Ħajja ta’ Imħabba fil-Komunità

It-tielet ħaġa li tagħmel il-komunità: din hi l-imħabba mnissla f’qalbna mill-Ispirtu s-Santu (Rum 5, 5). Fil-fatt x’tiswa komunità mingħajr l-imħabba? X’tiswa jekk ma twettaqx dak li l-Konċilju jsejjaħ “Liġi” tal-poplu ġdid ta’ Alla: il-preċett biex inħobbu bħalma Ġesu’ nnifsu ħabb lilna? (L.G.9)  X’tiswa mingħajr l-għaqda sħiħa ma’ l-Isqof, mal-Knisja universali?

Imma din l-imħabba trid tkun tidher. L-imħabba trid tippenetra u ġġib l-ordni fl-aspetti kollha tal-ħajja tal-bnedmin, trid tnissel ħajja soċjali tassew nisranija. Dan huwa importanti – bħalma diġa sħaqt drabi oħra “li l-parroċċa ssir dejjem aktar ċentru ta’ ġemgħa ta’ bnedmin insara jiġifieri l-parroċċa ssir komunita’ sħiħa.” (Diskors 24/1/’82)

Il-komunitajiet tagħna huma msejħin biex juru minn qabel iċ-Ċivilta’ tal-imħabba. U dan ifisser li, fuq il-mudell tal-ewwel komunitajiet insara, huma għandhom jibnu strutturi soċjali maħsubin għall-ħtiġijiet ta’ l-għaqda ta’ bejn l-aħwa. Dan ifisser li jibnu rabtiet mimlijin bl-ispirtu tal-paċi u tal-għotja lil xulxin, solidarjetà li tfejjaq is-soċjetà, ħajja spiritwali komunitarja li tista’ tgħaqqad l-imħabba ta’ Alla u l-imħabba tal-proxxmu.

Kien Ġesù stess li qabbadna fuq din it-triq; “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom” (Ġw 13,35). Il-parroċċa hija post privileġġjat biex tingħata din ix-xhieda, billi tirrepeti fi żmienna dawk il-ħwejjeġ tal-għaġeb li kien fihom l-ewwel komunitajiet, dik il-meravilja ta’ ħajja ġdida li mhux biss hi spiritwali imma soċjali u storika.

Silta minn diskors tal-Papa Ġwanni Pawlu II – Kunu Bennejja tal-Komunitajiet – http://www.laikos.org/JPII_BennejjaKomunitajiet.htm