Il-Kunsill Pastorali Parrokkjali tal-Parroċċa San Sebastjan qed ifakkar il-mitejn sena minn meta Ħal Qormi fl-1813 inħakem minn waħda mill-eqqel imxijiet tal-pesta. Għal an il-għan nhar il-Ħamis 17 ta’ Ottubru 2013 qed tkun organizzata taħdita dwar ĦAL QORMU U L-PESTA TAL-1813. Se ssit fil-Knsija ż-Żgħira fis-7.15pm fejn l-kelliem ewlieni se jkun Dr Joseph F. Grima, storiku minn Ħal Qormi, li għamel riċerka intensiva dwar Ħal Qormi.
Il-pesta aħlet f’Malta f’Marzu 1813 meta ix-xini San GiovanniI daħal fil-port ta’ Malta u l-kaptan irraporta li tul il-vjaġġ minn Lixandra kellu mewt ta’ wieħed mill-ekwipaġġ. Immedjatament ix-xini u l-ekwipaġġ tqegħdu taħt kwarantena fil-Lazzarett tal-Forti Manoel. F’April 1813 il-pesta ħalliet l-ewwel vittma tagħha fil-familja tal-iskarpan Salvu Borg mill-Belt Valletta, li hu suspettat li kien akkwista xi drapp jew ġilda infettata li oriġinat b’mod klandestin mix-xini San Giovanni. Hekk kif fil-ġranet ta’ wara mietu persuni oħra bl-istess sintomi l-awtoritajiet qajmu l-alert u bdew jieħdu prekawzjonijiet sabiex jiżolaw lill-morda. Minkejja dan il-marda bdiet inxtered mhux biss fil-Belt Valletta imma wkoll f’inħawi oħra ta’ Malta.
Ħal Qormi kien wieħed mill-irħula li l-aktar inlaqtu fejn bejn Mejju 1813 u Lulju 1814 mietu xejn inqas minn 740 persuna jigifieri madwar 16% tal-popolazzjoni Qormija spiċċat vittma ta’ din il-marda. L-ewwel vittma skont ir-reġistru tal-imwiet fil-parroċċa San Ġorġ kien tfajjel ta’ 12-il sena, li miet fit-18 ta’ Mejju 1813. Iżda skont it-tobba aktarx li miet billi kien ilu żmien isofri mill-ażżma. Fir-rapport tal-Bord Mediku l-ewwel vittma Qormija kienet Ursola Zammit ta’ 30 sena mart Michele, li mietet fil-24 ta’ Mejju 1813. L-aħħar vittmi kienu. F’din l-imxija kien hemm familji sħaħ li spiċċaw vittmi tal-pesta. Fost il-vittmi rinomati f’Ħal Qormi kien hemm t-tabib Emmanuel Micallef u martu Anna u l-kirurgu Giovanni Briffa u martu Vincenza li mietu lejn l-aħħar ta’ Awwissu 1813. Vittma oħra kien is-saċerdot Dun Ġwann Galea li miet f’Settembru 1813.
Tul dawn l-14-il xahar Ħal Qormi għadda minn tbatija kbira. Ħin minnhom il-gvernatur Thomas Maitland iddikjara lil Ħal Qormi kollu bħala lazzarett, għalaq id-dħulijiet kollha tiegħu u dawru bl-għassa biex ħadd ma jkun jista’ joħroġ u jidħol. Ngħatat l-ordni li kull min jipprova jikser l-ordni jiġi ffuċilat fil-pront. Din l-ordni tal-inqas ġiet attwata darba. Sadattant biex tinżamm l-ordni u kontroll Ħal Qormi ġie maqsum f’distretti, tal-inqas 7.
F’din it-tbatija kollha l-Qriema talbu għal ħniena mill-Mulej bl-interċessjoni tal-qaddisin fosthom tal-Madonna, ta’ San Ġorġ, ta’ Santu Rokku u ta’ San Sebastjan. Saru anki diversi wegħdi. Frott ta’ waħda minn dawn l-wegħdi sar lampier tal-fidda li jintrema fil-knisja parrokkjali ta’ San Ġorġ. Sabiex titwettaq wegħda oħra, fl-1815 fit-tarf tar-raħal tqegħdet l-istatwa ta’ San Sebastjan magħmula minn ġebla Maltija. Din l-istatwa turi lil San Sebastjan fil-mument tal-martirju bil-vleġeġ u saret mill-aħwa Ġlormu u Ċikku Fabri mill-Birgu.
Biż-żmien madwar din l-istatwa inbnew għadd ta’ djar u nħasset il-ħtieġa li tinbena knisja, li tbierket fl-1890 mill-vigarju Mons Ġużeppi Mercieca. Meta Mons Mauro Caruana ħass il-ħtieġa li f’Ħal Qormi titwaqqaf parroċċa oħra, għażel din il-Knisja ż-Żgħir, kif inhi magħrufa, li saret parroċċa dedikata lil San Sebastjan nhar il-5 ta’ Jannar 1936 bil-pussess tal-kappilan Dun Alwiġ Psaila.
Proset hafna tal-informazjoni u ta tahdita li kienet saret. Kienet interessanti. Proset ukoll tal-inizjattiva li jsiru tahdidiet bhal dawn.
Grazzi David. Issa s-sena fiehla (1815) naraw issirx xi haga simili fl-gheluq tal-200 sena tal-istatwa tal-pjazza.
Skuzani ridt nghid is-sena d-diehla (2015)