Mid-29 ta’ Ġunju 2008 sad-29 ta’ Ġunju 2009, il-Knisja mad-dinja kollha qed tiċċelebra Sena ta’ Ġublew Speċjali ad unur ta’ l-Appostlu Missierna San Pawl, li tradizzjonalment huwa maħsub li twieled bejn is-snin 7 u 10 W.K. Iċ-ċelebrazzjoni se tkun l-iżjed fil-Bażilika ta’ San Pawl barra l-Ħitan ta’ Ruma, fejn il-fdalijiet ta’ San Pawl ilhom jiġu meqjuma għal sekli sħaħ. Din il-Bażilika din is-sena qed tilqa’ eluf ta’ pellegrini. Il-Papa Benedittu XVI, meta ħabbar is-sena Pawlina, kien ħeġġeġ lid-djoċesijiet kollha biex jieħdu inizjattivi biex jgħinu lill-fidili ħalli jsiru jafu aħjar lil dan l-Apposltu kbir, u sabiex it-tagħlim kbir li ħallielna jkun magħruf iżjed. Il-Papa fakkar ukoll li din is-Sena ta’ Ġublew ta’ l-Appostlu tal-Ġnus hija żmien idejali għall-ħidma ekumenika.