Il-Knisja ż-Żgħira

Wara ħafna snin magħluqa, tlesta x-xogħol ta’ restawr minn ġewwa tal-Knisja ż-Żgħira.  Nhar l-24 ta’ Ġunju 2011, reġgħet fetħet il-bibien tagħha. Dak in-nhar, Mons Vincenz Deguara iċċelebra quddiesa u wara ġie espost Ġesù Sagramentat għall-qima ta’ dawk preżenti.

Fil-fatt, din il-Knisja issa qegħda sservi ta’ Kappella ta’ Adorazzjoni. Tkun miftuħa mis-7.00am sat-8.00pm, mit-Tnejn sal-Ġimgħa, waqt li s-Sibt tiftaħ mis-7.00am sa nofs in-nhar. Wieħed jista’ jagħmel viżta lil Ġesù Sagramentat, jitlob fis-skiet, iqim lil Alla, ifaħħru u jirringrazzjah.

Hija ħaġa ta’ sodisfazzjoni li qed ikunu ħafna li jersqu biex jitolbu fis-skiet f’din il-Knisja.  It-talb quddiem Ġesù Sagramentat jagħmel ħafna u ħafna ġid. Ma niddejqux li nagħtu mill-ħin tagħna għat-talb.

Fost ix-xogħol li sar f’din il-Knisja, insemmu ż-żebgħa minn ġewwa, is-sistema ġdida ta’ dawl, ir-restawr tal-ġallarija, ir-restawr tal-pitturi tar-Redentur, tal-Qalb ta’ Ġesù u tal-Qalb ta’ Marija, u ta’ St Teresa ta’ Lisieux u Santa Katerina ta’ Siena. Tqegħdu f’posthom l-istatwi tal-Ecce Homo u ta’ Marija Addolorata, kif ukoll dawk ta’ Ommna Marija u ta’ San Ġużepp. Oġġetti antiki li kienu jintużaw fil-Knisja ġew imnaddfa, fejn kien hemm bżonn miżbugħa u mqegħda fil-post oriġinali tagħhom. Fi ftit ġimgħat oħra, mistenni jibda x-xogħol ta’ restawr minn barra tal-Knisja ż-Żgħira li ser ikun f’idejn il-ħaddiema tad-Dipartiment tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru tar-Riżorsi u Nfrastruttura.

Akkademja-Restawr



Nhar id-9 ta’ Lulju 2019 saret il-Konsagrazzjoni ta’ din il-knisja mill-Arċisqof Mons. Charels J. Scicluna.