-rapporti soċjali, ekonomiċi, politiċi”.[175]  Nitlob lill-Mulej li jagħtina iżjed politiċi li tabilħaqq għandhom għal qalbhom is-soċjetà, il-poplu, il-ħajja tal-foqra!  Hu indispensabbli li dawk li jiggvernaw u li għandhom is-saħħa finanzjarja jgħollu ħarsithom u jwessgħu l-perspettiva tagħhom, li jagħmlu mod li jkun hemm xogħol dinjituż, edukazzjoni u servizz tas-saħħa għaċ-ċittadini kollha.  U għaliex ma jdurux għand Alla biex idawwalhom fil-pjanijiet tagħhom?  Jiena konvint li jekk nitilqu minn dan il-ftuħ għat-traxxendenza, nistgħu naslu għal mentalità politika u ekonomika ġdida li tgħinna nissuperaw id-dikotomija assoluta bejn l-ekonomija u l-ġid soċjali komuni.

206. L-ekonomija, kif tixhed l-istess kelma, għandha tkun l-arti li twassal għall-amministrazzjoni xierqa tad-dar komuni, li hi d-dinja kollha kemm hi.  Kull azzjoni ekonomika ta’ ċerta importanza, li titwettaq f’xi parti tal-pjaneta tagħna, tħalli l-effett tagħha fuq il-bqija kollu; għalhekk l-ebda gvern ma jista’ jaġixxi ’l barra minn responsabbiltà komuni.  Fil-fatt, qed isir dejjem iżjed diffiċli naslu għal soluzzjonijiet fuq livell lokali għall-kontradizzjonijiet enormi li jeżistu fuq livell globali, u għalhekk il-politika lokali timtela bi problemi li jitolbu soluzzjoni.  Jekk tassew irridu naslu għal ekonomija dinjija b’saħħitha, f’din il-fażi tal-istorja għandna bżonn ta’ mod iżjed effiċjenti ta’ interazzjoni li, bla ma tintmess is-sovranità tan-nazzjonijiet, jiżgura l-ġid ekonomiku tal-pajjiżi kollha u mhux biss ta’ ftit minnhom.

207. Kull komunità tal-Knisja, jekk b’xi mod tippretendi li tista’ toqgħod bi kwietha bla ma tfittex mod kreattiv kif tagħti kas u tħabrek bi frott biex il-foqra jgħixu b’dinjità u biex kulħadd iħossu inkluż, tkun qed tirriskja wkoll li tiġi fix-xejn, anki jekk titkellem fuq temi soċjali jew tikkritika l-gvernijiet.  Ma ddumx wisq biex tinbela’ fil-mondanità spiritwali, moħbija taħt il-qoxra ta’ prattiċi reliġjużi, b’ħafna laqgħat li ma jħallux frott u b’ħafna diskors fil-vojt.

208. Jekk xi ħadd iħossu offiż bi kliemi, ngħidlu li dan qed illissnu bi mħabba u b’intenzjonijiet tajba, lil hemm minn kull interess personali jew ideoloġija politika.  Il-kelma tiegħi mhix dik ta’ xi għadu u lanqas ta’ xi ħadd li jrid jeħodha kontra xi ħadd ieħor.  Jinteressani biss li nħabrek biex dawk li huma lsiera ta’ mentalità individwalista, indifferenti u egoista, jistgħu jinħelsu minn dawk il-ktajjen xejn xierqa u jaslu għal stil ta’ ħajja u ta’ ħsieb iżjed uman, iżjed nobbli, li jħalli aktar frott, li jagħti dinjità lill-mixja tagħhom f’din id-dinja.

Nieħdu ħsieb lil min hu dgħajjef

209. Ġesù, l-evanġelizzatur per eċċellenza u l-istess Vanġelu, jidentifika ruħu b’mod speċjali mal-foqra (ara Mt 25:40).  Dan ifakkarna li aħna lkoll bħala Nsara msejħa nieħdu ħsieb ta’ dawk l-iżjed dgħajfa fid-dinja.  Imma fil-mudell attwali “ta’ suċċess” u “ta’ ħajja privata”, donnu ma jagħmilx sens li wieħed jinvesti biex dawk li baqgħu lura, id-dgħajfa u dawk li mhumiex imżejnin b’tant talenti, jimxu ’l quddiem fil-ħajja.

210. Hu indipensabbli li nkunu attenti biex noqorbu lejn xejriet ġodda ta’ faqar u ta’ dgħufija fejn aħna msejħin nagħrfu lil Kristu li qed ibati, anki jekk dan minn barra ma jidhirx li qed jiksbilna ebda vantaġġi tanġibbli u immedjati: dawk li m’għandhomx saqaf fuq rashom, dawk li waqgħu f’xi vizzju, ir-rifuġjati, il-popli indiġeni, l-anzjani dejjem iżjed waħidhom u mitluqa, u l-bqija.  Ngħid għalija, l-immigranti jippreżentawli sfida partikulari, għax jien Ragħaj ta’ Knisja bla fruntieri li tħossha omm ta’ kulħadd.  Għalhekk nitlob lill-pajjiżi biex jiftħu qalbhom b’mod aktar ġeneruż, li flok jibżgħu li ħa tinqerdilhom l-identità lokali, isibu l-ħila joħolqu sintesi kulturali ġdida.  Kemm huma sbieħ l-ibliet li jirnexxielhom jirbħu l-isfiduċja li toqtol, u li jagħmlu minn integrazzjoni bħal din fattur ġdid ta’ żvilupp!  Kemm huma sbieħ dawk l-ibliet li, anki fid-disinn arkitettoniku tagħhom, huma mimlija bi spazji li jgħaqqdu, joħolqu relazzjoni, jiffavorixxu l-għarfien tal-persuna l-oħra!

211. Dejjem nikktitni l-qagħda ta’ dawk li huma vittmi tad-diversi għamliet ta’ traffikar tal-persuni.  Nixtieq kieku kulħadd jista’ jismagħha l-karba ta’ Alla li jistaqsina lkoll: “Fejn hu ħuk?” (Ġen 4:9).  Fejn hu ħuk ilsir?  Fejn hu dak li kuljum int qed toqtol f’dik il-fabbrika żgħira klandestina, fix-xibka tal-prostituzzjoni, fit-tfal użati biex joqogħdu jittallbu, f’dak li qed jaħdem bil-moħbi għax xogħlu hu kontra l-liġi?  Ejjew ma nilludux ruħna li mhu jiġri xejn.  Ħafna huma involuti.  Il-mistoqsija tiswa għal kulħadd!  Fl-ibliet tagħna nibtet sew din il-kriminalità mafjuża u ta’ min jistkerrahha, u ħafna għandhom idejhom iċappsu bid-demm minħabba fil-kompliċità komda u siekta tagħhom.

212. Doppjament foqra huma n-nisa li qed ibatu minn sitwazzjoni ta’ esklużjoni, trattament ħażin jew vjolenza, għax spiss isibu ruħhom fi ftit li xejn possibbiltajiet biex jiddifendu l-jeddijiet tagħhom.  Minkejja dan, fosthom xorta qegħdin kontinwament insibu l-aktar ġesti ammirevoli ta’ eroiżmu tal-ħajja ta’ kuljum fid-difiża u l-għożża taad-dgħufija tal-familji tagħhom.

213. Fost dawn id-dgħajfin, li l-Knisja b’għożża kbira tixtieq tieħu ħsieb tagħhom, hemm anki t-trabi li għadhom fil-ġuf, li huma l-aktar innoċenti u ma jistgħux jiddefendu ruħhom, li llum il-ġurnata hemm min jixtieq iċaħħadhom mid-dinjità umana biex jista’ jagħmel bihom dak li jogħġbu, jisirqilhom ħajjithom u jirsisti li jsiru liġijiet biex ħadd ma jista’ jwaqqfu.  Spiss, biex iwaqqa’ għaċ-ċajt id-difiża tal-Knisja favur il-ħajja tat-trabi fil-ġuf, jipprova jippreżenta l-pożizzjoni tagħha bħala ideoloġika, mudlama u konservattiva.  Imma dan il-ħarsien tal-ħajja fil-ġuf hu marbut mill-qrib mal-ħarsien ta’ kull jedd uman ieħor.  Jinbena fuq il-konvinzjoni li kull ħajja umana hi dejjem sagra u invjolabbli, f’kull sitwazzjoni u f’kull fażi tal-iżvilupp tagħha.  Hu għan fih innifsu u qatt mhu mezz biex jissolvew diffikultajiet oħrajn.  Jekk titmermer din il-konvinzjoni, ma jifdalx pedamenti sodi u permanenti għall-ħarsien tad-drittijiet umani, li jispiċċaw dejjem suġġetti għall-konvenjenzi li jinbidlu skont il-bżonn ta’ min ikun fil-poter.  Ir-raġuni waħidha hi biżżejjed biex tgħinna nagħrfu l-valur invjolabbli ta’ kull ħajja umana, imma jekk inħarsu lejha mill-għajnejn tal-fidi, “kull tkasbir tad-dinjità tal-persuna tal-bniedem jitlob vendetta quddiem Alla, u għandu jitqies bħala offiża magħmula lil Alla li ħalaq il-bniedem”.[176]

214. Propju għax hi kwistjoni li għandha x’taqsam mal-koerenza ġewwinija tal-messaġġ tagħna fuq il-valur tal-persuna umana, m’għandniex nistennew li l-Knisja ħa tibdel il-pożizzjoni tagħha fuq dan l-argument.  Nixtieq inkun għalkollox onest fuq hekk.  Dan mhux argument suġġett għal xi għamla ta’ riformi jew “modernizzazzjoni”.  Ma tkunx progressista jekk tippretendi li tista’ ssolvi l-problemi billi teqred ħajja umana.  Imma hu wkoll minnu li ftit għadna għamilna biex insieħbu b’mod xieraq lin-nisa li jsibu ruħhom f’qagħdiet tassew iebsa, fejn l-abort donnu jidher quddiemhom bħala s-soluzzjoni ta’ malajr għas-sens qawwi ta’ ħtija li jkollhom, partikularment meta l-ħajja li tkun qed tikber fihom tkun tnisslet frott ta’ xi vjolenza jew f’kuntest ta’ faqar estrem.  Min jista’ ma jifhimx sitwazzjonijiet ta’ wġigħ il-qalb bħal dawn?

215. Hemm ukoll ħlejqiet oħra dgħajfa u bla difiża, li ħafna drabi huma mitluqa għall-ħniena tal-interessi ekonomiċi jew ta’ sfruttament inġust.  Qed nitkellem dwar il-ħolqien bħala realtà sħiħa.  Bħala bnedmin aħna m’aħniex biss benefiċjarji, imma ħarriesa tal-ħlejjaq l-oħra.  Permezz tar-realtà ta’ ġisimna, Alla tant għaqqadna ħaġa waħda mad-dinja ta’ madwarna, li d-deżertifikazzjoni tal-ħamrija hi bħal marda għal kull wieħed u waħda minna, u nistgħu nibku l-estinzjoni ta’ xi speċi bħallikieku kienet qed titbiċċrilna parti minn ġisimna stess.  Ejjew ma nħallux li minn fejn ngħaddu aħna nħallu warajna sinjali ta’ qerda u ta’ mewt li jolqtu lil ħajjitna u dik tal-ġenerazzjonijiet li ġejjin warajna.[177]  F’dan is-sens, nagħmel tiegħi il-lamentazzjoni sabiħa u profetika li ħafna snin ilu esprimew l-Isqfijiet tal-Filippini: “Varjetà tal-għaġeb ta’ insetti kienu jgħixu fil-foresta u kull wieħed u waħda minnhom kienu impenjati f’kull xorta ta’ ħidma […]  L-għasafar kienu jtiru fis-sema, ir-rix mill-isbaħ li kellhom u l-għana differenti tagħhom kienu jagħtu lewn u melodija lill-aħdar tal-bosk […]  Alla din id-dinja ħalaqha għalina, ħlejjaq speċjali tiegħu, imma mhux biex neqirduha u nibdluha f’art ta’ deżert niexef […]  Wara lejl wieħed biss ta’ xita, ħares lejn ix-xmajjar kannella-ċikkulata tal-qrib, u ftakar li dawn qed iġorru sa fil-baħar id-demm ħaj tal-art […]  Kif sa jgħum il-ħut fi dranaġġ bħal dak tal-Pasig jew tant xmajjar oħra li kkontaminajna?  Min bidel id-dinja hekk sabiħa tal-baħar f’ċimiterji taħt l-ilma mneżżgħa minn kull ħajja u lewn?”.[178]

216. Ċkejkna imma mseddqin fl-imħabba ta’ Alla, bħala San Franġisk ta’ Assisi, aħna l-Insara kollha msejħin nieħdu ħsieb id-dgħufija tal-poplu u tad-dinja li fiha ngħixu.

III. Il-ġid komuni u l-paċi soċjali

217. Tkellimna ħafna dwar il-ferħ u l-imħabba, imma l-Kelma ta’ Alla ssemmi wkoll il-frott tal-paċi (ara Gal 5:22).

218. Il-paċi soċjali ma tistax tinftiehem bħala ireniżmu jew bħala s-sempliċi nuqqas ta’ vjolenza li jinkiseb billi parti timponi ruħha fuq l-oħra.  Xorta waħda tkun paċi falza dik li sservi bħala skuża biex tiġġustifika organizzazzjoni soċjali li tipprova ssikket jew tittrankwillizza lill-iżjed foqra, b’mod li dawk li jgawdu l-aktar mill-ġid jistgħu jżommu l-istil ta’ ħajja tagħhom mingħajr skossi, waqt li l-oħrajn jgħixu kif jistgħu.  It-talba għal drittijiet soċjali, marbuta mat-tqassim tad-dħul, l-inklużjoni soċjali tal-foqra u d-drittijiet umani, ma jistgħux jiġu fgati bil-pretest li wieħed jasal għal kunsens madwar mejda jew għal paċi ta’ ħajja qasira li tikkuntenta biss il-minoranza.  Id-dinjità tal-persuna umana u l-ġid komuni huma ’l fuq mit-trankwillità ta’ xi wħud li ma jridux jiċċaħħdu mill-privileġġi tagħhom.  Meta jintmessu dawn il-valuri, hi meħtieġa vuċi profetika.

219. Il-paċi “mhix biss nuqqas ta’ gwerra, bħallikieku hija kienet tikkonsisti f’ċertu ekwilibriju ta’ forzi, li qatt mhu sod.  Il-paċi tinħadem bil-ħidma dejjem sejra minn jum għal ieħor, basta jiġi mħares dak l-ordni li ġie stabbilit minn Alla u li jitlob ġustizzja aktar perfetta bejn il-bnedmin”.[179]  Żgur li paċi li ma tkunx frott tal-iżvilupp sħiħ ta’ kulħadd, lanqas futur ma jkollha u tibqa’ dejjem żerriegħa ta’ kunflitti ġodda u ta’ bosta xorta ta’ vjolenza.

220. Dawk li jgħixu f’kull nazzjon jiżviluppaw id-dimensjoni soċjali ta’ ħajjithom billi jissawru f’ċittadini responsabbli fi ħdan poplu, mhux bħala massa li tinġarr mill-qawwiet dominanti.  Niftakru li “li tkun ċittadin fidil hu virtù u s-sehem fil-ħajja politika hu obbligu morali”.[180]  Imma li tkun poplu hu xi ħaġa iżjed minn hekk, u jitlob proċess kontinwu li fih kull ġenerazzjoni ġdida tinvolvi ruħha b’mod sħiħ.  Hi ħidma iebsa li tieħu fit-tul u li titlob minna li nintegraw ruħna u nitgħallmu nagħmlu hekk sabiex nistgħu nibnu kultura tal-laqgħa f’armonija ta’ bosta xejriet.

221. Biex nimxu ’l quddiem f’dan il-bini ta’ poplu fil-paċi, il-ġustizzja u l-fraternità, hemm erba’ prinċipji marbuta ma’ tensjonijiet bipolari li ssibhom f’kull realtà soċjali.  Joħorġu mill-prinċipji fundamentali tad-Duttrina Soċjali tal-Knisja, li jikkostitwixxu “l-ewwel parametru fundamentali ta’ riferiment għall-interpretazzjoni u l-valutazzjoni tal-fenomeni soċjali”.[181]  Fid-dawl ta’ dan, nixtieq issa nipproponi dawn l-erba’ prinċipji li jorjentaw speċifikament l-iżvilupp tal-konvivenza soċjali u l-bini ta’ poplu fejn id-differenzi jidħlu f’armonija ma’ xulxin fil-qafas ta’ proġett komuni.  Dan qed nagħmlu bil-konvinzjoni li l-applikazzjoni tagħhom tista’ tkun triq awtentika lejn il-paċi fi ħdan kull nazzjon u fid-dinja kollha.

Iż-żmien hu aqwa mill-ispazju

222. Bejn dak li hu sħiħ u dak li hu limitat hemm tensjoni li tiġbed lejn żewġ naħat opposti.  Is-sens tas-sħiħ jipprovoka x-xewqa li jkollna kollox, waqt li l-limitu hu l-ħajt li nsibu quddiemna.  Iż-“żmien”, jekk inqisuh f’sens wiesa’, iħares lejn dak li hu sħiħ bħala espressjoni tax-xefaq li jinfetaħ quddiemna, waqt li kull mument waħdu hu espressjoni tal-limitu li ngħixu fi spazju magħluq.  Iċ-ċittadini jgħixu f’tensjoni bejn ir-rabta flimkien tal-mument u d-dawl taż-żmien, tax-xefaq iktar kbir, tal-utopja li tiftaħna għall-futur bħala kawża finali li tiġbed lejha.  Minn hawn joħroġ l-ewwel prinċipju biex nimxu ’l quddiem fil-bini ta’ poplu: iż-żmien hu aqwa mill-ispazju.

223. Dan il-prinċipju jippermettilna li naħdmu fit-tul, mingħajr ma ninħakmu mill-ossessjoni li niksbu riżultati immedjati.  Jgħinna nġarrbu bis-sabar sitwazzjonijiet diffiċli jew li jiġu kontra tagħna, jew il-bidliet tal-pjanijiet li jimponi fuqna d-dinamiżmu tar-realtà.  Hu stedina biex nagħmlu tagħna dik it-tensjoni bejn dak li hu sħiħ u dak li hu limitat, u nagħtu prijorità liż-żmien.  Wieħed mid-dnubiet li kultant naraw fl-attività soċjo-politika jikkonsisti f’li nipprivileġġjaw l-ispazji tal-poter minflok iż-żminijiet tal-proċessi.  Jekk nagħtu prijorità lill-ispazju nispiċċaw niġġennu biex insolvu kollox fil-mument ta’ issa, biex nippruvaw nippossiedu l-ispazji kollha tal-poter u tal-affermazzjoni tagħna nfusna.  Ifisser nipparalizzaw il-proċessi u nippretendu li nistgħu nwaqqfuhom.  Nagħtu prijorità liż-żmien ifisser li naraw li nagħtu bidu għal proċessi iżjed milli nippossiedu spazji.  Iż-żmien jordna l-ispazji, idawwalhom u jidbilhom f’ħoloq ta’ katina li dejjem tikber, bla ma tmidd passi lura.  Hawn inkunu nipprivileġġjaw l-azzjonijiet li jiġġeneraw dinamiżmi ġodda fis-soċjetà u jinkludu persuni u gruppi oħra li jkomplu jmexxuha ’l quddiem, sakemm iħallu frott fi ġrajjiet storiċi importanti.  Bla biża’, imma b’konvinzjonijiet ċari u qalbiena.

224. Kultant nistaqsi lili nnifsi min huma dawk fid-dinja tagħna li tabilħaqq qed jagħtu kas li jagħtu l-ħajja lil proċessi li jibnu poplu, iktar milli li jiksbu riżultati immedjati li jipproduċu profitt politiku faċli, ta’ malajr u ta’ ħajja qasira, imma li ma jibnux lill-bniedem sħiħ.  L-istorja forsi għad tiġġudikahom b’dak il-kriterju li jikteb dwaru Romano Guardini: “L-uniku mudell biex nivvalutaw epoka b’suċċess hu li nistaqsu sa liema punt qed tiżviluppa fiha u tasal għar-raġuni vera tagħha l-milja tal-eżistenza umana, fi qbil mal-karattru partikulari u l-possibbiltajiet ta’ dik l-istess epoka”.[182]

225. Dan il-kriterju joqgħod ħafna anki għall-evanġelizzazzjoni, li titlob li nżommu x-xefaq ċar quddiem għajnejna, li naddottaw il-proċessi possibbli u naqbdu t-triq it-twila.  Il-Mulej stess tul ħajtu fuq din l-art wera kemm-il darba lid-dixxipli tiegħu li kien hemm ħwejjeġ li kienu għadhom ma jistgħux jifhmuhom u li kien hemm bżonn jistennew lill-Ispirtu s-Santu (ara Ġw 16:12-13).  Il-parrabbola tal-qamħ u tas-sikrana (ara Mt 13:24-30) tiddeskrivi aspett importanti tal-evanġelizzazzjoni, jiġifieri dak li nuru kif l-għadu jista’ jokkupa l-ispazju tas-Saltna u jikkawża ħsara bis-sikrana, imma hu mirbuħ mit-tjieba tal-qamħ li tidher maż-żmien.

L-għaqda tirbaħ fuq il-kunflitt

226. Il-kunflitt ma jistax jiġi injorat jew moħbi.  Irid jiġi aċċettat.  Imma jekk nibqgħu maqbudin fih, nitilfu l-prospettiva, ix-xefaq jillimita ruħu u r-realtà nfisha tibqa’ maqsuma f’elf biċċa.  Meta neħlu fil-kunflitti, nitilfu s-sens tal-għaqda profonda tar-realtà.

227. Quddiem il-kunflitt, xi wħud sempliċement iħarsu lejh u jibqgħu mexjin qisu qatt ma kien xejn, jaħslu jdejhom biex jistgħu jkomplu mexjin b’ħajjithom.  Oħrajn jidħlu fil-kunflitt b’tali mod li jibqgħu mjassrin minnu, jitilfu x-xefaq, jitfgħu fuq l-istituzzjonijiet il-konfużjonijiet u d-delużjonijiet tagħhom, u hekk l-għaqda ssir ħaġa impossibbli.  Imma hemm it-tielet mod, l-aħjar wieħed, kif wieħed iġib ruħu quddiem il-kunflitt.  Hu li jaċċetta li jġarrab il-kunflitt, isewwih u jibdlu f’ħolqa li tgħaqqad proċess ġdid.  “Henjin dawk li jġibu l-paċi” (Mt 5:9).

228. B’dan il-mod, tinħoloq il-possibbiltà li tixxettel komunjoni fid-differenzi, li jħabirku għaliha biss dawk il-persuni nobbli li għandhom il-kuraġġ imorru lil hemm mill-qoxra tal-kunflitti u jqisu lill-oħrajn bid-dinjità l-iżjed profonda tagħhom.  Għalhekk hemm bżonn inħarsu lejn prinċipju li hu indispensabbli biex nistgħu nibnu l-ħbiberija soċjali: l-għaqda tirbaħ fuq il-kunflitt.  Is-solidarjetà, jekk nifhmuha fit-tifsira l-iżjed profonda tagħha li tisfidana, hekk issir stil ta’ kif tinbena l-istorja, ambjent ħaj fejn il-kunflitti, it-tensjonijiet u l-opposti jistgħu jaslu għal għaqda ta’ bosta forom li ġġib ħajja ġdida.  Ma jfissirx li nirrikorru għas-sinkretiżmu, lanqas għal realtà fejn wieħed jinxtorob fl-ieħor, imma għall-qbil dwar pjan ogħla li jiġbor fih il-potenzjalitajiet prezzjużi tal-polaritajiet li huma f’kuntrast ma’ xulxin.

229. Dan il-kriterju evanġeliku jfakkarna li Kristu ġabar kollox fiH innifsu: sema u art, Alla u bniedem, żmien u eternità, ġisem u ruħ, persuna u soċjetà.  Is-sinjal li minnu nagħrfu din l-għaqda u rikonċiljazzjoni ta’ kollox fiH hu l-paċi.  Kristu “hu s-sliem tagħna” (Efes 2:14).  It-tħabbira tal-Vanġelu tiftaħ dejjem bit-tislima tal-paċi, u l-paċi tinkuruna u tissiġilla f’kull ħin ir-relazzjonijiet bejn id-dixxipli.  Il-paċi tista’ sseħħ għax il-Mulej rebaħ id-dinja u l-kunflitti dejjiema ta’ ġo fiha billi “bid-demm tiegħu, imxerred fuq is-salib, ġieb is-sliem” (Kol 1:20).  Imma jekk ninżlu fil-fond ta’ dawn it-testi Bibliċi, niskopru li l-ewwel post li fih aħna msejħin naslu għal din il-paċi minkejja d-differenzi hu l-ġewwieni tagħna nfusna, il-ħajja tagħna, dejjem mhedda mit-tifrik u l-qsim.[183]  Bi qlubna maqsuma f’elf biċċa jkun diffiċli nibnu paċi soċjali li tkun awtentika.

230. It-tħabbira tal-paċi mhix waħda ta’ paċi li ġiet innegozjata, imma l-konvinzjoni li l-għaqda tal-Ispirtu tnissel armonija bejn id-differenzi kollha.  Tirbaħ fuq kull kunflitt f’sintesi ġdida li tqawwilna qalbna.  Id-diversità hi sabiħa meta taċċetta li tidħol il-ħin kollu fi proċess ta’ rikonċiljazzjoni, sakemm tissiġilla speċi ta’ patt kulturali li jwassal għal “diversità rikonċiljata”, kif għallmuna tajjeb l-Isqfijiet tal-Congo: “Id-diversità tal-etniċitajiet tagħna hi għana kbir […]  Bl-għaqda, bil-konverżjoni tal-qlub u bir-rikonċiljazzjoni biss nistgħu mmexxu ’l quddiem lil pajjiżna”.[184]

Ir-realtà hi ogħla mill-idea

231. Teżisti anki tensjoni bipolari bejn l-idea u r-realtà.  Ir-realtà sempliċement hi, waqt li l-idea tiġi elaborata.  Bejn it-tnejn għandu jkun hemm djalogu kontinwu, u nevitaw li l-idea tispiċċa tinfired mir-realtà.  Hu perikuluż li ngħixu f’saltna tal-kelma waħidha, tax-xbieha, tas-sofiżmu.  Minn hawn wieħed jikkonkludi li hemm bżonn infittxu t-tielet prinċipju: ir-realtà hi ogħla mill-idea.  Dan jitlob minna li nevitaw bosta xejriet ta’ ħabi tar-realtà: il-puriżmi anġeliċi, it-totalitarjaniżmi ta’ dak li hu relattiv, ir-retorika vojta, il-proġetti iktar formali milli reali, il-fundamentaliżmi anti-storiċisti, is-sistemi etiċi li ma jfittxux il-veru ġid, l-intellettwaliżmi xotti minn kull għerf.

232. L-idea – l-elaborazzjonijiet kunċettwali – qiegħda hemm biex tgħinna nsibu, nifhmu u nagħtu direzzjoni lir-realtà.  L-idea maqtugħa mir-realtà tiftaħ it-triq għal idealiżmi u nominaliżmi li ma jħallux effett, li forsi jaslu biex jikklassifikaw jew jiddefenixxu, imma ma jinvolvux b’mod ħaj.  Dik li fil-verità tinvolvi hi r-realtà mdawla tar-raġunament.  Hemm bżonn ngħaddu min-nominaliżmu formali għall-oġġettività armonjuża.  Inkella l-verità tisfa mmanipulata, l-istess kif il-ġinnastika teħdilha postha l-kożmetika.[185]  Għandna politiċi – u anki mexxejja reliġjużi – li jistaqsu għaliex il-poplu ma jifhimhomx u ma jsegwihomx, meta l-proposti tagħhom huma daqshekk loġiċi u ċari.  Aktarx dan għax baqgħu mitlufin fis-saltna tal-ideat puri, u l-politika jew il-fidi ġabuhom biss rettorika.  Oħrajn insew is-sempliċità u impurtaw minn barra razzjonalità li għan-nies hi barranija.

233. Ir-realtà hi aqwa mill-idea.  Dan il-kriterju hu marbut mal-inkarnazzjoni tal-Kelma u mat-twettiq tagħha fil-prattika: “L-ispirtu ta’ Alla tagħrfuh b’dan: kull spirtu, li jistqarr li Ġesù Kristu sar bniedem, hu minn Alla” (1 Ġw 4:2).  Il-kriterju tar-realtà, ta’ Kelma li diġà tlaħħmet u li dejjem tfittex li titlaħħam, hu essenzjali għall-evanġelizzazzjoni.  Minn naħa, iwassalna biex nagħtu valur lill-istorja tal-Knisja bħala storja ta’ salvazzjoni, biex infakkru l-qaddisin tagħna li inkulturaw il-Vanġelu fil-ħajja tal-ġnus tagħna, biex nagħrfu kemm hi għanja t-tradizzjoni bimillenarja tal-Knisja, bla ma nippretendu li għandna nelaboraw xi forma ta’ ħsieb maqtugħ minn dan it-teżor, bħallikieku ridna nivvintaw mill-ġdid il-Vanġelu aħna.  Min-naħa l-oħra, dan il-kriterju jwassalna biex inpoġġu fil-prattika l-Kelma, biex inwettqu opri ta’ ġustizzja u karità fejn din il-Kelma tista’ tħalli l-frott.  Jekk ma npoġġuhiex fil-prattika, jekk il-Kelma ma nwassluhiex għar-realtà, inkunu nibnu fuq ir-ramel, nibqgħu mwaħħlin fl-idea pura u nispiċċaw naqgħu f’intimiżmi u njostiċiżmi li ma jħallux frott, li jġibu d-dinamiżmu tagħha sterili.

Il-kollox hu aqwa mill-parti

234. Anki bejn il-globalizzazzjoni u l-lokalizzazzjoni hemm tensjoni.  Jeħtieġ nagħtu attenzjoni lid-dimensjoni globali biex ma naqgħux fil-medjokrità li ġġib magħha l-ħajja ta’ kuljum.  Fl-istess waqt, ma rridux ninsew dak li hu lokali, li jżommna saqajna mal-art.  It-tnejn magħqudin flimkien ma jħalluna bl-ebda mod naqgħu f’xi wieħed min dawn iż-żewġ estremi: l-ewwel, li ċ-ċittadini jkollhom jgħixu f’universaliżmu astratt u globalizzanti, passiġġiera mitlufin fost ħafna oħrajn fil-vagun tal-aħħar, li, b’ħalqhom miftuħ u b’ċapċip ipprogrammat, jammiraw in-nar tal-ajru li toffrilhom id-dinja, li mhux tagħhom imma ta’ ħaddieħor; it-tieni, li jsiru mużew tal-folklor ta’ eremiti li moħħhom imwaħħal mal-post tagħhom, ikkundannati li jirripetu dejjem l-istess ħwejjeġ, bla ħila li jħallu jisfidahom dak li hu differenti u li japprezzaw il-ġmiel li Alla jxerred lil hemm mill-konfini tagħhom.

235. Il-kollox hu wisq iktar mill-parti, u hu wkoll iktar mill-ġabra tal-partijiet flimkien.  Għalhekk, ma rridux inħabblu moħħna żżejjed bi kwistjonijiet limitati u partikulari.  Jeħtieġ dejjem inwessgħu ħarsitna biex nagħrfu ġid wisq akbar li jkun ta’ benefiċċju għalina lkoll.  Imma dan jeħtieġ nagħmluh bla ma naħarbu, bla ma ninqatgħu mill-għeruq tagħna.  Hemm bżonn inniżżlu għeruqna sew fl-art fertili u fl-istorja tal-post fejn ngħixu, li hu don ta’ Alla.  Għanda naħdmu fiċ-ċokon, f’dak li hu qrib tagħna, imma dejjem bi prospettiva wisq usa’.  Bl-istess mod, persuna li żżomm il-karatteristiċi partikulari tagħha u ma taħbix l-identità tagħha, meta tintegra ruħha b’mod tajjeb fi ħdan komunità, ma tkunx qed ixxejjen imma tirċievi dejjem tqanqil ġdid għall-iżvilupp tagħha nfisha.  Minn naħa, l-isfera globali mhix ħa xxejjen lill-bniedem, imma min-naħa l-oħra, lanqas il-preferenza għall-parti mhi ħa tagħmlu sterili.

236. Il-mudell mhux il-globu – li mhux aqwa mill-partijiet – fejn kull punt hu mbiegħed indaqs miċ-ċentru u m’hemmx differenzi bejn punt u l-ieħor.  Il-mudell hu l-priżma, li tirrifletti l-għaqda flimkien tal-partijiet kollha li fiha jżommu xorta l-oriġinalità tagħhom.  Kemm l-azzjoni pastorali u kemm dik politika jfittxu li f’din il-priżma jiġbru l-aħjar ta’ kull wieħed u waħda.  Hemm fiha l-foqra, bil-kultura tagħhom, il-proġetti tagħhom u l-pontenzjalitajiet tagħhom.  Saħansitra l-persuni li jistgħu jiġu kkritikati għall-iżbalji tagħhom għandhom xi ħaġa x’jagħtu li m’għandhiex tintilef.  Hi l-għaqda bejn il-popli, li, fl-ordni universali, iżommu l-karatteristiċi partikulari tagħhom; hi t-totalità tal-persuni f’soċjetà li tfittex ġid komuni li tassew jiġbor fih lil kulħadd f’ġisem wieħed.

237. Lilna l-Insara dan il-prinċipju jkellimna wkoll dwar it-totalità u l-integrità tal-Vanġelu li l-Knisja trid tgħaddi lill-bnedmin u tibgħatna nxandru.  L-għana kollu tiegħu jiġbor fih kemm nies tal-iskola u kemm ħaddiema, kemm in-negozjanti u kemm l-artisti, lil kulħadd.  Il-“mistika popolari” bil-mod tagħha tilqa’ l-Vanġelu kollu u tlaħħmu f’espressjonijiet ta’ talb, ta’ fraternità, ta’ ġustizzja, ta’ ġlieda u ta’ festa.  L-Aħbar it-Tajba hi l-ferħ ta’ Missier li ma jrid li jintilef ħadd miċ-ċkejknin tiegħu.  Minn hawn iwarrad il-ferħ tar-Ragħaj it-Tajjeb li joħroġ jiltaqa’ man-nagħġa l-mitlufa u jerġa’ lura biha fil-maqjel tiegħu.  Il-Vanġelu hu ħmira li ttella’ l-għaġna kollha u belt li tiddi fuq l-għoli tal-muntanja u ddawwal il-ġnus kollha.  Il-Vanġelu għandu kriterju ta’ totalità li hu intrinsiku għalih: ma jieqaf qatt ikun Aħbar Tajba sakemm ma jkunx ġie mħabbar lil kulħadd, sakemm ma jħallix il-frott u jerġa’ jsaħħaħ id-dimensjonijiet kollha tal-bniedem, u sakemm ma jgħaqqadx lill-bnedmin kollha madwar il-mejda tas-Saltna.  Il-kollox hu aqwa mill-parti.

IV. Id-djalogu soċjali bħala kontribut għall-paċi

238. L-evanġelizzazzjoni titlob anki li jkun hemm mixja ta’ djalogu.  Il-Knisja fi żmienna għandha b’mod partikulari tliet oqsma li fihom hemm bżonn li tkun preżenti, biex twettaq servizz li jwassal għall-iżvilupp sħiħ tal-bniedem u tkompli tfittex il-ġid komuni: id-djalogu mal-Istati, mas-soċjetà – li jiġbor fih ukoll id-djalogu mal-kulturi u max-xjenzi – u dak ma’ nies oħra li jemmnu, għalkemm ma jagħmlux parti mill-Knisja Kattolika.  Fil-każi kollha, “il-Knisja fid-diskors tagħha titlaq minn dak id-dawl li toffrilha l-fidi”,[186] taqsam l-esperjenza tagħha ta’ elfejn sena u żżomm dejjem quddiem għajnejha l-ħajjiet u t-tbatijiet tal-bnedmin.  Dan imur lil hemm mir-raġuni umana, imma għandu wkoll tifsira li tista’ tagħni lil dawk li ma jemmnx u tistieden lir-raġuni biex twessa’ l-prospettivi tagħha.

239. Il-Knisja xxandar “il-vanġelu tas-sliem” (Efes 6:15) u hi miftuħa għall-kollaborazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali u internazzjonali kollha biex tieħu ħsieb dan il-ġid universali hekk kbir.  Hi u tħabbar lil Ġesù Kristu, li hu l-paċi nfisha (ara Efes 2:14), l-evanġelizzazzjoni ġdida tixpruna lil kull mgħammed biex ikun strument ta’ paċi u xhud kredibbli ta’ ħajja rikonċiljata ma’ Alla.[187]  Hu ż-żmien li, f’kultura li tipprivileġġja d-djalogu bħala forma ta’ laqgħa, nitgħallmu nfasslu mod kif infittxu l-kunsens u l-qbil, bla ma nifirdu dan, imma, mix-xewqa għal soċjetà ġusta, li taf tagħmel memorja u ma twarrab lil ħadd.  L-awtur prinċipali, is-suġġett storiku ta’ dan il-proċess, huma n-nies u l-kultura tagħha, mhux xi klassi, xi biċċa mill-poplu, xi grupp, xi élite.  M’għandniex bżonnu proġett tal-ftit indirizzat lejn il-ftit, inkella xi minoranza mdawla jew ta’ xhieda illi taħtaf taħt idejha sentiment kollettiv.  Dan ifisser fehma waħda biex nistgħu ngħixu flimkien, f’patt soċjali u kulturali wieħed.

240. L-Istat għandu jħares u jġib ’il quddiem il-ġid komuni tas-soċjetà.[188]  Fuq il-bażi tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tas-solidarjetà, u bi sforz b’saħħtu ta’ djalogu politiku u tal-ħolqien ta’ kunsens, hu għandu rwol fundamentali, li ma jista’ jiddelegah lil ħadd, f’li jfittex l-iżvilupp sħiħ ta’ kulħadd.  Dan ir-rwol, fiċ-ċirkustanzi ta’ żmienna, jitlob umiltà soċjali kbira.

241. Fid-djalogu mal-Istat u mas-soċjetà, il-Knisja m’għandhiex soluzzjonijiet għall-kwistjonijiet partikulari kollha.  Minkejja dan, flimkien mad-diversi aġenti soċjali, hi ssieħeb dawk il-proposti li jistgħu jwieġbu bl-aħjar mod għad-dinjità tal-bniedem u għall-ġid komuni.  Hi u tagħmel hekk, dejjem tipproponi b’mod ċar il-valuri fundamentali tal-ħajja umana, biex tittrasmetti konvinzjonijiet li mbagħad jistgħu jittraduċu ruħhom f’azzjonijiet politiċi.

Id-djalogu bejn il-fidi, ir-raġuni u x-xjenzi

242. Anki d-djalogu bejn xjenza u fidi hu parti mill-azzjoni ta’ evanġelizzazzjoni li ġġib il-paċi.[189]  Ix-xjentiżmu u l-pożittiviżmu jirrifjutaw li “jaċċettaw bħala validi suriet ta’ għerf li huma differenti minn dawk tax-xjenzi pożittivi”.[190]  Il-Knisja tipproponi mixja oħra, li titlob sintesi bejn l-użu responsabbli tal-metodoloġiji tax-xjenzi empiriċi u l-oqsma l-oħra tal-għerf, bħalma huma l-filosofija, it-teoloġija, u l-istess fidi, li tgħolli lill-bniedem għall-misteru li jittraxxendi n-natura u l-intelliġenza umana.  Il-fidi ma tibżax mir-raġuni; għall-kuntrarju, tfittixha u għandha fiduċja fiha, għax “id-dawl tar-raġuni u dak tal-fidi ġejjin it-tnejn li huma minn Alla”,[191] u ma jistgħux imorru kontra xulxin.  L-evanġelizzazzjoni hi attenta għall-progressi xjentifiċi biex iddawwalhom bid-dawl tal-fidi u tal-liġi naturali, ħa jirrispettaw dejjem iżjed iċ-ċentralità u l-valur suprem tal-persuna umana fil-fażijiet kollha tal-eżistenza tagħha.  Is-soċjetà kollha tista’ tistagħna grazzi għal dan id-djalogu li jiftaħ kemm-il xefaq ġdid għall-ħsieb u jwessa’ l-possibbiltajiet tar-raġuni.  Anki din hi mixja ta’ armonija u li twassal għall-paċi.

243. Il-Knisja ma tippretendix li tista’ twaqqaf il-progress tal-għaġeb tax-xjenzi.  Għall-kuntrarju, tifraħ u saħansitra tgawdi hi u tagħraf il-potenzjal enormi li Alla ta lill-moħħ uman.  Meta l-progress tax-xjenzi, waqt li b’serjetà akkademika jibqgħu fil-qafas tal-oġġett speċifiku tagħhom, iwassal għal konklużjoni evidenti li r-raġuni ma tistax tiċħad, mhix sa tkun il-fidi li tmur kontra tagħha.  Wisq inqas min jemmen ma jista’ jippretendi li fehma xjentifika li togħġbu, u li bilkemm jeżistu biżżejjed provi għaliha, għandu jkollha l-istess piż ta’ domma tal-fidi.  Imma, f’xi okkażjonijiet, xi xjenzati jmorru lil hemm mill-oġġett formali tad-dixxiplina tagħhom u jiżbilanċjaw ruħhom b’affermazzjonijiet jew konklużjonijiet li joħorġu ’l barra mill-friex tal-qasam xjentifiku tagħhom.  Hawnhekk, mhix ir-raġuni li qed jippruvaw jipproponu, imma ideoloġija speċifika, li tagħlaq it-triq għad-djalogu awtentiku, paċifiku u li jħalli l-frott.

Id-djalogu ekumeniku

244. L-impenn ekumeniku hu tweġiba għat-talba tal-Mulej Ġesù li “ikunu lkoll ħaġa waħda” (Ġw 17:21).  Il-kredibbiltà tat-tħabbira Nisranija kienet tkun wisq akbar kieku l-Insara rebħu l-firdiet ta’ bejniethom u l-Knisja għarfet “il-milja tal-kattoliċità tagħha f’dawk l-ulied li huma tabilħaqq imseħbin magħna bil-Magħmudija iżda huma mifrudin mill-għaqda sħiħa magħha”.[192]  Irridu nżommu dejjem f’moħħna li aħna pellegrini, u li ninsabu mexjin ilkoll flimkien.  Għalhekk jeħtieġ nafdaw ruħna f’idejn seħibna fit-triq mingħajr ebda suspetti, mingħajr xettiċiżmu, u nħarsu qabelxejn lejn dak li qed infittxu: il-paċi fil-wiċċ ta’ Alla l-waħdieni.  Li nafdaw ruħna f’idejn l-ieħor hi sengħa, il-paċi hi sengħa.  Ġesù qalilna: “Henjin dawk li jġibu l-paċi” (Mt 5:9).  F’din il-ħidma, anki bejnietna, titwettaq il-profezija l-qadima: “Huma jibdlu x-xwabel tagħhom f’sikek tal-moħriet” (Is 2:4).

245. F’dan id-dawl, l-ekumeniżmu hu kontribut lill-għaqda tal-familja tal-bnedmin.  Il-preżenza tal-Patrijarka ta’ Kostantinopli, il-Qdusija Tiegħu Bartilmew I, u tal-Arċisqof ta’ Canterbury, l-Eċċellenza Tiegħu Rowan Douglas Williams, għas-Sinodu,[193] kienet don awtentiku ta’ Alla u xhieda Nisranija prezzjuża.

246. Fid-dawl tax-xhieda żbaljata li qed tingħata minħabba fl-għadd ta’ firdiet bejn l-Insara, partikularment fl-Asja u fl-Afrika, sar iżjed urġenti li nfittxu toroq lejn l-għaqda.  Il-missjunarji f’dawk il-kontinenti spiss jitkellmu dwar il-kritika, l-ilmenti u anki ż-żuffjett li jitwaqqgħu fih minħabba l-iskandlu tal-firdiet bejn l-Insara.  Jekk niffukaw iżjed fuq il-konvinzjonijiet li jgħaqqduna u niftakru fil-prinċipju tal-ġerarkija tal-veritajiet, nistgħu nixmu b’pass iktar ħafif lejn għamliet komuni ta’ xandir, ta’ servizz u ta’ xhieda.  Ma nistgħux nibqgħu bierda quddiem l-għadd hekk kbir ta’ dawk li ma laqgħux it-tħabbira ta’ Ġesù Kristu.  Għalhekk, l-impenn għall-għaqda li tiffaċilita l-laqgħa ma’ Ġesù Kristu ma jibqax sempliċi diplomazija jew ħidma sfurzata, imma jinbidel fi triq indispensabbli tal-evanġelizzazzjoni.  Is-sinjali ta’ firdiet bejn l-Insara f’pajjiżi li diġà huma miġruħa mill-vjolenza, iżidu vjolenza oħra min-naħa ta’ dawk li messhom ikunu ħmira ħajja li ġġib il-paċi.  Huma tant u tant għeżież il-ħwejjeġ li jgħaqqduna!  U jekk nemmnu tabilħaqq fl-azzjoni ħielsa u ġeneruża tal-Ispirtu, kemm ħwejjeġ għandna x’nitgħallmu wieħed mill-ieħor!  Hawn m’aħniex nitkellmu biss fuq li niksbu tagħrif fuq l-oħrajn biex insiru nafuhom aħjar, imma li nilqgħu dak li l-Ispirtu żera’ fihom bħala don għalina wkoll.  Biex nagħti biss eżempju wieħed, fid-djalogu ma’ ħutna l-Ortodossi, aħna l-Kattoliċi għandna l-possibbiltà li nitgħallmu xi ħaġa iżjed fuq xi tfisser il-kolleġġjalità episkopali u fuq l-esperjenza tagħhom ta’ sinodalità.  Permezz tal-qsim tad-doni bejnietna, l-Ispirtu jista’ jmexxina dejjem iżjed lejn il-verità u lejn it-tjieba.

Ir-relazzjonijiet mal-Lhud

247. Inħarsu b’mod speċjali ħafna lejn il-poplu Lhudi, li l-Patt tiegħu ma’ Alla qatt ma tħassar, għax “Alla ma jreġġax lura d-doni u s-sejħa tiegħu” (Rum 11:29).  Il-Knisja, li flimkien mal-Lhud taqsam parti importanti mill-Iskrittura Mqaddsa, tqis lill-poplu tal-Patt u l-fidi tiegħu bħala għerq qaddis tal-identità Nisranija tagħha (ara Rum 11:16-18).  Bħala Nsara ma nistgħux inħarsu lejn ir-reliġjon Lhudija bħala waħda barranija, kif lanqas nistgħu nqisu lil-Lhud fost dawk li huma msejħa jitilqu l-idoli biex iduru lejn Alla l-veru (ara 1 Tess 1:9).  Aħna nemmnu flimkien magħhom f’Alla wieħed li jaġixxi fl-istorja, u nilqgħu flimkien magħhom il-Kelma rivelata li hi waħda għat-tnejn li aħna.

248. Id-djalogu u l-ħbiberija ma’ wlied Israel huma parti mill-ħajja tad-dixxipli ta’ Ġesù.  Il-ħbiberija li kibret bejnietna twassalna biex bi mrar u sinċerità f’qalbna jiddispjaċina għall-persekuzzjonijiet koroh li tagħhom kienu u huma oġġett, partikularment għal dawk li fihom huma jew kienu mdaħħla l-Insara.

249. Alla jissokta jaħdem fil-poplu tal-Patt il-Qadim u jwelled teżori ta’ għerf li joħorġu mil-laqgħa tiegħu mal-Kelma divina.  Għalhekk anki l-Knisja tistagħna meta tilqa’ l-valuri tal-Ġudaiżmu.  Anki jekk hemm twemmin Nisrani li mhux aċċettabbli għar-reliġjon Lhudija, u l-Knisja ma tistax tiċħad milli xxandar lil Ġesù bħala Mulej u Messija, hemm kumplimentarjetà għanja li tippermettilna li naqraw flimkien it-testi tal-Bibbja Lhudija u ngħinu lil xulxin niskopru l-għana tal-Kelma, kif ukoll li naqsmu ma’ xulxin bosta konvinzjonijiet etiċi u t-tħassib komuni għall-ġustizzja u l-iżvilupp tal-ġnus.

Id-djalogu interreliġjuż

250. Hu b’atteġġjament ta’ ftuħ fil-verità u fl-imħabba li għandna nibnu djalogu mal-membri ta’ reliġjonijiet mhux Insara, minkejja l-ħafna xkiel u diffikultajiet, partikularment il-fundamentaliżmi miż-żewġ naħat.  Dan id-djalogu interreliġjuż hu kundizzjoni meħtieġa biex jista’ jkollna l-paċi fid-dinja, u għalhekk hu dmir għall-Insara, kif hu għall-komunitajiet reliġjużi l-oħra.  Dan id-djalogu hu qabelxejn konverżazzjoni dwar il-ħajja umana jew sempliċement, kif jipproponu l-Isqfijiet tal-Indja, “atteġġjament ta’ ftuħ lejhom, billi naqsmu fil-ferħ u fin-niket tagħhom”.[194]  Hekk nitgħallmu naċċettaw lill-oħrajn fil-mod differenti ta’ kif jgħixu, jaħsbu u jesprimu ruħhom.  B’dan il-metodu, nistgħu flimkien nidħlu għad-dmir li naqdu l-ġustizzja u l-paċi, li għandu jsir kriterju fundamentali ta’ kull skambju bejnietna.  Djalogu li fih infittxu l-paċi soċjali u l-ġustizzja hu fih innifsu, lil hemm mill-aspett sempliċement prattiku, impenn etiku li joħloq kundizzjonijiet soċjali ġodda.  L-isforzi dwar tema speċifika jistgħu jinbidlu fi proċess fejn, bis-smigħ ta’ xulxin, iż-żewġ partijiet jistgħu jissaffew u jistagħnew.  Għalhekk, anki dawn l-isforzi jista’ jkollhom it-tifsira ta’ mħabba għall-verità.

251. F’dan id-djalogu, dejjem bi ħbiberija kordjali, qatt m’għandna nittraskuraw ir-rabta essenzjali bejn djalogu u tħabbira, li jwassal lill-Knisja biex iżżomm u tintensifika r-relazzjonijiet ma’ dawk li mhumiex Insara.[195]  Is-sinkretiżmu fl-aħħar mill-aħħar mhux ħlief it-totalitarjaniżmu ta’ dawk li jippretendu li jistgħu jiġbru kollox flimkien u jwarrbu dawk il-valuri li huma ’l fuq minnhom u li ma jistgħux jiddeċiedu huma fuqhom.  Il-ftuħ veru jitlob li wieħed iżomm sod fil-konvinzjonijiet l-iżjed qawwija tiegħu, b’identità ċara u hienja, imma jkun ukoll miftuħ “biex jifhem dawk tal-ieħor” u “li d-djalogu jista’ jagħni lil kull wieħed”.[196]  M’għandniex bżonn ta’ ftuħ diplomatiku, li jgħid iva għal kollox biex jevita l-problemi, għax dan ikun iqarraq bl-ieħor u jċaħħdu mill-ġid li hu rċieva bħala don u li għandu jaqsmu b’ġenerożità ma’ oħrajn.  L-evanġelizzazzjoni u d-djalogu interreliġjuż mhux biss m’għandhomx ikunu kontra xulxin, imma jwieżnu lil xulxin u jgawdu wieħed mill-ieħor.[197]

252. Fi żmienna għandha importanza partikulari r-relazzjoni mal-Musulmani, illum partikularment preżenti f’bosta pajjiżi ta’ tradizzjoni Nisranija fejn huma jistgħu jiċċelebraw liberament il-kult tagħhom u jgħixu integrati fis-soċjetà.  Qatt ma rridu ninsew li huma, “waqt li jistqarru l-fidi ta’ Abraham, jaduraw magħna ’l Alla wieħed, ħanin, li għad jagħmel ħaqq mill-bnedmin fl-aħħar jum”.[198]  Il-kitbiet imqaddsa tal-Islam jiġbru parti mit-tagħlim Nisrani; Ġesù Kristu u Marija huma oġġett ta’ qima kbira, u ta’ min jammirahom tant żgħażagħ u anzjani, irġiel u nisa Musulmani, li huma kapaċi jiddedikaw ta’ kuljum żmien għat-talb u għas-sehem fidil fir-riti reliġjużi tagħhom.  Fl-istess waqt, ħafna minnhom huma konvinti mill-qiegħ li ħajjithom, kollha kemm hi, hi ta’ Alla u għaliH.  Jagħrfu wkoll il-ħtieġa li jwieġbu lil Alla b’impenn etiku u bil-ħniena mal-iżjed foqra.

253. Biex insaħħu d-djalogu mal-Islam bilfors li hemm bżonn niffurmaw sewwa lil dawk involuti fih, mhux biss biex jinbnew b’mod sod u hieni fl-identità tagħhom, imma biex ikollhom il-ħila jagħrfu l-valuri tal-oħrajn, jifhmu t-tħassib marbut ma’ dak li qed jitolbu u jixħtu dawl fuq il-konvinzjonijiet komuni.  Aħna l-Insara għandna nilqgħu bi mħabba u b’rispett lill-immigranti Musulmani li jaslu fuq xtut pajjiżna, l-istess kif nixtiequ u nitolbu li niġu milqugħa u rrispettati aħna fil-pajjiżi ta’ tradizzjoni Islamika.  Nitlob u umilment insejjaħ lil dawn il-pajjiżi biex jiżguraw il-libertà tal-Insara biex dawn jistgħu jiċċelebraw il-kult tagħhom u jgħixu l-fidi tagħhom, meta jżommu f’moħħhom il-libertà li l-Musulmani jgawdu fil-pajjiżi tal-Punent!  Quddiem episodji ta’ fundamentaliżmu vjolenti li jħassbuna, ir-rispett lejn dawk li b’mod awtentiku jemmnu fl-Islam għandu jwassalna biex naħarbu ġeneralizzazzjonijiet koroh, għax il-veru Islam u l-interpretazzjoni xierqa tal-Q’uran jeħduha kontra kull għamla ta’ vjolenza.

254. Dawk li mhumiex Insara, grazzi għall-inizjattiva b’xejn ta’ Alla, u fidili lejn il-kuxjenza tagħhom, jistgħu jgħixu “iġġustifikati permezz tal-grazzja ta’ Alla”,[199] u b’hekk “imsieħba fil-misteru tal-Għid ta’ Ġesù Kristu”.[200]  Imma, minħabba d-dimensjoni sagramentali tal-grazzja li tqaddes, fihom l-azzjoni divina tfittex tipproduċi sinjali, riti, espressjonijiet sagri, li min-naħa tagħhom iqarrbu oħrajn lejn esperjenza komunitarja ta’ mixja lejn Alla.[201]  M’għandhomx it-tifsira u l-effikaċja tas-Sagramenti mwaqqfa minn Kristu, imma jistgħu jkunu kanali li l-istess Spirtu jqanqal biex jeħles lil dawk li mhumiex Insara mill-immanentiżmu ateu jew minn esperjenzi reliġjużi sempliċement individwali.  L-istess Spirtu jqajjem kullimkien xejriet ta’ għerf prattiku li jgħinu lill-bniedem iġarrab it-tbatija tal-ħajja u jgħix b’iżjed paċi u armonija fil-qalb tiegħu.  Anki aħna l-Insara nistgħu napprofittaw minn dan l-għana li kompla jissaħħaħ mal-medda tas-sekli, li jista’ jgħinna ngħixu aħjar il-konvinzjonijiet partikulari tagħna.

Id-djalogu soċjali f’kuntest ta’ libertà reliġjuża

255. Il-Padri Sinodali fakkruna fl-importanza tar-rispett għal-libertà reliġjuża, li hi meqjusa bħala dritt fundamentali tal-bniedem.[202]  Din tfisser “il-libertà tal-għażla ta’ dik ir-reliġjon li wieħed iqis b’vera u li juri pubblikament il-fidi tiegħu”.[203]  Pluraliżmu b’saħħtu, li tabilħaqq jirrispetta lill-oħrajn u l-valuri bħala tali, ma jġibx miegħu privatizzazzjoni tar-reliġjonijiet, fejn jippretendi li jirriduċihom għas-silenzju jew għad-dell tal-kuxjenza ta’ kull persuna, jew inkella jwarrabhom għall-ġenb taz-zuntier magħluq tal-knejjes, tas-sinagogi jew tal-moskej.  Jekk jagħmel hekk, żgur li jkun joħloq għamla ġdida ta’ diskriminazzjoni u ta’ awtoritarjaniżmu.  Ir-rispett li jixraq lill-minoranzi ta’ anjostiċi jew ta’ atej m’għandux jimponi ruħu ta’ bilfors hekk li jsikket il-konvinzjonijiet tal-parti l-kbira ta’ dawk li jemmnu jew jinora l-għana tat-tradizzjonijiet reliġjużi.  Dan fl-aħħar mill-aħħar jispiċċa jkebbes iktar għadab milli tolleranza u paċi.

256. Aħna u nqisu kemm ir-reliġjon tinfluwenza lin-nies, hemm bżonn nagħżlu bejn modi diversi ta’ kif ngħixuha.  Kemm l-intellettwali u kemm il-kummenti ġurnalistiċi spiss jaqgħu f’ġeneralizzazzjonijiet goffi u ftit li xejn akkademiċi meta jitkellmu dwar id-difetti tar-reliġjonijiet u spiss ma jkunux jafu jagħrfu li mhux dawk kollha li jemmnu – u lanqas l-awtoritajiet reliġjużi kollha – m’huma l-istess.  Xi politiċi japprofittaw minn din il-konfużjoni biex jiġġustifikaw azzjonijiet diskriminatorji.  Drabi oħra jiġu ddisprezzati l-kitbiet li jkunu nħolqu f’qafas ta’ konvinzjoni reliġjuża, u ninsew li t-testi reliġjużi klassiċi jistgħu joffru sinifikat li jkellem lil kull żmien, għandhom qawwa li tagħti skop u tiftaħ dejjem orizzonti ġodda, tħeġġeġ il-ħsieb, twessa’ l-moħħ u s-sensibbiltà.  Jiġu mgħajra minħabba fil-viżjoni dejqa ta’ ċerti razzjonaliżmi.  Jagħmel sens u hi ħaġa intelliġenti li nħalluhom għad-dlam sempliċement għax twieldu fil-kuntest ta’ xi twemmin reliġjuż?  Fihom insibu prinċipji umanistiċi qawwija, li għandhom valur razzjonali anki jekk huma miżgħuda b’simboli u tagħlim reliġjuż.

257. Bħala persuni ta’ fidi nħossuna qrib anki ta’ dawk li, anki jekk ma jħossuhomx jagħmlu parti minn tradizzjoni reliġjuża, qegħdin ġenwinament ifittxu l-verità, it-tjieba u l-ġmiel, li għalina jsibu l-ogħla espressjoni u l-għajn tagħhom f’Alla.  Narawhom bħala alleati prezzjużi fl-impenn għall-ħarsien tad-dinjità umana, għall-bidu ta’ konvivenza fis-sliem bejn il-popli u fil-ħarsien tal-ħolqien.  Spazju partikulari hu dak tal-hekk imsejħa Areopaghi ġodda, bħall-“Bitħa tal-Ġentili”, fejn “sew min jemmen u sew min le jista’ jiddjaloga fuq it-temi fundamentali tal-etika, tal-arti, u tax-xjenza, u fuq it-tiftix tat-traxxendenza”.[204]  Anki din hi triq lejn il-paċi għad-dinja miġruħa tagħna.

258. Tlaqt minn xi temi soċjali, importanti għall-ġejjieni tal-umanità, biex stajt infittex mill-ġdid li nespliċita d-dimensjoni soċjali tax-xandir tal-Vanġelu li ma nistgħux naħarbu minnha, biex inħeġġeġ lill-Insara kollha juruha dejjem iżjed fi kliemhom, fi mġiebthom u f’għemilhom.
 

IL-ĦAMES KAPITLU

EVANĠELIZZATURI BL-ISPIRTU

259. Nevanġelizzaw bl-Ispirtu jfisser inkunu evanġelizzaturi li jiftħu qalbhom bla biża’ ta’ xejn għall-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu fihom.  F’Għid il-Ħamsin, l-Ispirtu joħroġ lill-Appostli minnhom infushom u jibdilhom f’ħabbara tal-għeġubijiet kbar ta’ Alla, li kull wieħed u waħda jibdew jifhmu fl-ilsien tagħhom.  Barra minn hekk, l-Ispirtu s-Santu jimliehom bil-qawwa biex ixandru l-aħbar ġdida tal-Vanġelu bil-kuraġġ kollu (parresia), b’vuċi għolja u f’kull żmien u post, imqar kontra l-kurrent.  Ejjew insejħulu llum, b’ħajjitna msejsa tajjeb fuq it-talb, li mingħajru kull azzjoni tkun fir-riskju li tibqa’ vojta u x-xandir fl-aħħar jispiċċa bla ruħ.  Ġesù jrid evanġelizzaturi li jxandru l-Aħbar it-Tajba mhux biss bil-kliem, imma fuq kollox b’ħajja mibdula mill-preżenza ta’ Alla.

260. F’dan l-aħħar kapitlu m’iniex se noffri sintesi tal-ispiritwalità Nisranija, lanqas sa niżviluppa temi kbar bħalma huma t-talb, l-adorazzjoni Ewkaristika jew iċ-ċelebrazzjoni tal-fidi, li dwarhom diġà għandna f’idejna testi maġisterjali prezzjużi u kitbiet ċelebri ta’ awturi kbar.  Ma nippretendix li għandi nieħu post jew nissupera għana bħal dan.  Sempliċement nixtieq nipproponi xi riflessjonijiet dwar l-ispirtu tal-evanġelizzazzjoni ġdida.

261. Meta ngħidu li xi ħaġa għandha “spirtu”, dan soltu jindika li hemm kawża interjuri li tħarrek, tqanqal, tħeġġeġ u tagħti sens lill-azzjoni personali u komunitarja.  Evanġelizzazzjoni bl-ispirtu hi differenti ħafna minn ġabra ta’ ħidmiet megħjuxa bħala obbligu tqil li sempliċement nittollerawh, jew nissaportuh avolja jmur kontra l-ġibdiet u x-xewqat tagħna.  Kemm nixtieq nista’ nsib il-kliem biex inħeġġeġ għal staġun ta’ evanġelizzazzjoni iżjed entużjasta, ferrieħa, ġeneruża, qalbiena, mimlija bi mħabba minn ġewwa u b’enerġija li tittieħed!  Imma naf li l-ebda motivazzjoni mhi ħa tkun biżżejjed jekk fil-qlub m’hemmx jaqbad in-nar tal-Ispirtu.  Bla dubju, evanġelizzazzjoni bl-ispirtu hi evanġelizzazzjoni bl-Ispirtu s-Santu, la Hu r-ruħ tal-Knisja li tevanġelizza.  Qabel nipproponi xi motivazzjonijiet u suġġerimenti spiritwali, insejjaħ għal darb’oħra lill-Ispirtu s-Santu, nitolbu jiġi biex iġedded, iħarrek, jixpruna lill-Knisja biex kollha kuraġġ toħroġ minnha nfisha ħalli tevanġelizza l-ġnus kollha.

I. Motivazzjonijiet għal tqanqil missjunarju mġedded

262. Evanġelizzaturi bl-Ispirtu jfisser evanġelizzaturi li jitolbu u jaħdmu.  Mill-ottika tal-evanġelizzazzjoni, la jisew il-proposti mistiċi mingħajr impenn soċjali u missjunarju b’saħħtu, u lanqas id-diskorsi u l-prattika soċjali u pastorali mingħajr spiritwalità li tibdel il-qalb.  Proposti bħal dawn, f’biċċiet jew imxerrda, jilħqu biss gruppi żgħar u m’għandhomx il-qawwa li jixterdu fuq livell wiesa’, għax jillimitaw lill-Vanġelu.  Hemm bżonn dejjem inħabirku biex noħolqu spazju ġewwieni li jagħti sens Nisrani lill-ħidma u l-attività tagħna.[205]  Mingħajr waqtiet twal ta’ adorazzjoni, ta’ laqgħa fit-talb mal-Kelma ta’ Alla, ta’ djalogu sinċier mal-Mulej, il-ħidmiet tagħna faċilment jitbattlu mis-sinifikat, inħossuna dgħajfin minħabba fl-għeja u d-diffikultajiet, u l-ħeġġa tintefa.  Il-Knisja ma tistax tgħaddi mingħajr in-nifs tat-talb, u nifraħ mhux ftit nara li qed joktru fl-istituzzjonijiet ekkleżjali kollha l-gruppi ta’ talb, ta’ interċessjoni, tal-qari tal-Kelma f’ambjent ta’ talb, l-adorazzjonijiet perpetwi tal-Ewkaristija.  Fl-istess ħin, “jeħtieġ nieqfu lit-tentazzjoni li nipproponu spiritwalità privatizzata u individwalistika li ma taqbilx ma’ dak li titlob minna l-imħabba, biex ma nsemmux l-implikazzjonijiet tal-Inkarnazzjoni”.[206]  Hemm ir-riskju li xi mumenti ta’ talb isiru skuża biex nevitaw li nagħtu ħajjitna fil-missjoni, għax il-privatizzazzjoni tal-istil ta’ ħajja jista’ jwassal lill-Insara biex isibu kenn f’xi spiritwalità falza.

263. Xieraq niftakru fl-ewwel Insara u tant aħwa matul l-istorja li kienu mimlijin bil-ferħ, imfawra bil-kuraġġ, bla heda fix-xandir u perseveranti fl-attività tagħhom.  Issib min jikkonsla għax jgħid li llum saret ħaġa aktar iebsa; madankollu, jeħtieġ nagħrfu li l-kuntest tal-Imperu Ruman lanqas kien favorevoli għax-xandir tal-Vanġelu, kif lanqas kien għall-ġlieda b’riżq il-ġustizzja, jew għall-ħarsien tad-dinjità umana.  F’kull mument tal-istorja nsibu preżenti d-dgħufija umana, it-tiftixa żbaljata tal-jien, l-egoiżmu komdu u, bla dubju, il-ġibda għall-ħażen li theddidna lkoll.  Din ir-realtà hi dejjem preżenti, issa taħt din il-qoxra u issa taħt l-oħra; ġejja mil-limitu uman iktar milli miċ-ċirkustanzi.  Għalhekk, ma ngħidux li llum hu iżjed diffiċli; l-iktar l-iktar, hu differenti.  Pjuttost ejjew nitgħallmu mill-qaddisin li mxew qabilna u ħabbtu wiċċhom mad-diffikultajiet tagħhom ta’ żmienhom.  Għalhekk nipproponilkom li nieqfu biex nifhmu ċerti motivazzjonijiet li jistgħu jgħinuna nimitawhom fi żmienna.[207]

Il-laqgħa personali mal-imħabba ta’ Ġesù li ssalvana

264. L-ewwel motivazzjoni għall-evanġelizzazzjoni hi l-imħabba ta’ Ġesù li aħna rċivejna, l-esperjenza tal-fidwa li Hu ġabilna u li ssuqna biex inħobbuh dejjem iżjed.  Imma, xi mħabba hi dik li ma tħossx il-ħtieġa li titkellem dwar il-persuna maħbuba, tippreżentaha, tagħmilha magħrufa?  Jekk ma nħossux ix-xewqa qawwija li ngħadduh lill-oħrajn, għandna bżonn nieqfu fit-talb biex nitolbuH jerġa’ jiġi u jsaħħarna għal warajh.  Hemm bżonn nittallbu ta’ kuljum, nitolbuh il-grazzja tiegħu biex tiftaħ il-qalb kiesħa tagħna u theżżeż il-ħajja bierda u superfiċjali tagħna.  Mitfugħin quddiemU b’qalbna miftuħa, inħalluH iħares lejna, ejjew nagħrfu din il-ħarsa ta’ mħabba li lemħet lil Natanjel dakinhar li Ġesù resaq lejh u qallu: “Rajtek taħt is-siġra tat-tin” (Ġw 1:48).  Kemm hi ħaġa sabiħa li nieqfu quddiem Kurċifiss, jew għarkupptejna f’riġlejn Ġesù Sagramentat, u sempliċement noqogħdu taħt għajnejh!  Kemm ikun ta’ ġid għalina jekk inħalluH jerġa’ jiġi u jmissilna ħajjitna u jibgħatna biex inxerrdu l-ħajja ġdida li hu jagħti!  Għalhekk, dak li jiġri hu li, fl-aħħar mill-aħħar, “inxandrulkom dak li aħna rajna u smajna” (1 Ġw 1:3).  L-aqwa motivazzjoni li twassalna biex inxandru l-Vanġelu hi li nkunu kkontemplajnieh bi mħabba, hi li nkunu waqafna fuq il-paġni tiegħu u qrajnieh bil-qalb.  Jekk nersqu lejh b’dan il-mod, il-ġmiel tiegħu jgħaġġibna, u kull darba jerġa’ lura biex isaħħarna.  Għalhekk hu urġenti li nsibu mill-ġdid dak l-ispirtu kontemplattiv, li jħallina niskopru mill-ġdid ta’ kuljum li aħna depożitarji ta’ ġid li jagħmel iktar uman lill-bniedem, li jgħinu biex jgħix ħajja ġdida.  M’hemm xejn aħjar x’ngħaddu lill-oħrajn.

265. Il-ħajja kollha ta’ Ġesù, il-mod ta’ kif kien iġib ruħu mal-foqra, il-ġesti tiegħu, il-koerenza tiegħu, il-ġenerożità tiegħu sempliċi u ta’ kuljum, u fl-aħħar nett l-għotja sħiħa tiegħu, kollox hu prezzjuż u għandu kelma x’jgħid lill-ħajja personali tagħna.  Kull darba li nfittxu li niskopruh, nikkonvinċu ruħna li propju dan hu li l-oħrajn jeħtieġu, anki jekk ma jistgħux jagħruf: “Dak li intom tqimuh bla ma tagħrfuh, inħabbarhulkom jien” (Atti 17:23).  Xi kultant nitilfu mill-ħeġġa għall-missjoni għax ninsew li l-Vanġelu għandu tweġiba għall-ħtiġijiet l-aktar profondi tal-persuni, għax kollha ġejna maħluqa għal dak li jipproponilna l-Vanġelu: il-ħbiberija ma’ Ġesù u l-imħabba tal-aħwa.  Meta jirnexxielna nesprimu kif jixraq u bil-ġmiel kollu tiegħu l-kontenut essenzjali tal-Vanġelu, żgur li dak il-messaġġ iwieġeb għall-mistoqsijiet l-iżjed profondi tal-qlub: “Il-missjunarju huwa u jħabbar fi Kristu lil dawk li mhumiex Insara huwa żgur li f’kull persuna u fil-popli li fosthom jinsab, hemm ġa fihom, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, ix-xewqa, li ma jafux biha, li jkollhom tagħrif dwar Alla, dwar il-verità tal-bniedem, dwar it-triq li twassal għall-ħelsien mid-dnub u l-mewt.  Il-ħeġġa tal-missjunarju biex iħabbar ’il Kristu tiġih mill-ħsieb li jwieġeb għal din ix-xewqa”.[208]

L-entużjażmu fl-evanġelizzazzjoni jissejjes fuq din il-konvinzjoni.  Għandna f’idejna teżor ta’ ħajja u ta’ mħabba li ma jistax jidħak bina, il-messaġġ li la jista’ jimmanipula u lanqas iqarraq.  Hi tweġiba li tinżel fil-qiegħ nett ta’ qalb il-bniedem u li tista’ twieżnu u tgħollih.  Hi l-verità li qatt ma tgħaddi l-moda tagħha għax għandha l-ħila tasal hemm fejn xejn iżjed ma jista’ jasal.  In-niket tagħna bla tmiem jitfejjaq biss bi mħabba bla tmiem.

266. Imma din il-konvinzjoni nsaħħuha bl-esperjenza personali, dejjem imġedda, li niggustaw il-ħbiberija tiegħu u l-messaġġ tiegħu.  Ma nistgħux nipperseveraw f’evanġelizzazzjoni kollha ħeġġa jekk ma nibqgħux konvinti, bl-esperjenza li għandna, li mhix l-istess ħaġa tkun sirt taf lil Ġesù jew le, mhix l-istess ħaġa timxi miegħU jew timxi fl-għama, mhix l-istess ħaġa tisimgħu jew tinjora l-Kelma tiegħu, mhix l-istess ħaġa tikkontemplah, tadurah, tistrieħ fiH, jew ma tagħmel xejn minn dan.  Mhix l-istess ħaġa tfittex li tibni d-dinja bil-Vanġelu tiegħu jew inkella dan tagħmlu biss bir-raġuni tiegħek.  Nafu sewwa li b’Ġesù l-ħajja ssir wisq iżjed mimlija u biH isir iżjed faċli nsibu s-sens ta’ kull ħaġa.  Hu għalhekk li aħna nevanġelizzaw.  Il-veru missjunarju, li qatt ma jieqaf ikun dixxiplu, jaf li Ġesù qed jimxi miegħu, jitkellem miegħu, jieħu n-nifs miegħu, jaħdem miegħu.  Iħossu lil Ġesù ħaj miegħu qalb il-ħidma missjunarja.  Jekk wieħed ma jiskoprihx preżenti fl-istess qalba tal-impenn missjunarju tiegħu, malajr jitlef il-ħeġġa u ma jibqax żgur minn dak li qed jipprova jgħaddi, jonqsuh is-saħħa u l-passjoni.  U persuna li mhix konvinta, imħeġġa, żgura, innamrata, ma tikkonvinċi lil ħadd.

267. Magħqudin ma’ Ġesù, infittxu dak li Hu jfittex, inħobbu dak li Hu jħobb.  Fl-aħħar mill-aħħar, dak li qed infittxu hu l-glorja tal-Missier, li ngħixu u naġixxu “għat-tifħir tal-glorja tal-grazzja tiegħu” (Efes 1:6).  Jekk irridu ningħataw kollna kemm aħna u dejjem, jeħtieġ immorru lil hemm minn kull motivazzjoni oħra.  Din hi l-motivazzjoni definittiva, l-iżjed profonda, l-iżjed kbira, ir-raġuni u s-sens aħħari ta’ kulma nagħmlu.  Hi l-glorja tal-Missier, li Ġesù fittex tul ħajtu kollha.  Hu l-Iben li jithenna għal dejjem b’dak kollu li hu “fi ħdan il-Missier” (Ġw 1:18).  Jekk aħna missjunarji, dan hu qabelxejn għax Ġesù qalhulna: “Din hi l-glorja ta’ Missieri, li intom tagħmlu ħafna frott” (Ġw 15:8).  Lil hemm minn jekk jaqblilniex jew le, jinteressaniex jew le, iserviniex jew le, lil hemm mil-limiti żgħar tax-xewqat tagħna, ta’ dak li nistgħu nifhmu u tal-motivazzjonijiet tagħna, aħna nevanġelizzaw għall-ikbar glorja tal-Missier li jħobbna.

Il-gost spiritwali li nkunu poplu

268. Il-Kelma ta’ Alla tistedinna wkoll nagħrfu li aħna poplu: “Intom li darba ma kontux poplu, issa sirtu l-poplu ta’ Alla” (1 Pt 2:10).  Biex inkunu evanġelizzaturi awtentiċi jeħtieġ anki niżviluppaw il-gost spiritwali li nibqgħu qrib il-ħajja tan-nies, sakemm niskopru li dan isir għajn ta’ ferħ ogħla.  Il-missjoni hi passjoni għal Ġesù imma, fl-istess ħin, hi passjoni għall-poplu tiegħu.  Meta nintasbu quddiem Ġesù Kurċifiss, nagħrfu l-imħabba kollha tiegħu li tagħtina dinjità u tweżinna, imma, f’dak l-istess waqt, jekk m’aħniex għomja, nibdew nifhmu li dik il-ħarsa ta’ Ġesù titwessa’ u ddur mimlija mħabba u ħerqa għall-poplu kollu tiegħu.  Hekk niskopru mill-ġdid li Hu jrid jinqeda bina biex jasal dejjem iżjed qrib tal-poplu maħbub tiegħu.  Jagħżilna minn fost il-poplu u jibgħatna għand il-poplu, hekk li l-identità tagħna ma nistgħux nifhmuha mingħajr din l-appartenenza.

269. Ġesù nnifsu hu l-mudell ta’ din l-għażla ta’ evanġelizzazzjoni li tqegħidna fil-qalb tal-poplu.  Kemm jagħmlilna ġid narawh qrib ta’ kulħadd!  Jekk kien ikellem lil xi ħadd, kien iħares f’għajnejh b’attenzjoni kbira mimlija mħabba: “Ġesù xeħet fuqu ħarsa ta’ mħabba” (Mk 10:21).  Narawh miftuħ biex jiltaqa’ ma’ ħaddieħor meta jersaq qrib tal-agħma bilqiegħda mal-ġenb tat-triq (ara Mk 10:46-52) u meta jiekol u jixrob mal-midinbin (ara Mk 2:16), bla ma jagħti kas xejn li hemm min iqisu wikkiel u sakranazz (ara Mt 11:19).  Narawh disponibbli meta jħalli lil waħda mara żienja tidliklu saqajh biż-żejt (ara Lq 7:36-50) u meta jilqa’ għandu billejl lil Nikodemu (ara Ġw 3:1-15).  Meta Ġesù jingħata fuq is-salib, dan mhux għajr il-qofol ta’ dan l-istil li mmarka l-ħajja kollha tiegħu.  Imsaħħra minn dan il-mudell, irridu nidħlu fil-qalba tas-soċjetà, naqsmu l-ħajja ma’ kulħadd, nisimgħu l-inkwiet tagħhom, ngħinuhom materjalment u spiritwalment fil-ħtiġijiet tagħhom, nifirħu ma’ min jifraħ, nibku ma’ min jibki u nħabirku fil-bini ta’ dinja ġdida, spalla ma’ spalla mal-oħrajn.  Imma dan ma nagħmluhx qisu kien xi obbligu, qisu kien piż li jtaqqalna, imma bħala għażla personali li tfawwarna bil-ferħ u tagħtina identità.

270. Xi kultant inħossu t-tentazzjoni li nkunu Nsara li jżommu distanza prudenti mill-ġrieħi tal-Mulej.  Imma Ġesù jrid li mmissu l-miżerja umana, li mmissu l-ġisem sofferenti tal-oħrajn.  Hu jistenna minna li ma noqogħdux infittxu dawk l-imkejjen ta’ kenn personali jew komunitarju li jżommuna mbegħdin minn fejn tħabbat il-qalb tat-tbatija umana, biex nistgħu naċċettaw tabilħaqq li nidħlu f’kuntatt mal-eżistenza konkreta tal-oħrajn u nagħrfu kemm hi kbira l-qawwa tal-ħlewwa.  Meta nagħmlu dan, il-ħajja dejjem tikkumplika ruħha b’mod sabiħ u nkunu ngħixu l-esperjenza qawwija ta’ poplu, l-esperjenza li aħna nagħmlu parti minn poplu.

271. Hu minnu li, fir-relazzjoni tagħna mad-dinja, aħna mistednin nagħtu raġuni għat-tama tagħna, imma mhux bħala għedewwa li jippuntaw subgħajhom u jikkundannaw.  It-twissija hi ċara: “Wieġbu bil-ħlewwa u bir-rispett” (1 Pt 3:16), u “jekk jista’ jkun, sakemm ikun ġej minnkom, għixu fil-paċi ma’ kulħadd” (Rum 12:18).  Ġejna wkoll imwissija nfittxu li nirbħu “il-ħażen bit-tajjeb” (Rum 12:21), mingħajr ma negħjew qatt “nagħmlu l-ġid” (Gal 6:9) u mingħajr ma nippretendu li nidhru superjuri imma billi nqisu “lill-ieħor aħjar minna” (Fil 2:3).  Fil-fatt lill-Appostli tal-Mulej “il-poplu kollu kien iġibhom” (Atti 2:47; ara 4:21,33; 5:13).  Jibqa’ ċar li Ġesù Kristu ma jridniex bħal prinċpijiet li jħarsu bi stmerrija, imma bħal irġiel u nisa tal-poplu.  Din mhix il-fehma ta’ Papa, lanqas xi għażla pastorali fost ħafna oħrajn li kollha huma possibbli; huma indikazzjonijiet tal-Kelma ta’ Alla hekk ċari, diretti u evidenti li m’għandhomx bżonn ta’ interpretazzjonijiet li jistgħu jneżżgħuhom mill-qawwa tagħhom li jisfidawna.  Ħa ngħixuhom sine glossa”, bla kummentarji.  B’hekk induqu l-ferħ missjunarju li naqsmu ħajjitna mal-poplu fidil ta’ Alla billi nfittxu li nkebbsu n-nar f’qalb id-dinja.

272. L-imħabba għan-nies hi qawwa spiritwali li twassal għal-laqgħa sħiħa ma’ Alla, tant li min ma jħobbx lil ħuh “jimxi fid-dlam” (1 Ġw 2:11), “jinsab fil-mewt” (1 Ġw 3:14) u “ma għarafx lil Alla” (1 Ġw 4:8).  Benedittu XVI qalilna li “għeluq l-għajnejn quddiem il-proxxmu jagħmilna wkoll għomja quddiem Alla”,[209] u li l-imħabba fl-aħħar mill-aħħar hi d-dawl waħdieni li “jdawwal mill-ġdid dinja mdallma u jagħti l-kuraġġ biex wieħed jgħix u jkompli jaħdem”.[210]  Għalhekk, meta ngħixu l-mistika li noqorbu lejn l-oħrajn biex infittxu l-ġid tagħhom, inkunu nwessgħu l-ġewwieni tagħna biex nistgħu nilqgħu l-isbaħ doni tal-Mulej.  Kull darba li niltaqgħu ma’ bniedem ieħor fl-imħabba, inkunu npoġġu lilna nfusna f’qagħda li niskopru xi ħaġa ġdida dwar Alla.  Kull darba li niftħu għajnejna biex nagħrfu lill-persuna l-oħra, tiddawwal wisq aktar il-fidi tagħna biex nistgħu nagħrfu lil Alla.  B’konsegwenza ta’ dan, jekk irridu nikbru fil-ħajja spiritwali, ma nistgħux ma nkunux missjunarji.  L-impenn tal-evanġelizzazzjoni jagħni l-moħħ u l-qalb, jiftħilna qalbna għal orizzonti spiritwali, jagħmilna iktar sensibbli biex nistgħu nagħrfu l-azzjoni tal-Ispirtu, joħroġna barra mill-iskemi spiritwali limitati tagħna.  Fl-istess ħin, missjunarju li hu dedikat b’mod sħiħ fil-ħidma tiegħu, jista’ jduq il-gost li jsir għajn ta’ ilma, li tnixxi u taħji lill-oħrajn.  Jista’ jkun missjunarju biss min iħossu sew ifittex il-ġid tal-proxxmu, min jixtieq il-ferħ tal-oħrajn.  Dan il-ftuħ il-qalb hu għajn ta’ hena, għax “min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu” (Atti 20:35).  Ma ngħixux aħjar jekk naħarbu mill-oħrajn, ninħbew, nibqgħu lura milli naqsmu mal-oħrajn, nirreżistu li nagħtu, ningħalqu fil-kumdità tagħna.  Dan mhux ħlief suwiċidju bil-mod bil-mod.

273. Il-missjoni li nkun fil-qalba tal-poplu mhix parti minn ħajti, jew tiżjin li nista’ ninża’, mhix appendiċi, jew mument qalb ħafna f’ħajti.  Hi xi ħaġa li ma nistax inħassar minn dak li jien jekk ma rridx neqred lili nnifsi.  Jiena missjoni fuq din l-art, u għalhekk ninsab f’din id-dinja.  Irridu naraw lilna nfusna bħala mmarkati bin-nar minn din il-missjoni li ndawlu, inbierku, ngħajxu, inserrħu, infejqu, neħilsu.  Hemm jibda jidher l-infermier li għandu ruħ, l-għalliem li għandu ruħ, il-politiku li għandu ruħ, dawk li ddeċidew fil-qalb tagħhom li jkunu mal-oħrajn u għall-oħrajn.  Minkejja dan, jekk wieħed jifred id-dmir tiegħu fuq naħa u l-ħajja privata tiegħu fuq l-oħra, kollox jinbidel fi griż u jibda l-ħin kollu jfittex ir-rikonoxximenti u joqgħod jiddefendi l-ħtiġijiet tiegħu.  Ma jibqax jgħix ta’ poplu.

274. Biex nistgħu naqsmu ħajjitna man-nies u ningħataw b’ġenerożità, għandna bżonn nagħrfu wkoll li kull persuna jixirqilha l-attenzjoni tagħna.  Mhux minħabba d-dehra fiżika tagħha, il-ħiliet tagħha, il-lingwaġġ tagħha, il-mentalità tagħha jew is-sodisfazzjon li tista’ toffrilna, imma għax hi opra ta’ Alla, ħlejqa tiegħu.  Hu ħalaqha xbieha tiegħu, u hi tirrifletti xi ħaġa mill-glorja tiegħu.  Kull bniedem hu oġġett tal-ħlewwa bla tarf tal-Mulej, u Hu nnifsu jgħammar f’ħajtu.  Għal dik il-persuna, Ġesù Kristu xerred id-demm prezzjuż tiegħu fuq is-salib.  Lil hemm minn kull dehra, kull persuna hi immensament qaddisa u timmerita l-imħabba u l-attenzjoni tagħna.  Għalhekk, jekk jirnexxieli ngħin imqar persuna waħda tgħix aħjar, dan hu diġà biżżejjed biex jiġġustifika d-don ta’ ħajti.  Kemm hi ħaġa sabiħa li nkunu l-poplu fidil ta’ Alla.  U naslu għall-milja meta nfarrku l-ħitan u nħallu qalbna timtela b’uċuħ u b’ismijiet!

L-azzjoni misterjuża tal-Irxoxt u tal-Ispirtu tiegħu

275. Fit-tieni kapitlu rriflettejna fuq dak in-nuqqas ta’ spiritwalità profonda li jinbidel fil-pessimiżu, fil-fataliżmu, fl-isfiduċja.  Xi wħud ma jingħatawx għall-missjoni għax jemmnu li m’hemm xejn li jista’ jinbidel u għalhekk għalihom inutli joqogħdu jagħmlu l-isforzi.  Jaħsbuha hekk: “Għaliex għandi noqgħod niċċaħħad mill-kumditajiet u l-pjaċiri tiegħi jekk ma jien nara l-ebda riżultat importanti?”.  B’din il-mentalità impossibbli nkunu missjunarji.  Din l-imġiba hi sewwasew skuża ħażina biex nibqgħu magħluqin fil-kumdità, fix-xeħħa, fid-dwejjaq li qatt ma jsib sodisfazzjon f’xejn, fil-vojt egoista.  Għandna hawn imġiba li teqred lill-persuna nfisha, għax “il-bniedem ma jistax jgħix mingħajr tama: ħajtu, ikkundannata li ma jifdlilha l-ebda tifsira, issir insopportabbli”.[211]  Jekk naħsbu li l-affarijiet mhuma sa jinbidlu qatt, niftakru li Ġesù Kristu rebaħ fuq id-dnub u fuq il-mewt u hu mimli bil-qawwa u s-setgħa.  Ġesù Kristu jgħix tassew.  Inkella, “jekk Kristu ma qamx mill-imwiet, fiergħa hi l-predikazzjoni tagħna” (1 Kor 15:14).  Il-Vanġelu jirrakkuntalna li meta l-ewwel dixxipli telqu biex imorru jipprietkaw, “il-Mulej kien jaħdem magħhom u jwettaq il-Kelma” (Mk 16:20).  Dan iseħħ illum ukoll.  Aħna mistiedna niskopruh, ngħixuh.  Kristu Rxoxt u glorjuż hu l-għajn qawwija tat-tama tagħna, u mhix sa tonqosna l-għajnuna tiegħu biex inwettqu l-missjoni li Hu jafdalna f’idejna.

276. Il-qawmien tiegħu mhux ħaġa tal-imgħoddi; fih hemm qawwa ta’ ħajja li daħlet u xterdet mad-dinja.  Fejn donnu kollox mejjet, jerġgħu jispuntaw minn kullimkien ir-rimjiet tal-qawmien.  Hi qawwa li m’hemmx bħalha.  Hu minnu li spiss jidher qisu Alla ma jeżistix: naraw madwarna inġustizzji, ħażen, indifferenzi u kefrija li ma jonqsux.  Imma dasqhekk ieħor hu ċert li qalb din id-dalma dejjem tibda tixtered xi ħaġa ġdida, li llum jew għada se tagħmel il-frott.  F’għalqa kollha xewk terġa’ titfaċċa l-ħajja, stinata u qatt mirbuħa.  Sa jkun hemm bosta ħwejjeġ koroh, imma t-tajjeb dejjem jerġa’ lura biex iwarrad u jixtered.  Kuljum fid-dinja tagħna qed jinbet mill-ġdid il-ġmiel, li jixref mill-ġdid minn qalb it-taqlib tal-istorja.  Il-valuri dejjem jidhru mill-ġdid f’għamliet ġodda, u fil-fatt il-bniedem bosta drabi jitwieled mill-ġdid minn qagħdiet li jidhru li ma jistgħux jitreġġgħu lura.  Din hi l-qawwa tal-qawmien u kull evanġelizzatur hu għodda ta’ dan id-dinamiżmu.

277. Il-ħin kollu jitfaċċaw ukoll diffikultajiet ġodda, l-esperjenza tal-falliment, dgħufijiet umani li jagħmlu ħafna ħsara.  Mill-esperjenza lkoll nafu li kultant ikun hemm ħidma li ma tagħtix is-sodisfazzjon li nkunu xtaqna, il-frott ikun skars u l-bidliet bil-mod, u wieħed taf tiġih it-tentazzjoni li jegħja u jixba’.  Minkejja dan, meta wieħed, minħabba fl-għeja, ibaxxi għal ftit idejh, mhux l-istess bħal meta wieħed iniżżilhom għalkollox għax jinħakem minn nuqqas ta’ kuntentizza li m’għandux fejqan, minn ċertu għażż li jnixxef ir-ruħ.  Jista’ jiġri li l-qalb tegħja tissielet għax fl-aħħar mill-aħħar tkun qed tfittex lilha nfisha f’karreriżmu għatxan għal rikonoxximenti, applawsi, premijiet, karigi; hawn wieħed ma jbaxxihomx idejh, imma ma tibqagħlux grinta, jonqsu l-qawmien.  Hekk, il-Vanġelu, li hu l-isbaħ messaġġ li hawn fid-dinja, jibqa’ midfun taħt ħafna skużi.

278. Il-fidi tfisser ukoll nemmnu fiH, nemmnu li tassew iħobbna, li hu ħaj, li għandu l-ħila jidħol b’mod misterjuż fil-ħajja tagħna, li ma jitlaqniex waħidna, li, bil-qawwa tiegħu u bil-kreattività bla tarf tiegħu, mill-ħażin jaf joħroġ it-tajjeb.  Tfisser nemmnu li Hu għadu miexi rebbieħ fl-istorja flimkien ma’ “dawk li huma miegħu msejħin u magħżulin u fidili” (Apok 17:14).  Nemmnu fil-Vanġelu li jħabbar li s-Saltna ta’ Alla diġà tinsab fid-dinja, u qed tikber ’l hemm u ’l hawn, b’għadd ta’ modi: bħal dik iż-żerriegħa ċkejkna li kapaċi tinbidel f’siġra kbira (ara Mt 13:31-32), bħal ftit ħmira li tgħolli l-għaġna kollha (ara Mt 13:33), u bħaż-żerriegħa tajba li tikber f’nofs is-sikrana (ara Mt 13:24-30) u dejjem għandha l-ħila tissorprendina b’mod sabiħ.  Hi preżenti, tiġi mill-ġdid, tħabrek biex twarrad mill-ġdid.  Il-qawmien ta’ Kristu jqabbad ma’ kullimkien l-għeruq ta’ din id-dinja ġdida; u anki jekk jinqatgħu, jerġgħu jixirfu, għax il-qawmien tal-Mulej diġà daħal fin-nisġa moħbija ta’ din l-istorja, għax Ġesù ma qamx għalxejn mill-imwiet.  Ejjew ma nibqgħux mal-ġenb ta’ din il-mixja tat-tama ħajja!

279. Billi mhux dejjem naraw dawn l-għeruq, għandna bżonn ta’ ċertezza li tiġi minn ġewwa, jiġifieri tal-konvinzjoni li Alla jista’ jaġixxi f’kull ċirkustanza, anki qalb dawk li minn barra jidhru fallimenti, għax “dan it-teżor qiegħed għandna f’ġarar tal-fuħħar” (2 Kor 4:7).  Din iċ-ċertezza hi dak li jissejjaħ “sens tal-misteru”.  Tfisser li nafu b’ċertezza li min joffri ruħu u jingħata lil Alla bi mħabba, żgur sa jagħmel il-frott (ara Ġw 15:15).  Dan il-frott ħafna drabi ma jidhirx, ma tistax tmissu b’idejk, ma tistax tgħoddu.  Wieħed jaf sew li ħajtu ħa tagħti l-frott, imma mingħajr ma jippretendi li jaf kif, jew fejn, jew meta.  Għandu ċ-ċertezza li xejn mill-ħidmiet li jwettaq bi mħabba mhu sa jintilef, xejn mhu sa jintilef mit-tħassib ġenwin tiegħu għall-oħrajn, xejn mhu ħa jintilef mill-għemejjel ta’ mħabba tiegħu lejn Alla, xejn mhu ħa jintilef mill-ħidma ġeneruża, xejn mhu ħa jintilef mis-sabar li mhux nieqes mill-uġigħ.  Dan kollu jdur mad-dinja tagħna bħala qawwa li tagħti l-ħajja.  Xi kultant jidhrilna li bl-isforzi tagħna ma nkunu ksibna l-ebda riżultat, imma l-missjoni mhix xi ftehim jew biċċa negozju, lanqas hi organizzazzjoni umanitarja, mhix spettaklu biex ngħoddu kemm nies ħadet sehem grazzi għall-propaganda tagħna; hi ħaġa wisq aktar profonda, li ma tista’ titkejjel bl-ebda mod.  Forsi l-Mulej qed jinqeda bl-impenn tagħna biex ixerred il-barkiet tiegħu fuq xi post ieħor fid-dinja fejn aħna qatt m’aħna ħa nirfsu.  L-Ispirtu s-Santu jaħdem kif irid hu, meta jrid u fejn irid; aħna nħabirku b’dedikazzjoni imma mingħajr ma nippretendu li nistgħu naraw riżultati li jagħtu fl-għajn.  Nafu biss li hu meħtieġ id-don tagħna nfusna.  Nitgħallmu nistrieħu fi ħdan il-ħlewwa ta’ dirgħajn il-Missier fl-għotja kreattiva u ġeneruża tagħna.  Nimxu ’l quddiem, nidħlu għaliha b’ruħna u ġisimna, imma nħallu lilU jagħmilna għammiela fl-isforzi tagħna kif jidhirlu Hu.

280. Biex inżommu ħaj iż-żelu missjunarju hemm bżonn ta’ fiduċja sħiħa fl-Ispirtu s-Santu, biex Hu “jgħinna fin-nuqqas ta’ ħila tagħna” (Rum 8:26).  Imma fiduċja ġeneruża bħal din hemm bżonn tissaħħaħ u għalhekk irridu nsejħulu f’kull ħin.  Hu jista’ jfejjaqna minn dak kollu li jżommna lura fl-impenn missjunarju tagħna.  Hu minnu li din il-fidi f’dak li ma jidhirx tista’ tqabbadna ftit tal-mejt: dan bħal meta tintefa’ f’baħar fejn ma tafx ma’ xiex ħa tiltaqa’.  Jiena stess din il-ħaġa doqtha kemm-il darba.  Minkejja dan, m’hemmx libertà aqwa minn meta nħallu lill-Ispirtu jeħodna fejn irid Hu, u ma noqogħdux inkejlu jew nikkontrollaw kollox, u nħallu lilU jdawwalna, imexxina, jeħodna fejn jixtieq Hu.  Hu jaf tajjeb x’hemm bżonn f’kull żmien u f’kull ħin.  Dan ifisser li nkunu misterjożament għammiela!

Il-qawwa missjunarja tal-interċessjoni

281. Hemm għamla ta’ talb li partikularment isseddaqna fit-tħabrik tagħna għall-evanġelizzazzjoni u timmotivana nfittxu l-ġid tal-oħrajn: l-interċessjoni.  Għal waqt wieħed ejjew nosservaw x’kellu ġo fih evanġelizzatur kbir bħalma kien San Pawl, biex nifhmu kif kien it-talb tiegħu.  Dan it-talb kien mimli bil-persuni: “Nitlob dejjem ferħan fit-talb tiegħi għalikom […] għaliex jiena nġibkom f’qalbi” (Fil 1:4,7).  Hekk nagħrfu li meta ninterċedu, ma nkunux qed nitbiegħdu mill-vera kontemplazzjoni, għax il-kontemplazzjoni li żżomm barra lill-oħrajn hi qerq.

282. Dan l-atteġġjament jinbidel anki f’radd il-ħajr lil Alla għall-oħrajn: “Qabelxejn niżżi ħajr lil Alla permezz ta’ Ġesù Kristu, għaliex il-fidi tagħkom isemmuha fid-dinja kollha” (Rum 1:8).  Dan ifisser radd il-ħajr kontinwu: “Jiena niżżi ħajr dejjem lil Alla tiegħi minħabba fikom għall-grazzja li Alla takom, lilkom fi Kristu Ġesù” (1 Kor 1:4); “Niżżi ħajr lil Alla tiegħi kull meta niftakar fikom” (Fil 1:3).  Mhix ħarsa bla fidi, negattiva u bla tama, imma ħarsa spiritwali, ta’ fidi qawwija, li tagħraf dak li Alla nnifsu qed iwettaq fihom.  Fl-istess ħin, hi l-gratitudni li toħroġ minn qalb tassew attenta għall-oħrajn.  B’dan il-mod, meta evanġelizzatur ġej minn ħajja ta’ talb, qalbu tkun iktar ġeneruża, iħossu meħlus mill-kuxjenza iżolata u xewqan li jagħmel it-tajjeb u jaqsam ħajtu mal-oħrajn.

283. L-irġiel u nisa kbar ta’ Alla kienu interċessuri kbar.  L-interċessjoni hi bħal “ħmira” fi ħdan it-Trinità.  Biha nidħlu fil-qalb tal-Missier u niskopru dimensjonijiet li jitfgħu dawl fuq is-sitwazzjonijiet konkreti u jibdluhom.  Nistgħu ngħidu li l-qalb ta’ Alla titqanqal quddiem l-interċessjoni, imma fir-realtà Hu dejjem jasal qabilna, u dak li nistgħu nagħmlu aħna bl-interċessjoni tagħna hu li qawwietu, imħabbtu u l-lealtà tiegħu jidhru b’mod aktar ċar fil-poplu.

II. Marija, Omm l-evanġelizzazzjoni

284. Flimkien mal-Ispirtu s-Santu, qalb il-poplu hemm dejjem Marija.  Hi kienet tiġbor madwarha lid-dixxipli biex isejħu l-qawwa tiegħu (Atti 1:14), u hekk għamlet possibbli dik l-isplużjoni missjunarja li seħħet nhar Għid il-Ħamsin.  Hi Omm il-Knisja li tevanġelizza u mingħajrha ma nistgħux nifhmu b’mod sħiħ l-ispirtu tal-evanġelizzazzjoni ġdida.

Id-don ta’ Ġesù lill-poplu tiegħu

285. Fuq is-salib, waqt li Kristu kien qed ibati f’ġismu l-laqgħa drammatika bejn id-dnub tad-dinja u l-ħniena ta’ Alla, seta’ jilmaħ biswit riġlejh il-preżenza kollha faraġ tal-Omm u tad-dixxiplu l-maħbub.  F’dak il-waqt kruċjali, qabel stqarr b’mitmuma l-ħidma li l-Missier kien fdalu f’idejh, Ġesù qal lil Marija: “Mara, hawn hu ibnek”.  Imbagħad qal lid-dixxiplu l-maħbub: “Hawn hi ommok” (Ġw 19:26-27).  Dawn il-kelmiet ta’ Ġesù fuq l-għatba tal-mewt l-ewwel nett ma jesprimux xi tħassib mimli ħniena għal ommu, imma pjuttost huma formula ta’ rivelazzjoni li tixkef il-misteru ta’ missjoni speċjali ta’ fidwa.  Ġesù ħallielna lil ommu biex tkun omm tagħna.  Kien biss wara li għamel dan li Ġesù seta’ jħoss li “kollox hu mitmum” (Ġw 19:30).  F’riġlejn is-salib, fis-siegħa l-kbira tal-ħolqien ġdid, Kristu jibgħatna għand Marija.  Jibgħatna għandHa għax ma jridx li nimxu mingħajr omm, u l-poplu f’dik ix-xbieha ta’ omm jaqra l-misteri kollha tal-Vanġelu.  Il-Mulej ma jridx li l-Knisja tiegħu tkun nieqsa mill-ikona femminili.  Hi, li nisslitu b’fidi hekk kbira, tissieħeb ukoll “mal-bqija ta’ nisilha, ma’ dawk li jħarsu l-preċetti ta’ Alla u li għandhom ix-xhieda ta’ Ġesù” (Apok 12:17).  Ir-rabta intima bejn Marija, il-Knisja u kull fidil, li, f’xejriet diversi, inisslu lil Kristu, ġiet imfissra bi kliem mill-isbaħ mill-Beatu Iżakk tal-Istilla: “Fl-Iskrittura mnebbħa minn Alla,  dak li b’mod ġenerali nifhmu għall-Knisja, verġni u omm, nifhmuh b’mod partikulari għall-Verġni Marija […]  Bl-istess mod nistgħu ngħidu li kull ruħ fidila hi għarusa tal-Verb ta’ Alla, omm ta’ Kristu, bint u oħt, verġni u omm għammiela […]  Kristu baqa’ għal disa’ xhur f’ġuf Marija, jibqa’ fit-tabernaklu tal-fidi tal-Knisja sat-temma tas-sekli; u, fl-għarfien u fl-imħabba tar-ruħ fidila, għal dejjem ta’ dejjem”.[212]

286. Marija hi dik li għar tal-annimali taf tibdlu f’dar għal Ġesù, bi ftit faxex fqajra u ħafna ħlewwa.  Hi l-qaddejja ċkejkna tal-Missier li taqbeż bil-ferħ fit-tifħir.  Hi dik is-sieħba dejjem attenta li ma jmurx jonqos l-inbid fil-ħajja tagħna.  Hi dik b’qalbha minfuda mis-sejf, li tista’ tifhem l-uġigħ kollu tagħna.  Bħala omm ta’ kulħadd, hi sinjal ta’ tama għall-ġnus li qed ibatu l-uġigħ tal-ħlas sakemm jasal iż-żmien li twarrad il-ġustizzja.  Hi l-missjunarja li tersaq qrib tagħna biex tissieħeb magħna f’ħajjitna, u bl-imħabba tagħha ta’ omm tiftħilna qalbna għall-fidi.  Bħala omm tassew, timxi magħna, tissielet magħna, u xxerred bla waqfien l-imħabba ta’ Alla li hu qrib tagħna.  Permezz tal-għadd ta’ devozzjonijiet Marjani, ġeneralment marbuta mas-santwarji, taqsam f’dak kollu li jgħaddi minnu kull poplu li rċieva l-Vanġelu, u tidħol tagħmel parti mill-identità storika tiegħu.  Ħafna ġenituri Nsara jitolbu l-Magħmudija għal uliedhom f’santwarju Marjan, u hekk jixhdu għall-fidi tal-azzjoni materna ta’ Marija li tnissel ulied ġodda għal Alla.  Hemm, fis-santwarji, nistgħu nilmħu kif Marija tiġbor madwarha lil uliedha li, mgħobbija b’tant toqol, jiġu pellegrini biex jarawha u jħossu ħarsitHa fuqhom.  Hemm isibu l-qawwa ta’ Alla biex jistgħu jġarrbu t-tbatija u l-għeja tal-ħajja.  Kif għamlet ma’ San Juan Diego, Marija toffrilhom iż-żegħila tal-faraġ tagħha ta’ omm u tgħidilhom: “Tħallix qalbek titħawwad […]  M’hawnx jien, l-Omm tiegħek?”.[213]

Il-Kewkba tal-evanġelizzazzjoni ġdida

287. Lil din l-Omm tal-Vanġelu ħaj nitolbuha tidħol għalina biex din l-istedina għal tappa ġdida tal-evanġelizzazzjoni tiġi milqugħa mill-komunità ekkleżjali kollha.  Hi l-mara tal-fidi, li timxi fil-fidi,[214] u “il-mixja tal-fidi tagħha, mixja tassew eċċezzjonali, hi mixja li lejha trid tħares biex tkun taf hix miexja sewwa l-Knisja”.[215]  Hi ħalliet l-Ispirtu jmexxiha, tul pellegrinaġġ ta’ fidi, lejn destin ta’ servizz u ħajja għammiela.  Aħna llum nieqfu b’ħarsitna fuqha, biex tgħinna nxandru lil kulħadd il-messaġġ tas-salvazzjoni, u biex id-dixxipli ġodda jsiru evanġelizzaturi ħabrieka.[216]  F’dan il-pellegrinaġġ ta’ evanġelizzazzjoni ma jonsqux il-fażijiet ta’ nixfa, ta’ dalma u saħansitra ta’ ċerta tbatija, bħal dik li għaddiet minnha Marija fis-snin ta’ Nazareth, meta Ġesù kien għadu jikber: “Dan hu l-bidu tal-Evanġelju, jiġifieri tal-Bxara t-tajba ta’ ferħ.  Iżda mhux ħaġa iebsa f’dan il-bidu tara toqol u għeja partikulari tal-qalb, flimkien ma’ sura ta’ ‘lejl tal-fidi’ – biex nuża frażi ta’ San Ġwann tas-Salib – qisu xi ‘velu’ li minnu trid tgħaddi biex tersaq lejn Dak li ma jidhirx u tgħix f’ħajja intima mal-misteru.  Hu propju b’dan il-mod li Marija, għal ħafna snin, għexet ħajja intima mal-misteru ta’ Binha, u mxiet il-mixja tagħha tal-fidi”.[217]

288. Il-ħidma ta’ evanġelizzazzjoni li twettaq il-Knisja għandha stil Marjan.  Għax kull darba li nħarsu lejn Marija, inkunu qed nemmnu mill-ġdid fil-qawwa rivoluzzjonarja tal-ħlewwa u tal-imħabba.  Fiha naraw kif l-umiltà u l-ħlewwa mhumiex virtujiet ta’ min hu dgħajjef imma ta’ min hu qawwi, li m’għandux bżonn jittratta ħażin lill-oħrajn biex hu jħossu importanti.  Inħarsu lejha u nintebħu li dik li faħħret lil Alla għax “niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom” u “l-għonja bagħathom ’il barra b’xejn” (Lq 1:53,53) hi l-istess waħda li tara li jkun hemm dik il-ħeġġa familjari fit-tiftix tagħna tal-ġustizzja.  Hi anki dik li tgħożż f’qalbha “dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha” (Lq 2:19).  Marija taf tagħraf il-passi tal-Ispirtu ta’ Alla fil-ġrajjiet kbar u anki f’dawk li kemm kemm jidhru.  Tikkontempla l-misteru ta’ Alla fid-dinja, fl-istorja u fil-ħajja ta’ kuljum ta’ kull persuna u ta’ kulħadd.  Hi l-mara li titlob u taħdem f’Nazareth, u hi wkoll l-Omm tagħna tas-Sokkors, dik li tħalli r-raħal tagħha biex “marret tħaffef” (Lq 1:39) tgħin lill-oħrajn.  Hi din id-dinamika ta’ ġustizzja u ta’ ħlewwa, ta’ kontemplazzjoni u ta’ mixja lejn l-oħrajn, li tagħmel minnha mudell għall-Knisja fl-evanġelizzazzjoni tagħha.  Nitolbuha li bit-talb tagħha ta’ omm tgħinna biex il-Knisja ssir dar għal ħafna, omm għall-ġnus kollha, u tagħmel possibbli t-twelid ta’ dinja ġdida.  Hu l-Irxoxt li qed jgħidilna, b’qawwa li timliena b’fiduċja liema bħalha u tama qawwija: “Ara, se nġedded kollox” (Apok 21:5).  Ma’ Marija nimxu kollna fiduċja lejn din il-wegħda, u ngħidulha:

Verġni u Omm tagħna Marija,

int li, imqanqla mill-Ispirtu,

ilqajt il-Verb tal-ħajja

fil-qiegħ nett tal-fidi umli tiegħek,

mogħtija kollha kemm hi lill-Etern,

għinna llissnu l-“iva” tagħna

għas-sejħa urġenti, tagħfas fuqna iktar minn qatt qabel,

li nsemmgħu mill-ġdid il-Bxara t-Tajba ta’ Ġesù.

Mimlija bil-preżenza ta’ Kristu,

int ġibt il-ferħ lil Ġwanni l-Battista,

hekk li qabeż fil-ġuf ta’ ommu.

Taqbeż bil-hena,

int għannejt l-għeġubijiet sbieħ tal-Mulej.

Int, li bqajt wieqfa taħt is-Salib

b’fidi li ma tiġġarrafx,

u lqajt il-faraġ hieni tal-Qawmien,

ġmajt id-dixxipli fl-istennija tal-Ispirtu

biex hekk twieldet il-Knisja evanġelizzatriċi.

Iksbilna issa l-ħeġġa ġdida li jnissel il-Qawmien,

biex nistgħu nwasslu lil kulħadd il-Vanġelu tal-ħajja

li jegħleb il-mewt.

Agħtina l-kuraġġ qaddis li nfittxu toroq ġodda

biex jasal għand kulħadd

id-don tal-ġmiel li ma jintefiex.

Int, Verġni tas-smigħ u tal-kontemplazzjoni,

omm tal-imħabba, għarusa tat-tieġ etern,

aqbeż għall-Knisja, li tagħha int ix-xbieha l-iżjed safja,

biex qatt ma tingħalaq fiha nfisha u qatt ma tehda

fil-passjoni tagħha biex twaqqaf mill-ġdid is-Saltna.

Kewkba tal-evanġelizzazzjoni ġdida,

għinna nkunu dawl fix-xhieda tagħna tal-komunjoni,

tas-servizz, tal-fidi mħeġġa u ġeneruża,

tal-ġustizzja u tal-imħabba lejn il-foqra,

biex il-ferħ tal-Vanġelu

jasal sa truf l-art

u l-ebda periferija ma tisfa mċaħħda mid-dawl tiegħu.

Omm il-Vanġelu ħaj,

għajn ta’ ferħ għaċ-ċkejknin,

itlob għalina.

Amen.  Hallelujah.

Mogħti Ruma, f’San Pietru, f’għeluq is-Sena tal-Fidi, nhar l-24 ta’ Novembru, Solennità tas-Sinjur Tagħna Ġesù Kristu, Sultan tal-Univers, tas-sena 2013, l-ewwel waħda tal-Pontifikat tiegħi.

FRANCISCUS


[1]  Pawlu VI, Eżortazzjoni appostolika Gaudete in Domino (9 ta’ Mejju 1975), 22: AAS 67 (1975), 297.

[2] Ibid., 8: AAS 67 (1975), 292.

[3] Ittra enċiklika Deus caritas est (25 ta’ Diċembru 2005), 1: AAS 98 (2006), 217.

[4] V Konferenza Ġenerali tal-Episkopat tal-Amerika Latina u l-Karibej, Dokument ta’ Aparecida (31 ta’ Mejju 2007), 360.

[5] Ibid.

[6] Pawlu VI, Eżortazzjoni appostolika Evangelii nuntiandi (8 ta’ Diċembru 1975), 80: AAS 68 (1976), 75.

[7] Kantiku spiritwali, 36, 10.

[8] Adversus hæreses, IV, c. 34, n. 1: PG 7 pars prior, 1083: “Omnem novitatem attulit, semetipsum afferens”.

[9] Pawlu VI, Eżortazzjoni appostolika Evangelii nuntiandi (8 ta’ Diċembru 1975), 7: AAS 68 (1976), 9.

[10] Ara Propositio 7.

[11] Benedittu XVI, Omelija fil-Quddiesa tal-għeluq tat-XIII-il Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet (28 ta’ Ottubru 2012): AAS 104 (2012), 890.

[12] Ibid.

[13] Benedittu XVI, Omelija fil-Quddiesa tal-inawgurazzjoni tal-V Konferenza Ġenerali tal-Episkopat tal-Amerika Latina u tal-Kiribej fis-Santwarju “La Aperecida” (13 ta’ Mejju 2007), AAS 99 (2007), 437.

[14] Ittra enċiklika Redemptoris missio (7 ta’ Diċembru 1990), 34: AAS 83 (1991), 280.

[15] Ibid., 40: AAS 83 (1991), 287.

[16] Ibid., 86: AAS 83 (1991), 333.

[17] V Konferenza Ġenerali tal-Episkopat tal-Amerika Latina u tal-Karibej, Dokument ta’ Aperecida (31 ta’ Mejju 2007), 548.

[18] Ibid., 370

[19] Ara Propositio 1.

[20] Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Christifideles laici (30 ta’ Diċembru 1988), 32: AAS 81 (1989), 451.

[21] V Konferenza Ġenerali tal-Episkopat tal-Amerika Latina u tal-Karibej, Dokument ta’ Aperecida (31 ta’ Mejju 2007), 201.

[22] Ibid., 551.

[23] Pawlu VI, Ittra enċiklika Ecclesiam suam (6 ta’ Awwissu 1964), 10-12: AAS 56 (1964), 611-612.

[24] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Digriet fuq l-ekumeniżmu Unitatis redintegratio, 6.

[25] Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Ecclesia in Oceania (22 ta’ Novembru 2001), 19: AAS 94 (2002), 390.

[26] Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Christifideles laici (30 ta’ Diċembru 1988), 26: AAS 81 (1989), 438.

[27] Ara Propositio 26.

[28] Ara Propositio 44.

[29] Ara Propositio 26.

[30] Ara Propositio 41.

[31] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Digriet fuq il-missjoni pastorali tal-isqfijiet fil-Knisja Christus Dominus, 11.

[32] Ara Benedittu XVI, Diskors lill-parteċipanti fil-Konvenju Internazzjonali fl-okkażjoni tal-40 anniversarju mid-Digriet Konċiljari “Ad gentes” (11 ta’ Marzu 2006): AAS 98 (2006), 337.

[33] Ara Propositio 42.

[34] Ara CC. 460-468; 492-502; 511-514; 536-537.

[35] Ittra enċiklika Ut unum sint (25 ta’ Mejju 1995), 95: AAS 87 (1995), 977-978.

[36] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika fuq il-Knisja Lumen gentium, 23.

[37] Ara Ġwanni Pawlu II, Motu propju Apostolos suos (21 ta’ Mejju 1998): AAS 90 (1998), 641-658.

[38] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Digriet fuq l-ekumeniżmu Unitatis redintegratio, 11.

[39] Ara Summa Theologiæ, I-II, q. 66, art. 4-6.

[40] Summa Theologiæ, I-II, q. 108, art. 1.

[41] Summa Theologiæ, II-II, q. 30, art. 4. Ara ibid., q. 30, art. 4, ad 1: “Il-qima lejn Alla ma neżerċitawhiex b’sagrifiċċji u b’offerti esterjuri b’vantaġġ tiegħu, imma b’vantaġġ tagħna u tal-proxxmu.  Hu fil-fatt m’għandux bżonn tas-sagrifiċċji tagħna, imma jrid li jsirulu dawn l-offerti għad-devozzjoni tagħna u għall-ġid tal-proxxmu.  Għalhekk il-ħniena, li biha wieħed jaqbeż għall-ieħor fil-miżerja tiegħu, hi sagrifiċċju iktar mogħġub minnu, u tiżgura iktar mill-qrib il-ġid tal-proxxmu”.

[42] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika fuq ir-Rivelazzjoni divina Dei Verbum, 12.

[43] Motu propju Socialium Scientiarum (1 ta’ Jannar 1994): AAS 86 (1994), 209.

[44] San Tumas ta’ Aquino kien jisħaq li l-multipliċità u d-distinzjoni “ġejjin mill-intenzjoni tal-aġent primarju”, hu li ried li “dak li kull ħaġa għandha nieqes fiha biex tista tirrappreżenta t-tjieba divina, jagħmlu tajjeb għalih l-oħrajn”, għax it-tjieba tal-Ħallieq “ma tistax tiġi rrappreżentata kif jixraq minn ħlejqa waħda” (Summa Theologiæ I, q. 47, art. 1).  Għalhekk jeħtieġ nifhmu l-varjetà tal-ħwejjeġ fl-għadd ta’ relazzjonijiet ta’ bejniethom (ara Summa Theologiæ. I, q. 47, art. 2, ad 1; q. 47, art. 3).  Bl-istess mod, għandna bżonn nisimgħu wieħed lill-ieħor u nikkumplimentaw lil xulxin fir-reċezzjoni parzjali tagħna tar-realtà u tal-Vanġelu.

[45] Ġwanni XXIII, Diskors fil-ftuħ solenni tal-Konċilju Vatikan II (11 ta’ Ottubru 1962): AAS 54 (1962), 786: “Est enim aliud ipsum depositum Fidei, seu veritates, quæ veneranda doctrina nostra continentur, aliud modus, quo eædem enuntiantur”.

[46] Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Ut unum sint (25 ta’ Mejju 1995), 19: AAS 87 (1995), 933.

[47] Summa Theologiæ, I-II, q. 107, art. 4.

[48] Ibid.

[49] N. 1735.

[50] Ara Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Familiaris consortio (22 ta’ Novembru 1981), 34: AAS 74 (1982), 123-125.

[51] Ara Sant’Ambroġ, De Sacramentis, IV, vi, 28: PL 16, 464: “Għandi nirċevih dejjem, biex dejjem jaħfirli dnubieti.  Jekk nidneb il-ħin kollu, dejjem għandi nsib rimedju”; ibid., IV, v, 24: PL 16, 463: “Min kiel il-manna, miet; min jiekol minn dan il-ġisem, jikseb il-maħfra ta’ dnubietu”; San Ċirillu ta’ Lixandra, In Joh. Evang. IV, 2: PG 73, 584-585: “Għarbilt lili nnifsi u sibt li ma jistħoqqlix.  Lil dawk li jitkellmu hekk ngħidilhom: U meta ħa jkun jistħoqqilkom?  Allura meta se tidhru quddiem Kristu?  U jekk dnubietkom iżommukom milli tersqu lejh u jekk m’intom ħa tieqfu qatt taqgħu – in-nuqqas min jista’ jagħrfu?, jgħid is-Salm – ħa tibqgħu intom bla ma tieħdu sehem mit-tqaddis li jaħji għal dejjem?”.

[52] Benedittu XVI, Diskors fl-okkażjoni tal-laqgħa mal-Isqfijiet tal-Brażil fil-Knisja Katidrali ta’ San Pawl (11 ta’ Mejju 2007), 3: AAS 99 (2007), 428.

[53] Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Pastores dabo vobis (25 ta’ Marzu 1992), 10: AAS 84 (1992), 673.

[54] Pawlu VI, Ittra enċiklika Ecclesiam suam (6 ta’ Awwissu 1964), 52: AAS 56 (1964), 632.

[55] San Ġwann Kriżostmu, De Lazaro Concio II, 6: PG 48, 992.

[56] Ara Propositio 13.

[57] Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Ecclesia in Africa (14 ta’ Settembru 1995), 52: AAS 88 (1996), 32-33; Ittra enċiklika Sollicitudo rei socialis (30 ta’ Diċembru 1987), 22: AAS 80 (1988), 539.

[58] Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Ecclesia in Asia (6 ta’ Novembru 1999), 7: AAS 92 (2000), 458.

[59] Konferenza Episkopali Kattolika tal-Istati Uniti, Ministry to persons with a Homosexual Inclination: Guidelines for Pastoral Care (2006), 17.

[60] Conférence des Évêques de France. Conseil Famille et Société, Élargir le mariage aux personnes de même sexe? Ouvrons le débat! (28 septiembre 2012).

[61] Ara Propositio 25.

[62] Azzjoni Kattolika Taljana, Messaġġ tal-XIV-il Assemblea Nazzjonali lill-Knisja u lill-Pajjiż (8 ta’ Mejju 2011).

[63] Joseph Ratzinger, Il-qagħda attwali tal-fidi u tat-teoloġija. Konferenza mogħtija tul il-Laqgħa tal-Presidenti tal-Kummissjoni Episkopali tal-Amerika Latina għad-duttrina tal-fidi, fi Guadalajara, il-Messiku, 1996.  Ippubblikata f’L’Osservatore Romano, 1 ta’ Novembru 1996; ikkwotat fil-V Konferenza Ġenerali tal-Episkopat tal-Amerika Latina u tal-Kiribej, Dokument ta’ Aperecida (29 ta’ Ġunju 2007), 12.

[64] Georges Bernanos, Journal d’un curé de campagne, Paris, 1974, p. 135.

[65] Diskors tal-ftuħ tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II (11 ta’ Ottubru 1962), 4, 2-4: AAS 54 (1962), 789.

[66] John Henry Newman, Letter of 26 January 1833, f’The Letters and Diaries of John Henry Newman, vol. III, Oxford 1979, p. 204.

[67] Benedittu XVI, Omelija fil-Quddiesa tal-ftuħ tas-Sena tal-Fidi (11 ta’ Ottubru 2012): AAS 104 (2012), 881.

[68] Tumas minn Kempis, De Imitatione Christi, Liber I, IX, 1: “Bosta wħud isibu ruħhom imqarrqin, billi jixtiequ jqallbu u jbiddlu, u jinsabu band’oħra milli fejn huma”.

[69] Ta’ siwi hi x-xhieda ta’ Santa Tereżina ta’ Lisieux, fir-relazzjoni tagħha ma’ dik is-soru li ma tantx kienet iġġibha, fejn kellha esperjenza interjuri li ħalliet impatt deċiżiv fuqha: “Darba, filgħaxija matul ix-xitwa, kont qiegħda naqdi bħas-soltu dan id-dmir żgħir [ma’ Swor SanPietru]; kien il-bard sewwa, kien qorob il-lejl… u f’daqqa waħda, smajt ġej mill-bogħod il-ħoss armonjuż ta’ strument mużikali, u bdejt inġib quddiem għajnejja xi sala mimlija dwal u ħwejjeġ imdiehba bi tfajliet, lebsin b’mod eleganti, li kienu qegħdin jitħaddtu flimkien u jagħmlu kull xorta ta’ kumplimenti lil xulxin waqt li jġibu ruħhom skont ma titlob l-imġiba tajba tad-dinja.  Imbagħad, ħarsti waqgħet fuq l-imsejkna marida li konta qiegħda nwieżen; minflok in-noti tal-mużika, minn ħin għall-ieħor bdejt nisma’ t-tnehid u l-krib tagħha […]  Ma nistax infisser bil-kliem dak li għadda f’ruħi dak il-ħin: dak li naf hu li l-Mulej dawwalha Hu bir-raġġi tal-verità, li kienu hekk jiżbqu t-tlellix mudlam tal-festi ta’ din l-art illi ma stajtx nemmen il-ferħ tiegħi!”: Manuskritt Ċ, 29v–30r, f’Œuvres complètes, Paris, 1992, pp. 274-275.

[70] Ara Propositio 8.

[71] Henry De Lubac, Méditation sue l’église, Paris, 1968, p. 321.

[72] Kunsill Pontifiċju tal-Ġustizzja u l-Paċi, Kompendju tad-Duttrina Soċjali tal-Knisja, 295.

[73] Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Christifideles laici (30 ta’ Diċembru 1988), 51: AAS 81 (1989), 493.

[74] Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, Dikjarazzjoni Inter insigniores, fuq il-kwistjoni tal-ammissjoni tal-mara għas-saċerdozju ministerjali (15 ta’ Ottubru 1976), VI: AAS 68 (1977) 115; ikkwotata fi Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Christifideles laici (30 ta’ Diċembru 1988), 51 (nota 190): AAS 81 (1989), 493.

[75] Ġwanni Pawlu II, Ittra appostolika Mulieris dignitatem (15 ta’ Awwissu 1988), 27: AAS 80 (1988), 1718.

[76] Ara Propositio 51.

[77] Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Ecclesia in Asia (6 ta’ Novembru 1999), 19: AAS 92 (2000), 478.

[78] Ibid., 2: AAS 92 (2000), 451.

[79] Ara Propositio 4.

[80] Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika fuq il-Knisja Lumen gentium, 1.

[81] Meditazzjoni fl-ewwel Kongregazzjoni ġenerali tat-XIII-il Assemblea Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet (8 ta’ Ottubru 2012): AAS 104 (2012), 897.

[82] Ara Propositio 6; Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni pastorali fuq il-Knisja fid-dinja tal-lum Gaudium et spes, 22.

[83] Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika fuq il-Knisja Lumen gentium, 9.

[84] Ara III Konferenza Ġenerali tal-Episkopat tal-Amerika Latina u tal-Karibej, Dokument ta’ Puebla (23 ta’ Marzu 1979), 386-387.

[85] Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni pastorali fuq il-Knisja fid-dinja tal-lum Gaudium et spes, 36.

[86] Ibid., 25.

[87] Ibid., 53.

[88] Ġwanni Pawlu II, Ittra appostolika Novo millennio ineunte (6 ta’ Jannar 2001), 40: AAS 93 (2001), 294-295.

[89] Ibid., 40: AAS 93 (2001), 295.

[90] Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Redemptoris missio (7 ta’ Diċembru 1990), 52: AAS 83 (1991), 299.  Ara Eżortazzjoni appostolika Catechesi tradendæ (16 ta’ Ottubru 1979) 53: AAS 71 (1979), 1321.

[91] Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Ecclesia in Oceania (22 ta’ Novembru 2001), 16: AAS 94 (2002), 384.

[92] Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Ecclesia in Africa (14 ta’ Settembru 1995), 61: AAS 88 (1996), 39.

[93] Ara San Tumas ta’ Aquino, Summa Theologiæ, I, q. 39, art. 8, cons. 2: “Jekk naqtgħu barra lill-Ispirtu s-Santu, li hu r-rabta bejn it-tnejn, ma nistgħux nifhmu l-armonija li hemm fl-għaqda bejn il-Missier u l-Iben”; ibid., I, q. 37, art. 1, ad 3.

[94] Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Ecclesia in Oceania (22 ta’ Novembru 2001), 17: AAS 94 (2002), 385.

[95] Ara Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Ecclesia in Asia (6 ta’ Novembru 1999), 20: AAS 92 (2000), 478-482.

[96] Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika fuq il-Knisja Lumen gentium, 12.

[97] Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Fides et ratio (14 ta’ Settembru 1998), 71: AAS 91 (1999), 60.

[98] III Konferenza Ġenerali tal-Episkopat tal-Amerika Latina u tal-Karibej, Dokument ta’ Puebla (23 ta’ Marzu 1979), 450; Ara V Konferenza Ġenerali tal-Episkopat tal-Amerika Latina u tal-Karibej, Dokument ta’ Aperecida (29 ta’ Ġunju 2007), 264.

[99] Ara Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Ecclesia in Asia (6 ta’ Novembru 1999), 21: AAS 92 (2000), 482-484.

[100] N. 48: AAS 68 (1976), 38.

[101] Ibid.

[102] Diskors fis-Sessjoni inawgurali tal-V Konferenza Ġenerali tal-Episkopat tal-Amerika Latina u l-Karibej (13 ta’ Mejju 2007), 1: AAS 99 (2007), 446-447.

[103] V Konferenza Ġenerali tal-Episkopat tal-Amerika Latina u tal-Karibej, Dokument ta’ Aperecida (29 ta’ Ġunju 2007), 262.

[104] Ibid., 263.

[105] Ara San Tumas ta’ Aquino, Summa Theologiæ II-II, q. 2, art. 2.

[106] V Konferenza Ġenerali tal-Episkopat tal-Amerika Latina u tal-Karibej, Dokument ta’ Aperecida (29 ta’ Ġunju 2007), 264.

[107] Ibid.

[108] Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika fuq il-Knisja Lumen gentium, 12.

[109] Ara Propositio 17.

[110] Ara Propositio 30.

[111] Ara Propositio 27.

[112] Ġwanni Pawlu II, Ittra appostolika Dies Domini (31 ta’ Mejju 1998), 41: AAS 90 (1998), 738-739.

[113] Pawlu VI, Eżortazzjoni appostolika Evangelii nuntiandi (8 ta’ Diċembru 1975), 78: AAS 68 (1976), 71.

[114] Ibid.

[115] Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Pastores dabo vobis (25 ta’ Marzu 1992), 26: AAS 84 (1992), 698.

[116] Ibid., 25: AAS 84 (1992), 696.

[117] San Tumas ta’ Aquino, Summa Theologiæ, II-II, q. 188, art. 6.

[118] Pawlu VI, Eżortazzjoni appostolika Evangelii nuntiandi (8 ta’ Diċembru 1975), 76: AAS 68 (1976), 68.

[119] Ibid., 75: AAS 68 (1976), 65.

[120] Ibid., 63: AAS 68 (1976), 53.

[121] Ibid., 43: AAS 68 (1976), 33.

[122] Ibid.

[123] Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Pastores dabo vobis (25 ta’ Marzu 1992),10: AAS 84 (1992), 672.

[124] Pawlu VI, Eżortazzjoni appostolika Evangelii nuntiandi (8 ta’ Diċembru 1975), 40: AAS 68 (1976), 31.

[125] Ibid., 43: AAS 68 (1976), 33.

[126] Ara Propositio 9.

[127] Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Pastores dabo vobis (25 ta’ Marzu 1992),26: AAS 84 (1992), 698.

[128] Ara Propositio 38.

[129] Ara Propositio 20.

[130] Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Digriet fuq il-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali Inter mirifica, 6.

[131] Ara De musica, VI, XIII, 38: PL 32, 1183-1184; Conf., IV, XIII, 20: PL 32, 701.

[132] Benedittu XVI, Diskors fl-okkażjoni tal-wiri tad-dokumentarju “Arte e fede – via pulchritudinis” (25 ta’ Ottubru 2012)L’Osservatore Romano (27 ta’ Ottubru 2012), p. 7.

[133] Summa Theologiæ, I-II, q. 65, art. 3, ad 2: “propter aliquas dispositiones contrarias”.

[134] Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Ecclesia in Asia (6 ta’ Novembru 1999), 20: AAS 92 (2000), 481.

[135] Benedittu XVI, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Verbum Domini (30 ta’ Settembru 2010), 1: AAS 102 (2010), 682.

[136] Ara Propositio 11.

[137] Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika fuq ir-rivelazzjoni divina Dei Verbum, 21-22.

[138] Ara Benedittu XVI, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Verbum Domini (30 ta’ Settembru 2010), 86-87: AAS 102 (2010), 757-760.

[139] Benedittu XVI, Meditazzjoni fl-ewwel Kongregazzjoni ġenerali tat-XIII-il Assemblea Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet (8 ta’ Ottubru 2012): AAS 104 (2012), 896.

[140] Pawlu VI, Eżortazzjoni appostolika Evangelii nuntiandi (8 ta’ Diċembru 1975), 17: AAS 68 (1976), 17.

[141] Ġwanni Pawlu II, Angelus mal-persuni b’diżabbiltà fil-Knisja Katidrali ta’ Osnbrück [16 ta’ Novembru 1980]: Insegnamenti III/2 [1980], 1232.

[142] Kunsill Pontifiċju tal-Ġustizzja u l-Paċi, Kompendju tad-Duttrina Soċjali tal-Knisja, 52.

[143] Ġwanni Pawlu II, Udjenza Ġenerali [24 ta’ April 1991]: Insegnamenti XIV/1[1991], 856.

[144] Benedittu XVI, Ittra appostolika f’forma ta’ Motu propju Intima Ecclesiæ natura (11 ta’ Novembru 2012): AAS 104 (2012), 996.

[145] Ittra enċiklika Populorum Progressio (26 ta’ Marzu 1967), 14: AAS 59 (1967), 264.

[146] Pawlu VI, Eżortazzjoni appostolika Evangelii nuntiandi (8 ta’ Diċembru 1975), 29: AAS 68 (1976), 25.

[147] V Konferenza Ġenerali tal-Episkopat tal-Amerika Latina u tal-Karibej, Dokument ta’ Aperecida (29 ta’ Ġunju 2007), 380.

[148] Kunsill Pontifiċju tal-Ġustizzja u l-Paċi, Kompendju tad-Duttrina Soċjali tal-Knisja, 9.

[149] Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Ecclesia in America (22 ta’ Jannar 1999) 27: AAS 91 (1999), 762.

[150] Benedittu XVI, Ittra enċiklika Deus caritas est (25 ta’ Diċembru 2005), 28: AAS 98 (2006), 239-240.

[151] Kunsill Pontifiċju tal-Ġustizzja u l-Paċi, Kompendju tad-Duttrina Soċjali tal-Knisja, 12.

[152] Ittra appostolika Octogesima adveniens, 23 (14 ta’ Mejju 1971), 4: AAS 63 (1971), 403.

[153] Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, Istruzzjoni Libertatis nuntius (6 ta’ Awwissu 1984), XI, 1: AAS 76 (1984), 903.

[154] Kunsill Pontifiċju tal-Ġustizzja u l-Paċi, Kompendju tad-Duttrina Soċjali tal-Knisja, 157.

[155] Pawlu VI, Ittra appostolika Octogesima adveniens, 23 (14 ta’ Mejju 1971): AAS 63 (1971) 418.

[156] Pawlu VI, Ittra enċiklika Populorum Progressio (26 ta’ Marzu 1967), 65: AAS 59 (1967), 289.

[157] Ibid., 15: AAS 59 (1967), 265.

[158] Conferência Nacional dos Bispos do Brasil, Dokument Exigências evangélicas e éticas de superação da miséria e da fome, Introduzzjoni, 2.

[159] Ġwanni XXIII, Ittra enċiklika Mater et Magistra (15 ta’ Mejju 1961), 2: AAS 53 (1961), 402.

[160] Santu Wistin, De catechizandis rudibus, I, XIV, 22: PL 40, 327.

[161] Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, Istruzzjoni Libertatis nuntius (6 ta’ Awwissu 1984), XI, 18: AAS 76 (1984), 907-908.

[162] Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Centesimus annus (1 ta’ Mejju 1991), 41: AAS 83 (1991), 844-845.

[163] Ġwanni Pawlu II, Omelija fil-Quddiesa għall-evanġelizzazzjoni tal-popli ta’ Santo Domingo (11 ta’ Ottubru 1984), 5: AAS 77 (1985), 358.

[164] Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Sollicitudo rei socialis (30 ta’ Diċembru 1987), 42: AAS 80 (1988), 572.

[165] Benedittu XVI, Diskors fis-Sessjoni inawgurali tal-V Konferenza Ġenerali tal-Episkopat tal-Amerika Latina u l-Karibej (13 ta’ Mejju 2007), 3: AAS 99 (2007), 450.

[166] San Tumas ta’ Aquino, Summa Theologiæ, II-II, q. 27, art. 2.

[167] Ibid., I-II, q. 110, art. 1.

[168] Ibid., I-II, q. 26, art. 3.

[169] Ġwanni Pawlu II, Ittra appostolika Novo Millennio ineunte (6 ta’ Jannar 2001), 50: AAS 93 (2001), 303.

[170] Ibid.

[171] Ara Propositio 45.

[172] Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, Istruzzjoni Libertatis nuntius (6 ta’ Awwissu 1984), XI, 18: AAS 76 (1984), 908.

[173] Dan jimplika li “neliminaw il-kawżi strutturali tal-funzjonament żbaljat tal-ekonomija tad-dinja”: Benedittu XVI, Diskors lill-Korp Diplomatiku (8 ta’ Jannar 2007): AAS 99 (2007), 73.

[174] Ara Commission sociale des évêques de France, Dikjarazzjoni Réhabiliter la politique (17 ta’ Frar 1999); Piju XI, Messaġġ, 18 ta’ Diċembru 1927.

[175] Benedittu XVI, Ittra enċiklika Caritas in veritate (29 ta’ Ġunju 2009), 2: AAS 101 (2009), 642.

[176] Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Christifideles laici (30 ta’ Diċembru 1988), 37: AAS 81 (1989), 461.

[177] Ara Propositio 56.

[178] Konferenza Episkopali Kattolika tal-Filippini, Ittra pastorali What is Happening to our Beautiful Land? (29 ta’ Jannar 1988).

[179] Pawlu VI, Ittra enċiklika Populorum Progressio (26 ta’ Marzu 1967), 76: AAS 59 (1967), 294-295.

[180] Konferenza Episkopali Kattolika tal-Istati Uniti, Ittra pastorali Forming Consciences for Faithful Citizenship (Novembru 2007), 13.

[181] Kunsill Pontifiċju tal-Ġustizzja u l-Paċi, Kompendju tad-Duttrina Soċjali tal-Knisja, 161.

[182] Das Ende der Neuzeit, Würzburg, 1965, 30-31.

[183] Ara I. Quiles, S.I., Filosofia de la educación personalista, Buenos Aires, 1981, 46-53.

[184] Comité permanent de la Conférence Episcopale Nationale du Congo, Message sur la situation sécuritaire dans le pays (5 ta’ Diċembru 2012), 11.

[185] Ara Platun, Gorgia, 465.

[186] Benedittu XVI, Diskors lill-Kurja Rumana (21 ta’ Diċembru 2012): AAS 105 (2006), 51.

[187] Ara Propositio 14.

[188] Ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 1910; Kunsill Pontifiċju tal-Ġustizzja u l-Paċi, Kompendju tad-Duttrina Soċjali tal-Knisja, 168.

[189] Ara Propositio 54.

[190] Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Fides et ratio (14 ta’ Settembru 1998), 88: AAS 91 (1999), 74.

[191] San Tumas ta’ Aquino, Summa contra Gentiles, I, VII; ara Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Fides et ratio (14 ta’ Settembru 1998), 43: AAS 91 (1999), 39.

[192] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Digriet fuq l-ekumeniżmu Unitatis redintegratio, 4.

[193] Ara Propositio 52.

[194] Konferenza Episkopali Kattolika tal-Indja, Dikjarazzjoni finali tat-30 Assemblea ġenerali: The Church’s Role for a better India (8 ta’ Marzu 2012), 8.9.

[195] Ara Propositio 53.

[196] Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Redemptoris missio (7 ta’ Diċembru 1990), 56: AAS 83 (1991), 304.

[197] Ara Benedittu XVI, Diskors lill-Kurja Rumana (21 ta’ Diċembru 2012): AAS 105 (2006), 51.

[198] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika fuq il-Knisja Lumen gentium, 16.

[199] Kummissjoni Teoloġika Internazzjonali, Il-Kristjaneżmu u r-reliġjonijiet (1996), 72: Ench. Vat. 15, n. 1061.

[200] Ibid.

[201] Ara ibid., 81-87: Ench. Vat. 15, n. 1070-1076.

[202] Ara Propositio 16.

[203] Benedittu XVI, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Ecclesia in Medio Oriente (14 ta’ Settembru 2012), 26: AAS 104 (2012), 762.

[204] Propositio 55.

[205] Ara Propositio 36.

[206] Ġwanni Pawlu II, Ittra appostolika Novo Millennio ineunte (6 ta’ Jannar 2001), 52: AAS 93 (2001), 304.

[207] Ara V. M. Fernández, “Espiritualidad para la esperanza activa”. Acto de apertura del I Congreso Nacional de Doctrina social de la Iglesia, Rosario (Argentina), 2011: UCActualidad 142 (2011), 16.

[208] Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Redemptoris missio (7 dicembre 1990), 45: AAS 83 (1991), 292.

[209] Benedittu XVI, Ittra enċiklika Deus caritas est (25 ta’ Diċembru 2005), 16: AAS 98 (2006), 230.

[210] Ibid., 39: AAS 98 (2006), 250.

[211] II Assemblea speċjali għall-Ewropa tas-Sinodu tal-Isqfijiet, Messaġġ finali, 1: L’Osservatore Romano (23 ta’ Ottubru 1999), 5.

[212] Iżakk tal-Istilla, Sermo 51: PL 194, 1863.1865.

[213] Nican Mopohua, 118-119.

[214] Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika fuq il-Knisja Lumen gentium,kap. VIII, 52-69.

[215] Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Redemptoris Mater (25 ta’ Marzu 1987), 6: AAS 79 (1987), 366.

[216] Ara Propositio 58.

[217] Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Redemptoris Mater (25 ta’ Marzu 1987), 17: AAS 79 (1987), 381.


INDIĊI TAT-TEMI

 Indiċi maħdum minn Dun Hector Scerri

Minħabba l-għadd kbir ta’ temi li ġew ittrattati minn Papa Franġisku fl-Eżortazzjoni Appostolika Evangelii Gaudium, saru diversi talbiet minn membri tal-Knisja ġewwa Malta u ġewwa Għawdex li jitħejja indiċi dettaljat ta’ dawn it-temi. L-indiċi jgħin biex wieħed iħejji taħdita, omelija jew xi kitba. Jgħinek ukoll fir-riflessjoni personali, u biex torbot il-proposti pastorali li hemm fl-Eżortazzjoni mal-ħajja tagħna bħala membri tal-Knisja u tas-soċjetà.

Ir-referenzi huma għall-paragrafi tad-dokument.

ss = il-paragrafi li jsegwu

Accidia

            81, 82

Akkumpanjament

            24, 77, 169-173, 271-273

Ambjent

            215

Anzjani

            108

Deżert

            86

Diffikultajiet

            83-85

Dixxepolat

            127

Dixxerniment

            153, 154

Djalogu Fidi-Raġuni-Xjenza

            242ss

Djalogu Interreliġjuż

            250-254

Djoċesi

            30

Dnub, Strutturi tad-

            59, 64

Ekonomija

            202ss, ara wkoll Flus

Ekumeniżmu

            244-246

Entużjażmu

            265, 266

Eskatologija

            181, 229

Evanġelizzaturi

            262ss

Evanġelizzazzjoni

            9, 29, 32, 34, 39, 69, 74, 111, 120, 127, 237, 259ss

Evanġelizzazzjoni, riskji fl-

            41

Ewkaristija

            47

Familja

            66

Ferħ

            1-7, 10, 21, 23

Fidi sempliċi

            125

Fidwa

            178, 269, 270, 275, 276, 278

Firdiet

            98, 99

Flus

            55-58

Foqra

            45, 58, 186ss, 191, 193ss

Ġesù Kristu

            11, 12, 197, 265, 268ss, ara wkoll Inkarnazzjoni, Fidwa

Ġesù Kristu, laqgħa ma’

            1, 3, 8, 23, 27, 39, 67, 71, 72, 90, 91, 112, 113, 120, 128, 264-267

Ġid komuni

            240, 241

Ġmiel

            167

Ġudaiżmu

            247-249

Għaqda

            226-230

Għatx għal Alla

            89

Għotja

            10, 76

Ħajja divina

            213, 214

Ħniena, ara Maħfra

Idoli

            55

Inizjattiva

            24, 112

Inizjazzjoni

            166, ara wkoll Magħmudija, Ewkaristija

Inkarnazzjoni

            71, 88, 89, 178, 233

Inkulturazzjoni

            122

Isqof

            31

Karità/elemożina

            193

Kariżmi

            130

Katekeżi

            164ss

Kelma ta’ Alla, il-ġmiel tal-

            42, 174, 175, 237, ara wkoll Lectio Divina

Kerygma

            164, 165, 177 

Knisja

            26, 65, 74, 99, 111, 113, 114, 116, 169, 198

Knisja “li toħroġ”

            20, 21, 23, 24, 27, 46, 47, 49, 97, 179, 259, 273

Komunitajiet żgħar

            29

Komunjoni

            67, 99

Komunjoni, Dnubiet kontra l-

            131

Konverżjoni

            26

Kultura

            115, 116, ara wkoll Inkulturazzjoni

Lajċi

            102

Lectio Divina

            152, 153, 264

Libertà reliġjuża

            61, 255, 256

Liturġija

            24

Magħmudija

            120

Maħfra/ħniena

            3, 37, 44, 46, 100, 112, 114, 144

Mara, il-

            103

Marija, il-Verġni

            284ss

Martirju

            24

Memorja

            13

Ministeru pastorali

            77-80, 169

Mondanità spiritwali

            93-97

Omelija

            135-144, 145-150, 156ss

Paċi soċjali

            218ss

Parroċċa

            28, 63

Pellegrinaġġ

            124

Pentekoste

            259

Pjetà popolari

            123, 126

Politika

            205

Predikazzjoni

            38, 39, 127ss

Qalb missjunarja

            45, 48, 50, 259, 273

Saċerdozju

            104, ara wkoll Ministeru pastorali

Saċerdozju, u l-mara

            104

Saltna ta’ Alla

            180, 181

Sensus fidei

            119

Sfidi tal-lum

            52-75, 102-109

Sinjali taż-żminijiet

            51, 108

Solidarjetà

            188, 189

Spirtu s-Santu

            112, 117, 130, 131, 178, 280, ara wkoll Pentekoste

Tagħlim Soċjali tal-Knisja

            182ss

Talb

            281-283

Tbatija

            91

Teoloġi

            133

Trinità Qaddisa

            178

Vokazzjonijiet

            107

Volontarjat

            106

Xiehda

            100

Zgħażagħ

            105, 106, 108

Żmien

            222