Nhar it-Tnejn 15 ta’ Lulju 2013 fil-Parroċċa San Sebastjn ta’ Ħal Qormi se jsir korteo tal-ftuħ tal-festa. F’dan il-korteo jieħdu sehem il-Kunsill-Parrokkjali Pastorali flimkien mal-kummissjonijiet parrokkjali, l-għaqdiet pastorali u reliġjużi tal-parroċċa flimkien mal-Kunsill Lokali u l-għaqdiet ċiviċi li jinsabu fil-parroċċa. Il-korteo jibda fis-6.30pm mill-knisja parrokkjali fejn rappreżentanti tal-għaqdiet iġorru kuruni tal-weraq u fjuri li jitqegħdu quddiem l-istatwa votiva ta’ San Sebastjan fil-pjazza ta’ quddiem il-Knisja ż-Żgħira. Il-Kappillan jgħid talba b’tifkira tal-vittmi tal-pesta tal-1813 u jitkantsa l-innu lil San Sebastjan. Wara l-korteo jerġa’ lura lejn il-knisja parrokkjali fejn issir il-quddiesa tal-ftuħ al-festa titulari. Wara l-quddiesa l-vara tinħareġ fuq iz-zuntier fejn flimkien mal-banda tas-Soċjetà Filarminika Pinto Banda San Sebastjan jitkanta l-innu popolari lil San Sebastjan. Wara l-banda tkompli billi tagħmel marċ matul it-toroq tal-parroċċa.
F’dan l-ewwel jum tal-fersta qed jitfakkar avveniment ikraħ u iebes li minnu għaddew missirijietna meta mitejn sena ilu Ħal Qormi, flimkien ma’ Malta kollha, kien inlaqat mill-ikbar imxija ta’ pesta. Din l-epidemija ħalliet warajha ħerba sħiħa.
Bdiet fil-Belt Valletta f’Marzu tal-1813 meta l-familja tal-iskarpan Salvu Borg kienet l-ewwel li nlaqtet b’dil-marda qerrieda.. Minkejja l-prekawzjonijiet li ħadu l-awtoritajiet, il-marda ma dametx ma inxteredet ma’ bosta nħawi ta’ Malta. L-aktar raħal li ntlaqat ħażin kien sewwa sew Ħal Qormi fejn hu kkalkulat li madwar wieħed minn kull ħames persuna ntlaqat b’dil-marda. Bejn minħabba li dik il-ħabta Ħal Qormi kien bil-bosta aktar post umdu mill-lum, peress li l-Marsa tal-Ingliżi, kienet għada tagħmel parti mill-port imma b’ħafna ilma qiegħed, u bejn li l-Qriema kienu qed jiksru diversi regoli sanitarji, il-marda baqgħet taħkem u tagħmel straġi f’Ħal Qormi anki wara li ma baqgħetx teżisti aktar f’inħawi oħra ta’ Malta. Sabiex jikkontrolla l-Gvernatur Thomas Maitland mexa b’id tal-ħadid. Bi strateġija militari dawwar lil Ħal Qormi b’ċint doppju m’għasses tajjeb mis-suldati biex Ħal Qormi ġie iżolat u prattikament ġie konvertit f’lazzarett kollu kemm hu. Ħal Qormi ġie dikjarat liberu mill-marda f’Lulju tal-1814.
Waqt dan il-flaġell il-Qriema rrikorrew fit-talb tagħhom lill-Mulej u, fost l-oħrajn, talbu l-interċessjoni ta’ San Sebastjan. Waħda mill-wegħdi li saret kienet li hekk kif jgħaddi l-flaġell ssir statwa lil San Sebastjan.
Dil-wegħda twettqet ftit xhur wara meta fit-tarf tar-raħal, f’waħda mit-toroq li kienet tagħti lejn il-Belt Valletta, tqegħdet l-istatwa artistika ta’ San Sebastjan. Inħadmet mill-aħwa Ċikku u Glormu Fabri tal-Birgu.Hi magħmula minn ġebla waħda u tqegħdet fuq pedestall pjuttost għoli. Fiha San Sebastjan jidher marbut ma’ siġra u minfud bil-vleġeġ bl-ewwel martirju iegħu. Tqegħdet f’postha fl-1815 meta is-Saċerdot Pietru Pawl Psaila għamel diskors tal-okkażżjoni.
Aktar tard quddiema inbniet il-Knisja ż-Żgħira li infetħet fl-1890. Dil-knisja serviet bħala l-ewwel knisja parrokkjali mat-twaqqif tal-parroċċa fl-1936.