PELLEGRINAĠĠ GĦAL LOURDES – 30 t’Awissu sa 5 ta’ Settembru 2013

PELLEGRINAĠĠ GĦAL LOURDES – 30 t’Awissu sa 5 ta’ Settembru 2013

Il-Parroċċa San Sebastjan qed torganizza pellegrinaġġ għal Lourdes mit-30 ta’ Awissu sal-5 ta’ Settembru 2013.  Inħeġġukom tingħaqdu magħna biex flimkien nitolbu lil sidtna Marija u nżuru postijiet interessanti marbuta mal-belt ta’ Lourdes u l-inħawi, kif ukoll mal-ġrajja ta’ Santa Bernardette ta’ Soubirous.  Kuljum ikollna quddiesa minn Rev Marc Andre Camilleri u jkollna servizz ta’ tour leader.

Il-programm jinkludi żjarat lill-bażilki f’Lourdes, il-Grotta tad-dehriet, sehem fil-purċissjoni Aux Flambeaux

Inżuru: Bartres, Lac de Lourdes, Gavernie, Pont d’Espagne, il-Grotot ta’ Betharram, Artouste u Portalet fil-Pirinej.

Ibbukkja kmieni għax il-postijiet huma limitati.

PROGRAMM SĦIĦ

Il-Ġimgħa | Il-grupp jiltaqa’ l-ajruport fid-9.15 p.m. u b’titjira diretta mal-Air Malta, fil-11.10 p.m. nitilqu għal Lourdes.

Is-Sibt | Fis-1.35 a.m. naslu Lourdes u nirkbu l-coach li teħodna għal-Lukanda Lys De Marie (3 star superior) jew simili. Sistemazzjoni tal-kmamar u ħin għall-mistrieħ. Wara l-kolazzjon nibdew il-mawra tagħna f’Lourdes bi żjara fil-Grotta ta’ Massabielle, fejn il-Madonna dehret lil Santa Bernadette Soubirous. Niċċelebraw l-Ewkaristija f’waħda mid-diversi knejjes/kappelli li jinsabu viċin il-Grotta. Ma’ tmiem il-Quddiesa, il-grupp jieħu ritratt ta’ tifkira quddiem il-Bażiliki. Inkomplu bil-programm billi nżuru t-tliet Bażiliki u wara nagħmlu l-mixja tal-Via Sagra fuq l-Għolja de l’Espeluges. Pranzu u wara optional excursion għal Bartres u l-Lac de Lourdes. Bartres huwa villaġġ żgħir ftit ’il bogħod minn Lourdes, fejn Santa Bernadette għexet għal żewġ perijodi matul ħajjitha, inżuru d-dar fejn kienet toqgħod ma’ min rabbieha u l-Knisja Parrokkjali ddedikata lil San  Ġwann Battista, fejn kienet tmur titlob. Wara mmorru l-Lac de Lourdes u nitgħaxxqu bis-sbuħija ta’ din l-għadira b’daqs ta’ 52 hectres u qegħdha 422 metru ’l fuq mill-baħar. Ċena fil-lukanda u wara fid-9.00 p.m. nieħdu sehem, bħala grupp, fil-Purċissjoni Aux Flambeaux li tibda mill-Grotta u tintemm fil-pjazza ta’ quddiem il-Bażilika tar-Rużarju. F’din il-purċissjoni l-pellegrini jimxu wara l-istatwa tal-Madonna b’xemgħa mixgħula f’idejhom u jingħad ir-rużarju.

Il-Ħadd | Kolazzjon u wara fid-9.30 a.m. nieħdu sehem fil-Quddiesa Internazzjonali li ssir fil-Bażilika l-Kbira ta’ taħt l-art iddedikata lil San Piju X. Esperjenza unika u xeni mpressjonanti ta’ devozzjoni. Wara din iċ-ċelebrazzjoni mmorru naraw DVD dwar il-Messaġġ ta’ Lourdes. Pranzu u wara optional excursion għal Gavarnie. Eskurżjoni verament sabiħa li matulha naraw ħafna veduti meraviljużi. Gavarnie huwa raħal qalb il-muntanji, 1357 metru ’l fuq mill-baħar. Nagħmlu waqfa fuq Pont du Napoleon u ngawdu veduta mill-aqwa u anke wieħed jista’ jixtri xi tifkira tal-post. Hekk kif naslu Gavarnie nistgħu nagħmlu mixja qalb xenarju mill-isbaħ jew min irid jista’ anke jieħu rikba fuq xi żiemel. Ċena fil-lukanda.

It-Tnejn | Kolazzjon u wara optional excursion ta’ jum għal Artouste (packed lunch). Dawra verament sabiħa bil-coach fuq il-muntanji Pyrenees. Din il-ħarġa tilħaq l-aqwa tagħha meta permezz ta’ telecabine nitilgħu għoli ta’ 1920 metru minn fejn nirkbu petit train li permezz tagħha nduru qalb il-muntanji li jifirdu Franza u Spanja (telecabine u petit train ħlas extra ta’ €23.50 għall-kbar u €19 għat-tfal – minn 4 snin ’il fuq.) Wara nofsinhar immorru El Portalet, raħal żgħir fi Spanja fejn wieħed jista’ jagħmel ix-xiri tiegħu qabel nirritornaw l-lukanda. Wara ċ-ċena jkollna ċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa.

It-Tlieta | Illum ikollna kolazzjon kmieni biex immorru fil-banjijiet li qegħdin viċin il-Grotta u hemm nagħmlu t-talb tagħna. L-ilma tal-banjijiet jitwassal minn nixxiegħa li qegħda fil-Grotta, proprju ħalli titwetttaq l-istedina tal-Madonna biex wieħed jinżel fl-ilma, jirrikonċilja u jitlob għall-intenzjonijiet tiegħu. Wara jkollna ċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa u ħin liberu li matulu nistgħu nżuru diversi postijiet ta’ interess konnessi ma’ Santa Bernadette, fosthom il-Mitħna Boly (fejn twieldet), il-Cachot (fejn għexet matul żmien id-Dehriet) u l-Knisja Parrokkjali ddedikata lill-Qalb ta’ Ġesù (fejn hemm il-battisteru li tgħammdet fih). Pranzu u wara optional excursion fil-Pyrenees National Park, li huwa riserva naturali protetta u hemmhekk inżuru Pont d’Espagne. Eskurżjoni mill-isbaħ fuq il-muntanji bl-opportunita’ li nitgħaxxqu b’xenarju sabiħ u kaskati meraviljużi. Ċena fil-lukanda u wara ħin liberu.

L-Erbgħa | Kolazzjon u wara optional excursion ta’ nofs ta’ nhar għas-Santwarju u l-Grotot ta’ Betharram (entratura nkluża), esperjenza unika li ma għandhiex tintilef. Nibdew il-ħarġa tagħna bi żjara lis-Santwarju sabiħ u antik Marjan fejn ikollna ċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa. Skont uħud, l-oriġini ta’ dan is-Santwarju tmur l-lura għas-seklu 11. Inkomplu bil-programm billi mmorru nżuru l-grotot meraviljużi li mitqiesa bħala wħud mill-isbaħ tad-dinja u definittivament l-iżjed interessanti minħabba l-varjazzjoni kbira ta’ formazzjonijiet li fihom. Pranzu u wara fil-5.00 p.m. ikun hemm il-Purċissjoni bis-Santissimu Sagrament li tibda minn ħdejn l-Altar il-Kbir li qiegħed fiċ-ċentru tal-“Praire” ta’ quddiem il-Grotta, sal-Bażilika ta’ taħt l-art fejn isir it-tberik tal-morda. Wara ċ-ċena, ħin liberu sakemm nitilqu mil-lukanda għall-ajruport. (Ħruġ mill-kmamar fis-7.00 p.m.)

Il-Ħamis | It-titjira titlaq minn Lourdes fis-2.25 a.m. u tasal Malta fl-4.50 a.m.

Prezz kull persuna:

                                                                                    Assikurazjoni:

Kbar fi trippla                                     €529                Kbar                            €20

Kbar f’doppja                                     €535                Kbar (71-79 sena)       €39 (*)

Kbar f’single                                      €625                Tfal                             €14

Tfal (2 sa 5 snin) ma’ żewġ adulti     €435                (*) Ikun meħtieġ li jintelgħa ċertifikat mediku li

Tfal (6 sa 9 snin) ma żewġ adulti               €475                      jinkiseb mill-uffiċċju ta’ Britannia Tours. 

Prezz Jinkludi

Titjiriet diretti ma’ l-Airmalta: Malta/Lourdes/Malta

Trasferimenti: ajruport/lukanda/ajruport

Akkomodazzjoni fil-Lukanda Lys de Marie (3 star superior) jew simili

Kmamar kollha bis-servizzi privati

Full Board (kolazzjon/pranzu/ċena)

Servizz ta’ Tour Leader

Servizz ta’ Direttur Spiritwali

Taxxi kollha

Eskursjonijiet (Tfal iħallsu nofs prezz)

Bartres / Lac de Lourdes                                         €14

Gavarnie                                                                €24

Artouste / El Portalet (telecabine / petit train extra)    €29

Pont d’Espagne                                                      €24

Betharram: Santwarju / Grotot (entratura nkluża)        €26